LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w07 12/1 pp. 26-30
  • Tappoġġaha Int is-Sovranità taʼ Ġeħova?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tappoġġaha Int is-Sovranità taʼ Ġeħova?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Satana Jisfida s-​Sovranità taʼ Ġeħova b’Mod Sfaċċat
  • “Is-​Saltna t’Alla Qorbot”
  • “Twettaq!”
  • Mudell biex Insegwuh
  • Meta Alla Jsir “Kollox għal Kulħadd”
  • Is-Sovranità taʼ Ġeħova u s-Saltna t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
  • Kif Ġesù Jigglorifika l-Ġustizzja t’Alla
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Ġeħova Hu l-Mulej Sovran Tagħna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
  • Żomm ħarstek fuq l-iktar kwistjoni importanti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
w07 12/1 pp. 26-30

Tappoġġaha Int is-​Sovranità taʼ Ġeħova?

“Għidu fost il-​ġnus: ‘[“Ġeħova,” “NW”] isaltan!’”​—SALM 96:10.

1, 2. (a) Liema ġrajja importanti seħħet madwar Ottubru tas-​sena 29 E.K.? (b) X’tifsira kellha din il-​ġrajja għal Ġesù?

ĠRAJJA importanti seħħet madwar Ottubru tas-​sena 29 E.K., waħda li qatt ma dehret bħalha fuq l-​art. Mattew, il-​kittieb taʼ l-​evanġelju, jirrapporta: “Wara li tgħammed, Ġesù minnufih telaʼ mill-​ilma; u, ara, is-​smewwiet infetħu, u [Ġwanni l-​Għammied] ra l-​ispirtu t’Alla nieżel bħal ħamiema u ġej fuq [Ġesù]. U ara! Instemaʼ wkoll leħen mis-​smewwiet jgħid: ‘Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt.’” Din kienet waħda mill-​ftit ġrajjiet li ġiet dokumentata mill-​kittieba kollha taʼ l-​erbaʼ evanġelji.​—Mattew 3:​16, 17; Marku 1:​9-​11; Luqa 3:​21, 22; Ġwanni 1:​32-​34.

2 It-​tiswib viżibbli taʼ l-​ispirtu qaddis fuq Ġesù identifikah bħala l-​Midluk, li jfisser Messija, jew Kristu. (Ġwanni 1:​33) Fl-​aħħar, kien deher in-​‘nisel’ imwiegħed! Bil-​wieqfa quddiem Ġwanni l-​Għammied kien hemm il-​wieħed li Satana kellu jisħaqlu għarqubu u li kellu jisħaq ras l-​akbar għadu taʼ Ġeħova u tas-​sovranità Tiegħu. (Ġenesi 3:​15) Minn dakinhar ’il quddiem, Ġesù kien konxju biżżejjed li kellu jistinka biex iwettaq l-​iskop taʼ Ġeħova rigward is-​sovranità Tiegħu u s-​Saltna.

3. Ġesù kif ipprepara ruħu għall-​irwol li kellu sabiex jappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova?

3 Sabiex ikun preparat għall-​inkarigu l-​ġdid tiegħu, “Ġesù, mimli bl-​ispirtu qaddis, telaq mill-​Ġordan u ttieħed mill-​ispirtu fix-​xagħri.” (Luqa 4:1; Marku 1:​12) Hemmhekk, għal 40 jum, Ġesù kellu l-​ħin biex jimmedita profondament dwar il-​kwistjoni tas-​sovranità li qajjem Satana u dwar dak kollu li Hu kellu jagħmel sabiex jappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova. Din il-​kwistjoni tinvolvi lill-​ħlejjaq intelliġenti kollha​—fis-​sema u fuq l-​art. Għalhekk, nagħmlu tajjeb li nikkunsidraw il-​ħajja leali taʼ Ġesù u naraw x’għandna nagħmlu biex nuru li aħna wkoll nixtiequ nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova.​—Ġob 1:​6-​12; 2:​2-6.

Satana Jisfida s-​Sovranità taʼ Ġeħova b’Mod Sfaċċat

4.Satana liema azzjoni ħa li qalgħet il-​kwistjoni tas-​sovranità?

4 M’għandniex xi ngħidu, l-​ebda waħda mill-​ġrajjiet li għadna kemm semmejna ma ħarbitlu lil Satana. Minnufih, hu fetaħ attakk fuq in-​‘nisel’ prinċipali tal-​“mara” t’Alla. (Ġenesi 3:​15) Satana ttanta lil Ġesù tliet darbiet, billi ssuġġerixxa li Ġesù kellu jagħmel dak li jaqbel lilu minflok dak li riedu jagħmel Missieru. B’mod partikulari, it-​tielet tentazzjoni qalgħet il-​kwistjoni tas-​sovranità. Waqt li wera lil Ġesù s-​“saltniet kollha tad-​dinja u l-​glorja tagħhom,” Satana b’mod sfaċċat qal lil Ġesù: “Dawn l-​affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-​art u tagħmilli att taʼ qima.” Ladarba kien jaf li x-​Xitan tassew kellu kontroll fuq “is-​saltniet kollha tad-​dinja,” Ġesù wera l-​pożizzjoni Tiegħu dwar il-​kwistjoni tas-​sovranità billi wieġeb: “Mur ’l hemm, Satana! Għax hu miktub, ‘Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.’”​—Mattew 4:​8-​10.

5. Liema missjoni diffiċli kellu jwettaq Ġesù?

5 Il-​ħajja taʼ Ġesù wriet b’mod ċar li l-​mira primarja tiegħu kienet li jappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova. Ġesù kien jaf sew li jrid jibqaʼ leali sal-​mewt f’idejn Satana​—kif kien imbassar profetikament li n-​‘nisel’ tal-​mara kellu jinsaħaqlu għarqubu​—sabiex jagħti prova li Alla kellu d-​dritt li jaħkem. (Mattew 16:21; 17:12) Hu kellu wkoll jirrivela l-​fatt li s-​Saltna t’Alla hija l-​aġenzija li Ġeħova se jagħtiha s-​setgħa biex trażżan lil Satana r-​ribell u biex tirrestawra l-​paċi u l-​ordni lill-​ħolqien kollu. (Mattew 6:​9, 10) X’għamel Ġesù biex wettaq din il-​missjoni diffiċli?

“Is-​Saltna t’Alla Qorbot”

6. Ġesù kif wera li s-​Saltna hija l-​mezz li Alla se juża biex “ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan”?

6 L-​ewwelnett, “Ġesù daħal fil-​Galilija jippriedka l-​aħbar tajba t’Alla u jgħid: ‘Iż-​żmien stabbilit twettaq, u s-​saltna t’Alla qorbot.’” (Marku 1:​14, 15) Fil-​fatt, hu qal: “Irrid inxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla . . . għax għal dan intbgħatt.” (Luqa 4:​18-​21, 43) Ġesù vvjaġġa t-​tul u l-​wisaʼ taʼ l-​art, “jippriedka u jxandar l-​aħbar tajba tas-​saltna t’Alla.” (Luqa 8:1) Ġesù wettaq ukoll ħafna għemejjel setgħana​—temaʼ lill-​folol, ikkontrolla l-​elementi, fejjaq lill-​morda, u qajjem lill-​mejtin. Permezz taʼ dawn il-​mirakli, Ġesù ta prova li Alla jistaʼ jġib fix-​xejn il-​ħsara u t-​tbatija kollha li ġabet ir-​ribelljoni li seħħet fl-​Għeden, u b’hekk “ikisser l-​għemejjel tax-​Xitan.”​—1 Ġwanni 3:8.

7. Ġesù x’għallimhom jagħmlu lis-​segwaċi tiegħu, u b’liema riżultat?

7 Ġesù ġabar grupp taʼ segwaċi leali u ħarriġhom fix-​xogħol taʼ li jiddikjaraw bir-​reqqa l-​aħbar tajba tas-​Saltna. L-​ewwel, hu inkariga lit-​12-il appostlu tiegħu u “bagħathom jippridkaw is-​saltna t’Alla.” (Luqa 9:​1, 2) Imbagħad, bagħat 70 oħra biex jiddikjaraw il-​messaġġ: “Is-​saltna t’Alla qorbot lejkom.” (Luqa 10:​1, 8, 9) Meta dawn id-​dixxipli ġew lura u rrapportaw lil Ġesù s-​suċċess li kellhom fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar tas-​Saltna, hu wieġeb: “Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-​sema.”​—Luqa 10:​17, 18.

8. Il-​ħajja taʼ Ġesù xi wriet biċ-​ċar?

8 Ġesù ħabrek u qatt ma tilef opportunità biex jagħti xiehda dwar is-​Saltna. Hu dejjem baqaʼ sejjer, billi ħadem lejl u nhar, saħansitra ċċaħħad mill-​kumditajiet normali tal-​ħajja. “Il-​volpijiet għandhom l-​għerien u l-​għasafar tas-​sema għandhom il-​bejtiet, imma Bin il-​bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu,” hu qal. (Luqa 9:​58; Marku 6:​31; Ġwanni 4:​31-34) Ftit qabel il-​mewt tiegħu, Ġesù qal b’kuraġġ quddiem Ponzju Pilatu: “Għal dan ġejt fid-​dinja, biex nixhed għall-​verità.” (Ġwanni 18:37) Il-​ħajja kollha taʼ Ġesù wriet li hu ma ġiex biss biex ikun għalliem kbir jew biex jagħmel il-​mirakli jew saħansitra sempliċement bħala Salvatur li ssagrifika lilu nnifsu, imma wkoll biex jappoġġa r-​rieda sovrana taʼ Ġeħova u jagħti xiehda li Alla kapaċi jwettaq ir-​rieda tiegħu permezz tas-​Saltna.​—Ġwanni 14:6.

“Twettaq!”

9. Satana kif irnexxielu fl-​aħħar jisħaq l-​għarqub tan-​‘nisel’ tal-​mara t’Alla?

9 Dak kollu li wettaq Ġesù fi qbil mas-​Saltna m’għoġbux lill-​Avversarju, Satana x-​Xitan. Ripetutament, permezz tal-​parti tan-​‘nisel’ tiegħu li għandu fuq l-​art​—kemm politika kif ukoll reliġjuża​—Satana pprova joqtol lin-​‘nisel’ tal-​mara t’Alla. Miż-​żmien tat-​twelid tiegħu sat-​tmiem taʼ ħajtu fuq l-​art, Ġesù kien il-​mira taʼ Satana u tal-​kompliċi tiegħu. Fl-​aħħar, fir-​Rebbiegħa tas-​sena 33 E.K., kien wasal iż-​żmien biex Bin il-​bniedem jingħata f’idejn l-​Avversarju ħalli jisħaqlu għarqubu. (Mattew 20:​18, 19; Luqa 18:​31-​33) Ir-​rakkonti fl-​evanġelju juru b’mod ċar kif in-​nies​—minn Ġuda l-​Iskarjota sal-​qassisin ewlenin, l-​iskribi, il-​Fariżej, u r-​Rumani​—kienu kontrollati minn Satana biex jikkundannaw lil Ġesù u jagħtuh mewta taʼ wġigħ fuq zokk tat-​tortura.​—Atti 2:​22, 23.

10. Ġesù x’wettaq primarjament permezz tal-​mewt tiegħu fuq iz-​zokk tat-​tortura?

10 X’jiġik f’moħħok meta taħseb dwar Ġesù fuq iz-​zokk tat-​tortura waqt li qed isofri mewta bil-​mod il-​mod u agonizzanti? Forsi tiftakar fis-​sagrifiċċju bħala fidwa li Ġesù ta bla egoiżmu għan-​nom tal-​bnedmin midinbin. (Mattew 20:28; Ġwanni 15:13) Għandek mnejn tistagħġeb dwar l-​imħabba kbira li wera Ġeħova meta pprovda dan is-​sagrifiċċju. (Ġwanni 3:​16) Forsi tħossok l-​istess bħall-​uffiċjal taʼ l-​armata Rumana li tqanqal biex jgħid: “Żgur li dan kien Bin Alla.” (Mattew 27:54) Dawn kollha żgur li huma tweġibiet tajbin. Mill-​banda l-​oħra, ftakar x’kien l-​aħħar kliem taʼ Ġesù fuq iz-​zokk tat-​tortura: “Twettaq!” (Ġwanni 19:30) Xi twettaq? Għalkemm Ġesù wettaq ħafna affarijiet permezz taʼ ħajtu u mewtu, mhux biex jissetilja l-​kwistjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova li Ġesù primarjament ġie fuq l-​art? U ma kienx imbassar li bħala n-​‘nisel,’ hu kellu jsofri l-​iktar prova ħarxa f’idejn Satana sabiex inaddaf l-​isem taʼ Ġeħova minn kull tmaqdir? (Isaija 53:​3-7) Madankollu, għalkemm dawn kienu responsabbiltajiet kbar, Ġesù wettaqhom bis-​sħiħ. Xi twettiq dan!

11. X’se jagħmel Ġesù biex iwettaq kompletament il-​profezija mħabbra fl-​Għeden?

11 Għall-​fedeltà u l-​lealtà tiegħu, Ġesù ma ġiex irxoxtat bħala bniedem, imma bħala “spirtu li jagħti l-​ħajja.” (1 Korintin 15:45; 1 Pietru 3:​18) Il-​wegħda taʼ Ġeħova għal Ibnu glorifikat kienet: “Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-​għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.” (Salm 110:1) “L-​għedewwa” jinkludu l-​perċimes prinċipali, Satana, u dawk kollha li jifformaw in-​‘nisel’ tiegħu. Bħala s-​Sultan tas-​Saltna Messjanika taʼ Ġeħova, Ġesù Kristu se jieħu t-​tmexxija f’li jeqred lir-​ribelli kollha, fis-​sema u fuq l-​art. (Rivelazzjoni 12:​7-9; 19:​11-​16; 20:​1-3, 10) Imbagħad, se titwettaq kompletament il-​profezija taʼ Ġenesi 3:​15 kif ukoll it-​talba li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-​sema, ukoll fuq l-​art.”​—Mattew 6:​10; Filippin 2:​8-​11.

Mudell biex Insegwuh

12, 13. (a) Liema reazzjoni qed naraw illum għall-​aħbar tajba tas-​Saltna? (b) X’għandna nistaqsu lilna nfusna jekk irridu nsegwu l-​passi taʼ Kristu?

12 Illum, l-​aħbar tajba tas-​Saltna qed tiġi pridkata f’ħafna pajjiżi, kif ipprofetizza Ġesù li kellu jiġri. (Mattew 24:14) B’riżultat taʼ dan, miljuni taʼ nies iddedikaw ħajjithom lil Alla. Huma eċċitati dwar il-​barkiet li se ġġib is-​Saltna. Huma jħarsu ’l quddiem biex jgħixu għal dejjem fil-​paċi u s-​sigurtà fuq art magħmula ġenna, u b’ferħ jgħidu lil oħrajn dwar it-​tama tagħhom. (Salm 37:11; 2 Pietru 3:​13) Int wieħed jew waħda minn dawn il-​proklamaturi tas-​Saltna? Jekk iva, int taʼ min ifaħħrek. Madankollu, hemm xi ħaġa oħra li lkoll kemm aħna għandna nikkunsidraw.

13 L-​appostlu Pietru kiteb: “Kristu sofra għalikom, u ħallielkom mudell biex timxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.” (1 Pietru 2:​21) Innota li f’dan il-​vers, Pietru ma semmiex iż-​żelu li kellu Ġesù fl-​ippridkar jew l-​abbiltà tiegħu f’li jgħallem, imma s-​sofferenza tiegħu. Bħala wieħed li ra b’għajnejh, Pietru kien konxju ħafna dwar sa liema punt Ġesù kien lest li jsofri sabiex jissottometti ruħu għas-​sovranità taʼ Ġeħova u jagħti prova li Satana huwa giddieb. Mela, b’liema modi nistgħu nsegwu l-​passi taʼ Ġesù? Aħna rridu nistaqsu lilna nfusna: ‘Sa liema punt jien lest li nsofri sabiex nappoġġa u nonora s-​sovranità taʼ Ġeħova? Nuri bil-​mod taʼ kif qed ngħix ħajti u kif qed inwettaq il-​ministeru tiegħi li l-​iktar interess tiegħi hu li nappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova?’​—Kolossin 3:​17.

14, 15. (a) Kif irreaġixxa Ġesù għal suġġerimenti u offerti żbaljati, u għala? (b) Liema kwistjoni għandna dejjem inżommu f’moħħna? (Inkludi xi kummenti mill-​kaxxa “Appoġġa n-​Naħa taʼ Ġeħova.”)

14 Kuljum, aħna niffaċċjaw provi u deċiżjonijiet, kbar u żgħar. Kif se niddeterminaw ir-​reazzjoni tagħna? Per eżempju, meta niġu wiċċ imbwiċċ mat-​tentazzjoni biex nagħmlu xi ħaġa li se tipperikola l-​pożizzjoni Kristjana tagħna, kif se nirreaġixxu? Meta Pietru qal lil Ġesù biex ikun ħanin miegħu nnifsu, x’kienet ir-​reazzjoni taʼ Ġesù? “Itlaq minn quddiemi, Satana!” qallu Ġesù. “M’intix taħseb il-​ħsibijiet t’Alla imma tal-​bnedmin.” (Mattew 16:​21-​23) Jew meta niġu offruti opportunitajiet biex navanzaw finanzjarjament jew fil-​karriera li jistgħu jeffettwaw l-​attivitajiet Kristjani u r-​relazzjoni tagħna m’Alla, nirreaġixxu aħna bħal Ġesù? Meta Ġesù ħass li dawk li raw il-​mirakli tiegħu “kienu ġejjin jaqbduh biex jagħmluh sultan,” telaqhom minnufih.​—Ġwanni 6:​15.

15 Ġesù għala rreaġixxa b’mod daqshekk sod f’dawn l-​okkażjonijiet u f’oħrajn? Għax hu rrealizza li kien hemm xi ħaġa iktar importanti mis-​sigurtà persunali tiegħu jew minn dak li kien jaħseb li kien l-​aħjar għalih. Hu ried jagħmel ir-​rieda taʼ Missieru u jappoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova minkejja l-​konsegwenzi. (Mattew 26:​50-54) B’hekk, jekk m’għandniex il-​kwistjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova ċara f’moħħna l-​ħin kollu, bħalma kellu Ġesù, dejjem se nkunu fil-​periklu li nagħmlu xi kompromess jew nonqsu li nagħmlu dak li hu tajjeb. Għala? Għax faċilment nistgħu naqgħu fit-​tnassis taʼ Satana, li hu tas-​sengħa f’li dak li hu ħażin jagħmlu jidher taʼ min jixtiequ, bħalma għamel meta ttanta lil Eva.​—2 Korintin 11:14; 1 Timotju 2:​14.

16. X’għandha tkun il-​mira prinċipali tagħna meta ngħinu lil oħrajn?

16 Fil-​ministeru tagħna, aħna nistinkaw biex nitkellmu man-​nies rigward l-​interessi tagħhom u biex nuruhom it-​tweġibiet mill-​Bibbja. Dan hu mod effettiv kif inqajmu l-​interess tagħhom biex jistudjaw il-​Bibbja. Madankollu, il-​mira prinċipali tagħna m’hijiex biss li ngħinu lin-​nies isiru jafu dak li tgħid il-​Bibbja jew liema barkiet se ġġib is-​Saltna t’Alla. Aħna rridu ngħinuhom jifhmu l-​kwistjoni tas-​sovranità taʼ Ġeħova. Lesti huma li jsiru Kristjani veri u jerfgħu z-​“zokk tat-​tortura” tagħhom u jsofru għas-​Saltna? (Marku 8:​34) Lesti huma biex jingħaqdu maʼ dawk li jappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, u b’hekk jagħtu prova li Satana hu giddieb u kalunnjatur? (Proverbji 27:11) Huwa unur għalina li ngħinu lilna nfusna u lil oħrajn biex nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova.​—1 Timotju 4:​16.

Meta Alla Jsir “Kollox għal Kulħadd”

17, 18. Lejn liema żmien glorjuż nistgħu nħarsu ’l quddiem jekk nuru li qed nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

17 Hekk kif nagħmlu ħilitna kollha issa biex nuru bil-​kondotta u l-​ministeru tagħna li qed nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nħarsu ’l quddiem lejn iż-​żmien meta Ġesù Kristu “jgħaddi s-​saltna lil Alla tiegħu u Missieru.” Meta se jseħħ dan? L-​appostlu Pawlu jispjega: “Meta jkun ġieb fix-​xejn kull gvern u kull awtorità u qawwa. Għax hu jrid isaltan sakemm Alla jkun qiegħed l-​għedewwa kollha taħt saqajh. . . . Imbagħad l-​Iben innifsu wkoll jissottometti ruħu lejn Dak li ssuġġettalu kollox, biex Alla jkun kollox għal kulħadd.”—1 Korintin 15:​24, 25, 28.

18 Meta Alla jsir “kollox għal kulħadd”​—xi żmien glorjuż se jkun dan! Is-​Saltna se tkun wettqet l-​iskop tagħha. Dawk kollha li jopponu s-​sovranità taʼ Ġeħova se jiġu meqrudin. Se jiġu restawrati l-​paċi u l-​ordni fl-​univers kollu. Fi kliem is-​salmista, il-​ħolqien kollu se jgħanni: “Agħtu [“lil Ġeħova,” NW] is-​sebħ taʼ ismu! . . . Għidu fost il-​ġnus: ‘[“Ġeħova,” NW] isaltan!’”​—Salm 96:​8, 10.

Taf Twieġeb?

• Ġesù kif żamm il-​kwistjoni tas-​sovranità t’Alla fuq quddiem?

• Ġesù x’wettaq primarjament permezz tal-​ministeru u l-​mewt tiegħu?

• B’liema modi nistgħu nsegwu l-​eżempju taʼ Ġesù f’li nuru li aħna qed nappoġġaw is-​sovranità taʼ Ġeħova?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 29]

APPOĠĠA N-​NAĦA TAʼ ĠEĦOVA

Bħalma jafu ħafna aħwa fil-​Korea u bnadi oħrajn, meta Kristjani jiġu wiċċ imbwiċċ maʼ provi ħorox, ikun t’għajnuna jekk iżommu ċar f’moħħhom ir-​raġuni għala jkollhom provi bħal dawn.

“Dak li għenna nissaportu,” qal wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova li ġie mitfugħ il-​ħabs matul dak li qabel kien ir-​reġim Sovjetiku, “kien fehma ċara tal-​kwistjoni li qamet fil-​ġnien taʼ l-​Għeden​—il-​kwistjoni dwar jekk Alla għandux id-​dritt li jaħkem. . . . Aħna konna nafu li kellna opportunità biex nappoġġaw il-​ħakma taʼ Ġeħova. . . . Dan saħħaħna u għamilha possibbli għalina biex inżommu l-​integrità tagħna.”

Xhud ieħor spjega x’għen lilu u lix-​Xhieda sħabu f’kamp tax-​xogħol. “Ġeħova appoġġana,” hu qal. “Minkejja l-​kundizzjonijiet diffiċli, aħna dejjem qgħadna attenti biex inżommu r-​relazzjoni tagħna m’Alla b’saħħitha. Dejjem inkuraġġejna lil xulxin billi konna nfakkru lil xulxin li konna appoġġajna n-​naħa taʼ Ġeħova fuq il-​kwistjoni tas-​sovranità universali.”

[Stampa f’paġna 26]

Ġesù kif appoġġa s-​sovranità taʼ Ġeħova meta ġie ttantat minn Satana?

[Stampa f’paġna 28]

Xi twettaq permezz tal-​mewt taʼ Ġesù?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja