LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 12/15 pp. 3-8
  • ‘Isimgħu u ifhmu’

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • ‘Isimgħu u ifhmu’
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF NISTGĦU NIBBENEFIKAW MIT-​TAGĦLIM TAʼ ĠESÙ?
  • IŻ-​ŻERRIEGĦA TAL-​MUSTARDA
  • IL-​ĦMIRA
  • IL-​MERKANT LI JIVVJAĠĠA U T-​TEŻOR MOĦBI
  • Ma Tafx Liema Tinbet!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Tixbihat dwar is-Saltna
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
  • Qed ‘tifhem l-Iskrittura’?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Igħallem bit-Tixbihat
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 12/15 pp. 3-8
It-tixbihat taʼ Ġesù dwar il-ħmira, il-merkant li jivvjaġġa, u t-teżor moħbi

‘Isimgħu u ifhmu’

“Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.”—MARKU 7:14.

X’TITGĦALLEM MIT-​TIXBIHA DWAR . . .

  • iż-​żerriegħa tal-​mustarda?

  • il-​ħmira?

  • il-​merkant li jivvjaġġa?

  • it-​teżor moħbi?

1, 2. Ħafna nies għala ma fehmux xi jfisser kliem Ġesù?

META xi ħadd ikellimna, nisimgħu leħnu u anke ninnotaw it-​ton taʼ leħnu. Imma biex nifhmu dak li qed jgħid, irridu nifhmu xi jfisser kliemu. (1 Korintin 14:9) Ġesù tkellem maʼ eluf taʼ nies bil-​lingwa tagħhom stess. Imma mhux kollha fehmu xi jfisser kliemu. Għalhekk, Ġesù qal: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmu.”—Marku 7:14.

2 Ħafna minn dawn in-​nies għala ma fehmux x’ried ifisser Ġesù? Xi wħud diġà kellhom l-​opinjonijiet tagħhom stess jew saħansitra kellhom skopijiet ħżiena. Ġesù qal hekk dwar dawn in-​nies: “Fin fin twarrbu fil-​ġenb il-​kmandament t’Alla sabiex iżżommu t-​tradizzjoni tagħkom.” (Marku 7:9) Ma pprovawx jifhmu xi jfisser kliem Ġesù. Ma ridux ibiddlu d-​drawwiet u l-​opinjonijiet tagħhom. Dawn in-​nies semgħu imma ma fehmux. (Aqra Mattew 13:13-​15.) Kif nistgħu nagħmlu ċert li dejjem inkunu lesti li nitgħallmu mit-​tagħlim taʼ Ġesù?

KIF NISTGĦU NIBBENEFIKAW MIT-​TAGĦLIM TAʼ ĠESÙ?

3. Id-​dixxipli għala setgħu jifhmu dak li qal Ġesù?

3 Għandna bżonn insegwu l-​eżempju tad-​dixxipli taʼ Ġesù li wrew l-​umiltà. Hu qalilhom: “Henjin għajnejkom għax jaraw, u widnejkom għax jisimgħu.” (Mattew 13:16) Għala setgħu jifhmu dak li qal Ġesù meta oħrajn ma setgħux? Għax ħadu tliet passi. L-​ewwel, kienu jafu li l-​mistoqsija oħt il-​għerf, u għalhekk saqsew mistoqsijiet ħalli jsiru jafu eżatt x’ried ifisser Ġesù. (Mattew 13:36; Marku 7:17) It-​tieni, kienu lesti li jaċċettaw l-​affarijiet ġodda li kienu qed jitgħallmu u jżidu t-​tagħlim maʼ dak li diġà kienu aċċettaw f’qalbhom. (Aqra Mattew 13:11, 12.) It-​tielet, kienu lesti li jużaw dak li tgħallmu ħalli jgħinu lilhom infushom u lil ħaddieħor.—Mattew 13:51, 52.

4. Liema tliet passi huma meħtiġin jekk irridu nifhmu t-​tixbihat taʼ Ġesù?

4 Bħad-​dixxipli, aħna wkoll neħtieġu nieħdu tliet passi jekk irridu nifhmu t-​tixbihat taʼ Ġesù. L-​ewwel, għandna bżonn inwarrbu l-​ħin biex nistudjaw it-​tagħlim taʼ Ġesù, nimmeditaw fuqu, nagħmlu riċerka, u nsaqsu l-​mistoqsijiet adattati. B’hekk, inkunu qed nieħdu l-​għarfien. (Proverbji 2:4, 5) It-​tieni, għandna bżonn naraw kif dan l-​għarfien għandu x’jaqsam maʼ dak li diġà nafu u kif jistaʼ jkun taʼ ġid għalina b’mod persunali. B’hekk, inkunu qed niksbu l-​abbiltà li nifhmu. (Proverbji 2:2, 3) It-​tielet, għandna nużaw dak li tgħallimna u napplikawh f’ħajjitna. B’hekk, inkunu qed nuru l-​għerf.—Proverbji 2:6, 7.

L-​għerf jistaʼ jsalvalna ħajjitna!

5. Agħti eżempju li juri d-​differenza li hemm bejn l-​għarfien, l-​abbiltà li tifhem, u l-​għerf.

5 X’inhi d-​differenza bejn l-​għarfien, l-​abbiltà li tifhem, u l-​għerf? Nistgħu nispjegawha b’dan il-​mod: Immaġina li qiegħed wieqaf f’nofs taʼ triq u hemm karozza tal-​linja riesqa lejk. L-​ewwel, tara li hi tal-​linja—dan hu l-​għarfien. Imbagħad tirrealizza li jekk tibqaʼ fejn int, se ttajrek—din hi l-​abbiltà li tifhem! Għalhekk, malajr tersaq minn nofs it-​triq—dan hu l-​għerf! Il-​Bibbja tgħidilna biex ‘nagħtu widen għall-​għerf’ għax jistaʼ jsalvalna ħajjitna!—Proverbji 2:2; 1 Timotju 4:16.

6. Liema erbaʼ mistoqsijiet se nsaqsu hekk kif neżaminaw sebgħa mit-​tixbihat taʼ Ġesù? (Ara l-kaxxa.)

6 F’dan l-​artiklu u f’taʼ wara, se neżaminaw sebaʼ tixbihat li ta Ġesù. Se nsaqsu l-​mistoqsijiet li ġejjin: Xi tfisser it-​tixbiha? (B’hekk, se nieħdu l-​għarfien.) Ġesù għala ta din it-​tixbiha? (B’hekk, se niksbu l-​abbiltà li nifhmu.) Kif nistgħu nużaw din l-​informazzjoni biex ngħinu lilna nfusna u lil ħaddieħor? (B’hekk, se nuru l-​għerf.) Fl-​aħħar, it-​tixbiha x’tgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

IŻ-​ŻERRIEGĦA TAL-​MUSTARDA

7. Xi tfisser it-​tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda?

7 Aqra Mattew 13:31, 32. Xi tfisser it-​tixbiha taʼ Ġesù dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda? Iż-​żerriegħa tal-​mustarda tirrappreżenta kemm il-​messaġġ tas-​Saltna li nippritkaw u kemm il-​kongregazzjoni Kristjana. Meta l-​kongregazzjoni Kristjana ġiet stabbilita fis-​sena 33 EK, kienet żgħira ħafna bħall-​“iżgħar miż-​żrieragħ kollha.” Fi żmien qasir, kibret b’rata mgħaġġla minħabba l-​ippritkar. Ħafna wħud ma stennewx li ħa tikber kemm kibret u bil-​ħeffa li kibret. (Kolossin 1:23) Ġesù jgħidilna li “l-​għasafar tas-​sema” setgħu jsibu fejn “joqogħdu qalb il-​friegħi tagħha.” Dan ifisser li hekk kif kibret il-​kongregazzjoni Kristjana, dawk b’attitudni xierqa sabu ikel, kenn, u protezzjoni hemmhekk f’sens spiritwali.—Qabbel Eżekjel 17:23.

It-​tkabbir tal-​kongregazzjoni Kristjana kien tal-​għaġeb

8. Ġesù għala ta t-​tixbiha dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda?

8 Ġesù għala ta din it-​tixbiha? Hu uża t-​tkabbir rimarkevoli taż-​żerriegħa tal-​mustarda biex juri kif is-​Saltna t’Alla tikber, tipproteġi, u tegħleb kull ostaklu. Sa mill-​1914, it-​tkabbir tal-​kongregazzjoni Kristjana kien tal-​għaġeb. (Isaija 60:22) Dawk li huma parti minn din il-​kongregazzjoni jiġu megħjunin jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. (Proverbji 2:7; Isaija 32:1, 2) L-​ebda oppożizzjoni ma tistaʼ twaqqaf lill-​kongregazzjoni milli tikber.—Isaija 54:17.

9. (a) X’nistgħu nitgħallmu mit-​tixbiha dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

9 X’nistgħu nitgħallmu mit-​tixbiha dwar iż-​żerriegħa tal-​mustarda? Jistaʼ jkun li ngħixu fi nħawi fejn ma tantx hemm Xhieda u ftit li xejn hemm tkabbir, jew, żieda fl-​għadd taʼ Xhieda. Imma qatt m’għandna ninsew li s-​Saltna tistaʼ tegħleb kwalunkwe ostaklu. Dan il-​ħsieb se jagħtina s-​saħħa biex nissaportu. Pereżempju, meta Ħuna Edwin Skinner wasal l-​Indja fl-​1926, ftit li xejn kien hemm Xhieda u x-​xogħol kien “diffiċli” għax it-​tkabbir kien bil-​mod ħafna. Imma ma qatax qalbu u ra l-​messaġġ tas-​Saltna jegħleb ostakli kbar ħafna. Illum il-​ġurnata, hemm iktar minn 37,000 Xhud fl-​Indja, u iktar minn 108,000 ruħ attendew għat-​Tifkira fl-​2013. Fl-​istess sena li Ħuna Skinner wasal l-​Indja, ix-​xogħol kien għadu jibda fiz-​Zambja. Issa hemm iktar minn 170,000 Xhud, u 763,915-​il ruħ attendew għat-​Tifkira fl-​2013. Dan ifisser li wieħed minn kull 18-​il individwu fiz-​Zambja attenda għat-​Tifkira. Xi tkabbir tal-​għaġeb!

IL-​ĦMIRA

10. Xi tfisser it-​tixbiha dwar il-​ħmira?

10 Aqra Mattew 13:33. Xi tfisser it-​tixbiha dwar il-​ħmira? Din it-​tixbiha tirreferi għall-​messaġġ tas-​Saltna u kif dan ibiddel il-​ħajjiet tan-​nies. “L-​għaġna kollha” tirrappreżenta l-​ġnus kollha. Il-​proċess tat-​tħemmir jagħti stampa tal-​mod kif il-​messaġġ tas-​Saltna qed jinfirex permezz tal-​ippritkar. Fil-​każ taż-​żerriegħa tal-​mustarda, din mill-​ewwel taraha tikber; imma fil-​każ tal-​ħmira, il-​proċess tat-​tħemmir ma jagħtix fil-​għajn. Irid jgħaddi ż-​żmien biex tara r-​riżultati tal-​proċess.

11. Ġesù għala ta t-​tixbiha dwar il-​ħmira?

11 Ġesù għala ta din it-​tixbiha? Ġesù wera li l-​messaġġ tas-​Saltna għandu l-​qawwa biex jilħaq “l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art” u jagħmel bidla f’qalb in-​nies. (Atti 1:8) Għall-​ewwel, għandna mnejn ma nindunawx b’dawn il-​bidliet, imma dan ma jfissirx li mhux qed isiru. Ħafna nies kullimkien qed jaċċettaw il-​messaġġ tas-​Saltna u qed iħallu dan il-​messaġġ qawwi jbiddel il-​personalità tagħhom.—Rumani 12:2; Efesin 4:22, 23.

12, 13. Agħti xi eżempji taʼ kif l-​ippritkar kiber eżatt bħalma hu deskritt fit-​tixbiha dwar il-​ħmira.

12 L-​effett tal-​ippritkar spiss jidher snin wara li n-​nies jisimgħu l-​messaġġ għall-​ewwel darba. Pereżempju, lura fl-​1982, Franz u Margit, koppja li kienu qed jaqdu fil-​Betel tal-​Brażil, ippritkaw ġo raħal żgħir. Bdew diversi studji tal-​Bibbja, u wieħed minnhom kien m’omm u l-​erbat itfal tagħha. Il-​kbir kulma kellu 12-​il sena dak iż-​żmien. Kien mistħi ħafna u spiss kien jipprova jistaħba qabel ma jibdew l-​istudju. Minħabba bidla fl-​inkarigu tagħhom, Franz u Margit ma setgħux ikomplu l-​istudju. Wara 25 sena, marru biex iżuru dak ir-​raħal. Immaġina kemm kienu ferħanin meta sabu kongregazzjoni taʼ 69 pubblikatur jiltaqgħu ġo Sala tas-​Saltna ġdida u li 13 minn dawn il-​pubblikaturi kienu pijunieri regulari! U dak it-​tifel mistħi kien kiber u issa qed jaqdi bħala l-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani! Bħall-​ħmira fit-​tixbiha taʼ Ġesù, il-​messaġġ tas-​Saltna kien infirex u biddel il-​ħajjiet taʼ ħafna wħud.

13 Anki f’pajjiżi fejn l-​aħwa ma jistgħux jippritkaw bil-​libertà, il-​qawwa tal-​messaġġ tas-​Saltna xorta kapaċi tbiddel lin-​nies. Spiss nibqgħu skantati meta nsiru nafu kemm il-​messaġġ infirex f’pajjiżi bħal dawn. Pereżempju, il-​messaġġ tas-​Saltna wasal Kuba fl-​1910, u Ħuna Russell żar din il-​gżira fl-​1913. Għall-​ewwel ma tantx kien hemm tkabbir. Imma x’qed jiġri f’Kuba llum il-​ġurnata? Hemm iktar minn 96,000 pubblikatur jippritkaw l-​aħbar tajba, u fl-​2013, attendew 229,726 ruħ għat-​Tifkira. Dan ifisser li attenda wieħed minn kull 48 abitant. Anki f’pajjiżi fejn xogħolna mhuwiex projbit, jistaʼ jkun li l-​messaġġ tas-​Saltna qed jilħaq postijiet fejn ix-​Xhieda lokali ma jaħsbux li tistaʼ tingħata xhieda.a—Ekkleżjasti 8:7; 11:5.

Ġeħova jaf x’inhu jagħmel, u kollox miexi fi qbil mar-​rieda tiegħu

14, 15. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw persunalment minn dak li nitgħallmu mit-​tixbiha dwar il-​ħmira? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

14 Kif nistgħu nibbenefikaw minn dak li għallimna Ġesù fit-​tixbiha dwar il-​ħmira? Meta nimmeditaw dwar xi tfisser it-​tixbiha taʼ Ġesù, nindunaw li m’għandniex għalfejn noqogħdu ninkwetaw dwar kif il-​messaġġ tas-​Saltna se jilħaq lill-​miljuni taʼ nies li għadhom ma semgħux bih. Ġeħova jaf x’inhu jagħmel, u kollox miexi fi qbil mar-​rieda tiegħu. Imma xi ngħidu għalina? X’nistgħu nagħmlu aħna? Il-​Kelma t’Alla tagħtina t-​tweġiba: “Iżraʼ ż-​żerriegħa tiegħek fil-​għodu u tħallix idek tistrieħ sa fil-​għaxija; għax ma tafx fejn se tirnexxi, jekk hux hawnhekk jew hemmhekk, jew jekk hux it-​tnejn se jkunu tajbin indaqs.” (Ekkleżjasti 11:6) Ovvjament, qatt m’għandna ninsew nitolbu lil Ġeħova biex ibierek l-​ippritkar, speċjalment f’pajjiżi fejn xogħolna hu ristrett.—Efesin 6:18-​20.

15 Minbarra dan, m’għandniex nistmerru “l-​jum t’affarijiet żgħar.” (Żakkarija 4:10) Dan ifisser li m’għandniex naqtgħu qalbna meta ma narawx ir-​riżultati tal-​ippritkar tagħna mill-​ewwel. Eventwalment, ir-​riżultati jistgħu jkunu ħafna akbar u iktar tal-​għaġeb milli qatt stajna nimmaġinaw!—Salm 40:5; Żakkarija 4:7.

IL-​MERKANT LI JIVVJAĠĠA U T-​TEŻOR MOĦBI

16. Xi jfissru t-​tixbihat dwar il-​merkant li jivvjaġġa u t-​teżor moħbi?

16 Aqra Mattew 13:44-​46. Xi jfissru t-​tixbihat dwar il-​merkant li jivvjaġġa u t-​teżor moħbi? Fi żmien Ġesù, xi merkanti kienu jivvjaġġaw ’il bogħod ħafna biex ifittxu għall-​isbaħ perli u jixtruhom. Il-​“perla waħda taʼ valur kbir” fit-​tixbiha taʼ Ġesù tirrappreżenta l-​verità prezzjuża tas-​Saltna. Il-​merkant jirrappreżenta dawk in-​nies li għandhom attitudni xierqa u li jfittxu kullimkien biex isibu din il-​verità. Il-​merkant kien lest biex “minnufih” ibigħ kulma kellu ħalli jkun jistaʼ jixtri din il-​perla prezzjuża. Ġesù ta tixbiha wkoll dwar raġel li kien qed jaħdem f’għalqa u sab teżor “moħbi.” Kuntrarju għall-​merkant, dan ir-​raġel ma kienx qed ifittex għal teżor. Imma ladarba sab teżor u nduna bil-​valur tiegħu, hu wkoll kien lest li jbigħ “kulma għandu” ħalli jkun jistaʼ jakkwistah.

17. Ġesù għala ta t-​tixbihat dwar il-​merkant li jivvjaġġa u t-​teżor moħbi?

17 Ġesù għala ta dawn iż-​żewġ tixbihat? Hu wera li tistaʼ ssib il-​verità b’modi differenti. Xi nies ifittxu għall-​verità u jagħmlu sagrifiċċji biex isibuha. Oħrajn isibu l-​verità avolja ma jkunux qed ifittxu għaliha, bħal meta xi ħadd jippritkalhom. Kull wieħed minn dawn iż-​żewġt irġiel fiż-​żewġ tixbihat għaraf il-​valur taʼ dak li sab u kien lest li jagħmel sagrifiċċji kbar biex jakkwistah.

Kun lest li tagħmel minn kollox biex iżżomm il-​verità fl-​ewwel post f’ħajtek

18. (a) Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn iż-​żewġ tixbihat? (b) Dan x’jgħallimna dwar Ġeħova u Ġesù?

18 Kif nistgħu nibbenefikaw minn dawn iż-​żewġ tixbihat? (Mattew 6:19-​21) Saqsi lilek innifsek: ‘Għandi jien l-​istess attitudni lejn il-​verità bħalma kellhom dawn l-​irġiel? Inqis il-​verità bħala teżor? Lest jien li nagħmel sagrifiċċji biex nakkwistaha, jew inħalli affarijiet oħra jaljenawni, bħal pereżempju l-​ansjetajiet tal-​ħajja taʼ kuljum?’ (Mattew 6:22-​24, 33; Luqa 5:27, 28; Filippin 3:8) Jekk tassew inħobbu l-​verità, se nkunu lesti li nagħmlu minn kollox biex inżommuha fl-​ewwel post f’ħajjitna.

19. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

19 Jalla nuru li smajna u tassew fhimna t-​tifsir taʼ dawn it-​tixbihat. Tinsiex li mhux biżżejjed li nkunu nafu xi jfissru. Irridu napplikaw dak li nitgħallmu minnhom. Fl-​artiklu li jmiss, se nikkunsidraw tliet tixbihat oħra u naraw x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

a Tistaʼ taqra esperjenzi simili mill-​Arġentina (2001 Yearbook, paġna 186); il-​Ġermanja tal-​Lvant (1999 Yearbook, paġna 83); il-​Papwa Ginea Ġdida (2005 Yearbook, paġna 63); u l-​Gżira Robinson Crusoe (It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 2000, paġna 9).

XI ESPRESSJONIJIET SPJEGATI

  • Tixbiha: Storja li tuża idea jew sitwazzjoni familjari biex tgħinna nifhmu xi ħaġa diffiċli. Ġesù kien jinqalaʼ f’li juża t-​tixbihat

Meta taqra t-​tixbihat taʼ Ġesù, saqsi l-​mistoqsijiet li ġejjin:

  • Xi tfisser din it-​tixbiha?

  • Ġesù għala ta din it-​tixbiha?

  • Kif nistaʼ nuża dak li tgħallimt minn din it-​tixbiha?

  • Ġesù jgħallem permezz tat-tixbihat
  • Din it-​tixbiha x’tgħallimni dwar Ġeħova u Ġesù?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja