LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 12/1 pp. 21-25
  • Is-Sovranità taʼ Ġeħova u s-Saltna t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Sovranità taʼ Ġeħova u s-Saltna t’Alla
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Is-​Saltna t’Alla Għala Hija Bżonnjuża?
  • Is-​“Sigriet Sagru” Jiġi Rivelat bil-​Mod il-​Mod
  • “Sakemm Jiġi Silo”
  • Tappoġġaha Int is-Sovranità taʼ Ġeħova?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Appoġġja s-sovranità taʼ Ġeħova!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Għala dan id-Dewmien Biex Tissetilja l-Kwistjoni?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 12/1 pp. 21-25

Is-​Sovranità taʼ Ġeħova u s-​Saltna t’Alla

“Tiegħek, Mulej, il-​kobor u l-​qawwa, il-​ġieħ, is-​sebħ u t-​tifħir . . . Tiegħek is-​saltna, Mulej.”​—1 KRONAKI 29:11.

1. Ġeħova għala għandu d-​dritt li jkun is-​Sovran taʼ l-​univers?

“WAQQAF il-​Mulej it-​tron tiegħu fis-​sema, u saltnatu fuq kollox taħkem.” (Salm 103:19) B’dan il-​kliem, is-​salmista rrefera għall-​verità bażika rigward il-​ħakma. Alla Ġeħova, billi hu l-​Ħallieq, għandu d-​dritt li jkun il-​Ħakkiem Sovran taʼ l-​univers.

2. Danjel kif iddeskriva l-​qasam taʼ l-​ispirti taʼ Ġeħova?

2 M’għandniex xi ngħidu, sabiex ħakkiem jeżerċita s-​sovranità tiegħu jkun hemm bżonn li jkollu s-​sudditi. L-​ewwelnett, Ġeħova eżerċita l-​ħakma tiegħu fuq il-​ħlejjaq spirti li kien ħalaq​—l-​ewwel l-​Iben uniġenitu tiegħu u mbagħad il-​qtajjaʼ taʼ l-​anġli. (Kolossin 1:​15-​17) Ħafna żmien wara, il-​profeta Danjel ra dehra taʼ Ġeħova bħala ħakkiem. Hu rrapporta: “Kont għadni qiegħed inħares, meta tqiegħdu xi tronijiet, u wieħed Xiħ fl-​għomor qagħad bilqiegħda; . . . eluf taʼ eluf kienu jaqduh, u għaxart elef taʼ għaxriet taʼ eluf wieqfa quddiemu.” (Danjel 7:​9, 10) Għal annati taʼ snin, Ġeħova, ix-​“Xiħ fl-​għomor,” ippresieda bħala s-​Sovran fuq il-​familja immensa u f’ordni li għandu taʼ wlied spirti, li qdew bħala “qaddejja” li jagħmlu r-​rieda tiegħu.​—Salm 103:​20, 21.

3. Is-​sovranità taʼ Ġeħova kif ġiet estiża fuq l-​univers fiżiku?

3 Maż-​żmien, Ġeħova estenda l-​ħakma tiegħu billi ħalaq l-​univers fiżiku vast u kumpless, inkluż l-​art. (Ġob 38:​4, 7) Għal wieħed osservatur fuq l-​art, il-​pjaneti u l-​kwiekeb tas-​sema jaħdmu b’tant ordni u preċiżjoni li jidhru li m’għandhom bżonn lil ħadd min jiggwidahom jew jikkmandahom. Madankollu, is-​salmista ddikjara: “[Ġeħova] kkmanda, u huma nħolqu; hu waqqafhom għal dejjem taʼ dejjem; tahom ordni li qatt ma tgħaddi.” (Salm 148:​5, 6) Ġeħova minn dejjem eżerċita s-​sovranità tiegħu biex jidderieġi, jordna, u jaħkem il-​mod kif jaħdmu l-​qasam taʼ l-​ispirti u l-​univers fiżiku.​—Neħemija 9:6.

4. Ġeħova kif jeżerċita s-​sovranità tiegħu fuq il-​bnedmin?

4 Bil-​ħolqien taʼ l-​ewwel koppja umana, Alla eżerċita s-​sovranità tiegħu jerġaʼ b’mod ieħor. Minbarra li pprovda lill-​bnedmin b’dak kollu li kellhom bżonn biex jgħixu ħajja kollha skop u sodisfaċenti, Ġeħova tahom il-​ħakma fuq l-​annimali taʼ l-​art​—għoti t’awtorità. (Ġenesi 1:​26-​28; 2:​8, 9) B’hekk, huwa ċar li Alla mhux biss jaħkem b’mod ħanin u tajjeb, imma wkoll hu jagħti lis-​sudditi tiegħu unur u dinjità. Sakemm Adam u Eva ssottomettew ruħhom għas-​sovranità taʼ Ġeħova, huma kellhom il-​prospett li jgħixu għal dejjem f’dar magħmula ġenna taʼ l-​art.​—Ġenesi 2:​15-​17.

5. Kif tiddeskrivi l-​mod kif Ġeħova jeżerċita s-​sovranità tiegħu?

5 X’nistgħu nikkonkludu minn dan kollu? L-​ewwelnett, Ġeħova dejjem eżerċita s-​sovranità tiegħu fuq il-​ħolqien kollu tiegħu. It-​tieni, il-​ħakma t’Alla hi ħanina u dinjituża fuq is-​sudditi tiegħu. Fl-​aħħar, jekk aħna nobdu u nappoġġaw il-​ħakma t’Alla se jkollna hena u sodisfazzjon. Mhux taʼ b’xejn li s-​Sultan David taʼ Iżrael tal-​qedem kien imqanqal biex jgħid: “Tiegħek, Mulej, il-​kobor u l-​qawwa, il-​ġieħ, is-​sebħ u t-​tifħir: kull ma hemm fis-​sema u fl-​art. Tiegħek is-​saltna, Mulej, int kap fuq kulħadd.”​—1 Kronaki 29:11.

Is-​Saltna t’Alla Għala Hija Bżonnjuża?

6. X’relazzjoni hemm bejn is-​sovranità t’Alla u s-​Saltna tiegħu?

6 Ladarba Ġeħova, is-​Sovran Universali, dejjem eżerċita l-​qawwa u s-​setgħa tiegħu, għala hemm bżonn is-​Saltna t’Alla? Ġeneralment, sovran jeżerċita l-​awtorità tiegħu permezz t’aġenzija li titpoġġa fuq is-​sudditi tiegħu. Għalhekk, is-​Saltna t’Alla hija turija jew eżerċitar tas-​sovranità universali t’Alla lejn il-​ħlejjaq tiegħu, mezz jew aġenzija użata minnu biex jaħkem.

7. Ġeħova għala stabbilixxa aspett ġdid tas-​sovranità tiegħu?

7 Ġeħova eżerċita s-​sovranità tiegħu b’modi differenti fi żminijiet differenti. Hu stabbilixxa wkoll aspett ġdid tas-​sovranità tiegħu minħabba żvilupp ġdid. Dan kien meta Satana, iben spirtu t’Alla u apostata, irnexxielu jinfluwenza lil Adam u Eva biex jirribellaw kontra l-​ħakma taʼ Ġeħova. Din ir-​ribelljoni ħolqot sfida kontra s-​sovranità t’Alla. B’liema mod? Meta Satana qal lil Eva li ‘żgur ma kinitx se tmut’ jekk tiekol il-​frotta projbita, hu insinwa li Ġeħova kien giddieb, u għalhekk mhux taʼ min jafdah. Iżjed minn hekk, Satana qal lil Eva: “Alla jaf li dak in-​nhar li tieklu minnu jinfetħu għajnejkom u ssiru bħal allat, li jafu t-​tajjeb u l-​ħażin.” Satana kien qed jissuġġerixxi li Adam u Eva setgħu jmorru aħjar jekk jinjoraw il-​kmand t’Alla u jsiru indipendenti. (Ġenesi 3:​1-6) Din kienet sfida diretta għad-​dritt t’Alla li jaħkem u jekk jaħkimx tajjeb jew le. X’kien se jagħmel Ġeħova?

8, 9. (a) Sovran uman kieku kif kien jittratta maʼ ribelljoni fir-​renju tiegħu? (b) X’għamel Ġeħova minħabba r-​ribelljoni fl-​Għeden?

8 Aħna kieku x’nistennew li jagħmel ħakkiem li fir-​renju tiegħu seħħet ribelljoni diretta? Dawk li huma familjari maʼ l-​istorja jistgħu jiftakru xi ġrajjiet bħal dawn. Minflok ma jinjora l-​kwistjoni, normalment sovran​—anki ħakkiem ħanin​—jagħmel ġudizzju kontra r-​ribelli, billi jiddikjarahom ħatjin taʼ tradiment kontra l-​istat. Imbagħad il-​ħakkiem għandu mnejn jagħti s-​setgħa lil xi ħadd biex irażżan il-​forzi ribelli u jirrestawra l-​paċi. B’mod simili, Ġeħova wera li kellu kontroll sħiħ tas-​sitwazzjoni meta minnufih aġixxa u ħabbar ġudizzju kontra r-​ribelli. Hu ħabbar li Adam u Eva ma kienx jistħoqqilhom iktar ir-​rigal taʼ ħajja taʼ dejjem, u Hu keċċiehom ’il barra mill-​ġnien taʼ l-​Għeden.​—Ġenesi 3:​16-​19, 22-​24.

9 Meta ħabbar il-​ġudizzju tiegħu kontra Satana, Ġeħova rrivela aspett ġdid tas-​sovranità tiegħu, mezz li bih kien se jirrestawra l-​paċi u l-​ordni fir-​renju kollu tiegħu. Lil Satana, Alla qallu: “Jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-​mara, bejn nislek u nisilha, u hu jisħaqlek rasek u int tisħaqlu għarqubu.” (Ġenesi 3:​15) B’hekk, Ġeħova rrivela li kien l-​iskop tiegħu li jagħti s-​setgħa lil ‘nisel’ biex jisħaq lil Satana u l-​forzi tiegħu u biex jagħti prova li s-​sovranità Tiegħu hi waħda tajba.​—Salm 2:​7-9; 110:​1, 2.

10. (a) Min kien in-​‘nisel’? (b) X’qal Pawlu rigward it-​twettiq taʼ l-​ewwel profezija?

10 Dan in-​‘nisel’ kien Ġesù Kristu, flimkien maʼ grupp distint taʼ ħakkiema sħab. Flimkien jifformaw is-​Saltna Messjanika t’Alla. (Danjel 7:​13, 14, 27; Mattew 19:28; Luqa 12:32; 22:​28-​30) Madankollu, dan ma ġiex rivelat kollu minnufih. Fil-​fatt, it-​twettiq taʼ l-​ewwel profezija baqaʼ “sigriet sagru li [kien] inżamm fis-​skiet għal żminijiet dejjiema.” (Rumani 16:25) Għal sekli sħaħ, irġiel taʼ fidi xtaqu ħafna ż-​żmien meta s-​“sigriet sagru” jiġi rivelat u titwettaq l-​ewwel profezija għall-​vindikazzjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova.​—Rumani 8:​19-​21.

Is-​“Sigriet Sagru” Jiġi Rivelat bil-​Mod il-​Mod

11. Ġeħova x’għarraf lil Abraham?

11 Hekk kif għadda ż-​żmien, Ġeħova għarraf bil-​mod il-​mod aspetti tas-​“sigriet sagru tas-​saltna t’Alla.” (Marku 4:​11) Fost dawk li Ġeħova rrivelalhom din l-​informazzjoni kien hemm ir-​raġel Abraham, li kien jissejjaħ “il-​ħabib taʼ Ġeħova.” (Ġakbu 2:​23) Ġeħova wiegħed lil Abraham li Hu kien se ‘jagħmlu ġens kbir.’ Iżjed minn hekk, Alla iktar tard għarraf lil Abraham: “Slaten joħorġu minnek,” u “jitbierku b’nislek il-​ġnus kollha taʼ l-​art.”​—Ġenesi 12:​3, 4 (12:​2, 3, NW); 17:6; 22:​17, 18.

12. In-​nisel taʼ Satana kif intwera wara d-​Dilluvju?

12 Saż-​żmien t’Abraham, diġà kien hemm xi bnedmin li pprovaw jaħkmu u jiddominaw lil oħrajn. Per eżempju, rigward Nimrod, li bużnannuh kien Noè, il-​Bibbja tgħid: “Dan kien l-​ewwel wieħed li sar setgħan fuq l-​art. Hu wera li kien kaċċatur setgħan kontra Ġeħova.” (Ġenesi 10:​8, 9, NW) B’mod ċar, Nimrod u ħakkiema oħrajn li ħatru lilhom infushom kienu fil-​kontroll taʼ Satana. Huma u dawk li kienu jappoġġawhom saru parti min-​nisel taʼ Satana.​—1 Ġwanni 5:​19.

13. Xi pprofetizza Ġeħova permezz taʼ Ġakobb?

13 Minkejja l-​isforzi taʼ Satana biex jagħmel ħakkiema umani, Ġeħova għadu jwettaq l-​iskop tiegħu. Permezz taʼ Ġakobb, in-​neputi t’Abraham, Ġeħova rrivela: “Ix-​xettru ma jitwarrabx minn Ġuda, lanqas il-​ħatar taʼ kmandant minn bejn riġlejh, sakemm jiġi Silo; u l-​popli se jobdu lilu.” (Ġenesi 49:​10, NW) It-​terminu “Silo” jfisser “Hu li Hi Tiegħu.” B’hekk, dan il-​kliem profetiku indika li kellu jiġi wieħed bi dritt legali biex jirċievi “x-​xettru,” jew is-​sovranità, u “l-​ħatar taʼ kmandant,” jew il-​ħakma, fuq il-​“popli,” jew il-​bnedmin kollha. Min kellu jkun dan il-​Wieħed?

“Sakemm Jiġi Silo”

14. Ġeħova liema patt għamel maʼ David?

14 Mid-​dixxendenti taʼ Ġuda, l-​ewwel wieħed li ntgħażel minn Ġeħova biex ikun sultan fuq in-​nies tiegħu kien ir-​ragħaj David, bin Ġesse.a (1 Samwel 16:​1-​13) Minkejja d-​dnubiet u l-​iżbalji tiegħu, David kellu l-​favur taʼ Ġeħova minħabba l-​lealtà tiegħu lejn is-​sovranità taʼ Ġeħova. Hekk kif tefaʼ iktar dawl fuq il-​profezija taʼ l-​Għeden, Ġeħova għamel patt maʼ David, billi qal: “Jiena nqajjem nislek warajk, nisel ħiereġ mill-​ġewwieni tiegħek, u nsaħħaħ is-​saltna tiegħu.” Dan ma kienx jinvolvi biss lil Salamun, l-​iben u s-​suċċessur taʼ David, għax il-​patt jgħid: “Jiena nsaħħaħ it-​tron tas-​saltna tiegħu għal dejjem.” Dan il-​patt Davidiku għamilha ċara li n-​‘nisel’ imwiegħed tas-​Saltna maż-​żmien kellu jiġi permezz tal-​linja tal-​familja taʼ David.​—2 Samwel 7:​12, 13.

15. Għala s-​saltna taʼ Ġuda setgħet titqies bħala mudell tas-​Saltna t’Alla?

15 David beda dinastija taʼ slaten, li ġew midlukin biż-​żejt qaddis mill-​qassis il-​kbir. B’hekk, dawn is-​slaten setgħu jissejħu wħud midlukin, jew messijiet. (1 Samwel 16:13; 2 Samwel 2:4; 5:3; 1 Slaten 1:​39) Huma bħallikieku kienu bil-​qiegħda fuq it-​tron taʼ Ġeħova u ħakmu bħala slaten għal Ġeħova f’Ġerusalemm. (2 Kronaki 9:8) F’dan is-​sens, is-​saltna taʼ Ġuda rrappreżentat is-​Saltna t’Alla, aspett tas-​sovranità taʼ Ġeħova.

16. X’kienu r-​riżultati tar-​renju tas-​slaten taʼ Ġuda?

16 Meta s-​sultan u n-​nies kienu jissottomettu ruħhom għas-​sovranità taʼ Ġeħova, huma kienu jirċievu l-​protezzjoni u l-​barka Tiegħu. Ir-​renju taʼ Salamun kien partikolarment żmien taʼ paċi u prosperità li ma tqabblu maʼ xejn, billi pprovda dehra profetika tal-​ħakma tas-​Saltna t’Alla meta l-​influwenza taʼ Satana se titneħħa kompletament u s-​sovranità taʼ Ġeħova tiġi vindikata. (1 Slaten 4:​20, 25) B’sogħba, il-​biċċa l-​kbira mis-​slaten fil-​linja Davidika naqsu li jimxu skond il-​ħtiġijiet taʼ Ġeħova, u n-​nies waqgħu fl-​idolatrija u l-​immoralità. Fl-​aħħar, Ġeħova ppermetta li s-​saltna tiġi meqruda mill-​Babiloniżi fis-​sena 607 Q.E.K. Satana deher li kellu l-​akbar suċċess fl-​attentat tiegħu biex iġib għajb fuq is-​sovranità taʼ Ġeħova.

17. X’juri li Ġeħova kien għad baqagħlu kontroll sħiħ minkejja l-​waqgħa tas-​saltna Davidika?

17 Il-​waqgħa tas-​saltna Davidika​—u lwaqgħa iktar qabel tas-​saltna taʼ Iżrael fit-​tramuntana​—ma tatx prova li Ġeħova ma kellux id-​dritt li jaħkem jew li ma kienx kapaċi jaħkem sew, imma tal-​konsegwenzi ħżiena li kellhom l-​influwenza taʼ Satana u l-​indipendenza tal-​bniedem minn Alla. (Proverbji 16:25; Ġeremija 10:23) Sabiex juri li kien għadu qed jeżerċita s-​sovranità tiegħu, Ġeħova ddikjara permezz tal-​profeta Eżekjel: “Neħħi t-​turbant, aqlaʼ l-​kuruna! . . . Ħerba, ħerba, ħerba nagħmel minnha! Hekk tibqaʼ sakemm jasal min għandu dritt fuqha, u nagħtihielu.” (Eżekjel 21:​31, 32 [21:​26, 27, NW]) Dan il-​kliem jindika li n-​‘nisel’ imwiegħed, dak il-​Wieħed li “[kellu] dritt fuqha,” kien għadu jrid jiġi.

18. X’ħabbar l-​anġlu Gabrijel lil Marija?

18 Ejja mmorru ’l quddiem lejn madwar is-​sena 2 Q.E.K. L-​anġlu Gabrijel intbagħat għand Marija, tfajla verġni ġewwa Nazaret, belt tal-​Galilija fit-​tramuntana tal-​Palestina. Hu ddikjara: “Ara! Int tnissel f’ġufek u tiled iben, u ssemmih Ġesù. Dan ikun kbir u jissejjaħ Bin l-​Iktar Għoli; u Alla Ġeħova jagħtih it-​tron taʼ David missieru, u jsaltan fuq dar Ġakobb għal dejjem, u ma jkunx hemm tmiem għal saltnatu.”​—Luqa 1:​31-​33.

19. Iż-​żmien qorob għal liema ġrajjiet eċċitanti?

19 Fl-​aħħar, kien qorob iż-​żmien biex jiġi rivelat is-​“sigriet sagru.” Dalwaqt kien se jidher il-​Wieħed prinċipali tan-​‘nisel’ imwiegħed. (Galatin 4:4; 1 Timotju 3:​16) Satana kellu jisħaqlu għarqubu. Imma mill-​banda l-​oħra, dan in-​‘nisel’ se jisħaq ras Satana, billi jtemm l-​influwenzi kollha li ħallew hu u dawk kollha kompliċi miegħu. Ukoll, hu se jagħti xiehda li permezz tas-​Saltna t’Alla se titneħħa l-​ħsara kollha li għamel Satana u tiġi vindikata s-​sovranità taʼ Ġeħova. (Ebrej 2:​14; 1 Ġwanni 3:8) Ġesù kif se jwettqu dan? Liema eżempju ħallielna biex nimitawh? Se nsibu t-​tweġibiet fl-​artiklu li jmiss.

[Nota taʼ taħt]

a Sawl, l-​ewwel wieħed li ntgħażel minn Alla biex jaħkem fuq Iżrael, kien mit-​tribù taʼ Benjamin.​—1 Samwel 9:​15, 16; 10:1.

Tistaʼ Tispjega?

• X’juri li Ġeħova għandu d-​dritt li jkun is-​Sovran taʼ l-​univers?

• Ġeħova għala stabbilixxa l-​iskop għal Saltna?

• Ġeħova kif għarraf bil-​mod il-​mod “is-​sigriet sagru”?

• X’juri li Ġeħova kellu kontroll sħiħ minkejja l-​waqgħa tas-​saltna Davidika?

[Stampa f’paġna 23]

Xi pprofetizza Ġeħova permezz t’Abraham?

[Stampa f’paġna 25]

Il-​waqgħa tas-​saltna Davidika kif ma tatx prova li Ġeħova ma kienx kapaċi jaħkem sew?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja