Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
2-8 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 6-7
“Agħtu b’mod ġeneruż”
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 6:37
Ibqgħu skużaw, u tiġu skużati: Jew “Ibqgħu aħfru, u jaħfrulkom.” It-terminu Grieg li jiġi tradott “tiskuża” litteralment ifisser “teħles (bħal pereżempju, priġunier); tibgħat ’l hemm.” F’dan il-kuntest, li tiskuża tagħti l-idea taʼ li teħles minn akkuża jew taħfer, anke meta l-kastig jistaʼ jkun mistħoqq. Dan hu bil-kontra taʼ li tiġġudika u tikkundanna.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 6:38
Idraw agħtu: Jew “Ibqgħu agħtu.” Il-forma tal-verb Grieg li hu ntużat hawnhekk jistaʼ jiġi tradott “tagħti” u juri li hemm azzjoni kontinwa.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 6:38
ħoġorkom: Il-kelma Griega litteralment tfisser “ħdanek (qafas taʼ sidrek),” imma f’dan il-kuntest aktarx li tirreferi għal meta n-nies kienu jilwu ’l fuq il-libsa li kienet tkun wiesgħa. ‘Iferrgħulkom f’ħoġorkom’ tistaʼ tirreferi għad-drawwa li kellhom xi bejjiegħa li jitfgħu dak li jbigħu fil-parti tal-libsa li kien idawwar ix-xerrej.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 7:35
uliedu: Jew “ir-riżultati tiegħu.” Hawnhekk l-għerf hu personifikat u deskritt bħala li għandu t-tfal. Fir-rakkont simili taʼ Mt 11:19, l-għerf hu deskritt bħala li għandu l-‘għemil.’ It-tfal, jew l-għemejjel tal-għerf—jiġifieri l-evidenza li taw Ġwanni l-Battista u Ġesù—jagħtu prova li l-akkużi kontrihom ma kinux veri. Fi kliem ieħor, hawnhekk Ġesù qed jgħid: ‘Ħares lejn l-għemejjel tajbin u l-kondotta tajba, u tkun taf li l-akkużi mhumiex veri.’
9-15 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 8-9
“Kun segwaċi tiegħi—X’hemm bżonn li tagħmel?”
it-2 494
Bejta
Meta wieħed mill-iskribi qal lil Ġesù: “Għalliem, jien niġi warajk kulfejn tmur,” Ġesù qallu: “Il-volpijiet għandhom l-għerien u l-għasafar tas-sema għandhom il-bejtiet, imma Bin il-bniedem m’għandu mkien fejn imidd rasu.” (Mt 8:19, 20; Lq 9:57, 58) Hawnhekk Ġesù wera li biex ikun segwaċi tiegħu, ir-raġel kellu jneħħi minn moħħu l-idea li jkollu kumditajiet u konvenjenzi komuni, u jafda kompletament f’Ġeħova. Dan il-prinċipju narawh ukoll fit-talba li għallem bħala mudell lid-dixxipli tiegħu: “Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum,” u fl-istqarrija tiegħu: “B’hekk, ibqgħu ċerti li ħadd minnkom ma jistaʼ jkun dixxiplu tiegħi jekk ma jitlaqx dak kollu li għandu.”—Mt 6:11; Lq 14:33.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 9:59, 60
nidfen lil missieri: Dan il-kliem aktarx ma jfissirx li r-raġel kien għadu kif tilef lil missieru fil-mewt u kien qiegħed biss jistaqsi biex jagħmel l-arranġamenti tal-funeral. Kieku dan kien il-każ, aktarx ma kienx ikun hemm jitkellem maʼ Ġesù. Fil-Lvant Nofsani tal-qedem, meta kien ikun hemm mewt fil-familja, il-funeral ma kienx idum biex isir u ħafna drabi kien ikun fl-istess ġurnata. Mela missier ir-raġel aktarx li kien marid jew imdaħħal fiż-żmien, u mhux mejjet. Ukoll, Ġesù ma kienx ħa jgħid lir-raġel biex jabbanduna ġenitur marid u li kellu bżonn l-għajnuna, allura żgur li kien hemm membri oħra tal-familja li setgħu jieħdu ħsieb dawn il-bżonnijiet importanti. (Mk 7:9-13) Ir-raġel kien bħallikieku qed jgħid, ‘Jien insegwik, imma mhux sakemm missieri jkun għadu ħaj. Stenna sakemm missieri jmut u nkun dfintu.’ Imma mill-ħarsa taʼ Ġesù, ir-raġel kien qed jitlef opportunità biex ipoġġi l-interessi tas-Saltna t’Alla l-ewwel post f’ħajtu.—Lq 9:60, 62.
Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom: Bħalma rajna fin-nota taʼ studju dwar Lq 9:59, missier ir-raġel li kien qed jitkellem maʼ Ġesù aktarx kien marid jew imdaħħal fiż-żmien, u mhux mejjet. Għalhekk, Ġesù mid-dehra kien qed jgħid: ‘Ħalli lil dawk li huma mejtin spiritwalment jidfnu lill-mejtin tagħhom,’ jiġifieri, li r-raġel kellu jħalli lil membri oħrajn tal-familja jieħdu ħsieb lil missieru sakemm imut u jiġi midfun. Kieku segwa lil Ġesù, ir-raġel kien se jibda miexi fit-triq li twassal għal ħajja taʼ dejjem u ma jkunx fost dawk li kienu mejtin spiritwalment quddiem Alla. Mit-tweġiba tiegħu, Ġesù wera li biex wieħed jibqaʼ ħaj spiritwalment hemm bżonn li jpoġġi s-Saltna t’Alla l-ewwel f’ħajtu u jxandarha maʼ kullimkien.
nwtsty midja
Il-ħart
Il-ħamrija ħafna drabi kienet tiġi maħruta fil-ħarifa meta x-xita kienet trattab il-ħamrija li kienet tkun ibbieset bix-xemx waqt ix-xhur sħan tas-sajf. (Ara sgd taqsima 19.) Għodda li kienu jaħartu biha normalment kienet tkun sempliċi biċċa njama ppuntata b’xifer li aktarx kien ikun tal-ħadid. Din kienet tkun imwaħħla maʼ njama ħoxna jew ħadida li kienet tinġibed minn annimal wieħed jew iktar. Wara li l-ħamrija kienet tiġi maħruta, kienet tinżeraʼ ż-żerriegħa. Fl-Iskrittura Ebrajka, ix-xogħol tal-ħart li n-nies kienu familjari miegħu spiss kien jintuża fl-eżempji. (Mħ 14:18; Is 2:4; Ġer 4:3; Mik 4:3) Ġesù spiss uża l-agrikultura biex jgħallem lezzjonijiet importanti. Pereżempju, hu semma x-xogħol involut fil-ħart biex jenfasizza l-importanza taʼ li dixxiplu jagħmel ix-xogħol minn qalbu. (Lq 9:62) Jekk dak li jaħrat jaljena ruħu waqt ix-xogħol tiegħu, ma kienx se jagħmel raddi dritti. B’mod simili, jekk dixxiplu taʼ Kristu ma jibqax iffokat jew ma jagħmilx ir-responsabbiltajiet tiegħu ma jistax jiret is-Saltna t’Alla.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 8:3
kienu jaqduhom: Jew “jgħinuhom (jipprovdulhom).” Il-kelma Griega djakoneo tistaʼ tirreferi għal li xi ħadd jieħu ħsieb il-bżonnijiet fiżiċi t’oħrajn billi jikseb, isajjar, u jservi l-ikel, u affarijiet oħra bħal dawn. Tintuża b’mod simili f’Lq 10:40 (“nieħu ħsieb kollox”), Lq 12:37 (“jaqdihom”), Lq 17:8 (“servini”), u At 6:2 (“inqassmu l-ikel”), imma tistaʼ tirreferi wkoll għal kull servizz ieħor taʼ dan it-tip. Hawnhekk jiddeskrivi kif in-nisa li jissemmew f’versi 2 u 3 appoġġaw lil Ġesù u d-dixxipli tiegħu billi għenuhom ilestu x-xogħol li kien tahom Alla. Billi għamlu hekk, dawn in-nisa gglorifikaw lil Alla, u hu wera l-apprezzament tiegħu billi ssemmew fil-Bibbja għall-ġenerożità tagħhom li wrew mill-qalb. B’hekk, il-ġenerazzjonijiet li ġew wara setgħu jaqraw dwarhom. (Pr 19:17; Eb 6:10) L-istess terminu Grieg intuża dwar in-nisa f’Mt 27:55; Mk 15:41.
16-22 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 10-11
“Il-parabbola tas-Samaritan li wera qalb tajba”
nwtsty midja
It-triq minn Ġerusalemm għal Ġeriko
It-triq (1) li tidher f’dan il-vidjow qasir hi simili għat-triq antika li minn Ġerusalemm kienet tagħti għal Ġeriko. Din it-triq kienet twila iktar minn 20 kilometru u kellha niżla wieqfa taʼ kilometru u li kienet tilwi minn Ġerusalemm lejn Ġeriko. Is-serq f’dan il-post iżolat u salvaġġ tant kien jiġri spiss li hemmhekk kellhom jagħmlu għassa tas-suldati biex tipproteġi lil dawk li kienu jkunu qed jivvjaġġaw. Ġeriko taʼ Ruma (2) kienet fejn it-triq li kienet toħroġ mid-deżert tal-Lhudija. Belt iktar antika taʼ Ġeriko (3) kienet tinsab kważi żewġ kilometri ’l bogħod mill-belt Rumana.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 10:33, 34
wieħed Samaritan: Normalment, il-Lhud kienu jistmerru lis-Samaritani u ma kinux jagħmluha magħhom. (Ġw 4:9) Xi Lhud anke użaw il-kelma “Samaritan” bħala espressjoni biex juru tmaqdir jew disprezz. (Ġw 8:48) Fil-Mixna hemm miktub li wieħed rabbi qal: “Dak li jiekol il-ħobż tas-Samaritani hu bħal dak li jiekol il-laħam tal-ħanżir.” (Shebith 8:10) Ħafna Lhud la kienu jemmnu x-xhieda li kien jagħti Samaritan u lanqas jaċċettaw servizz mingħandu. Peress li kien jaf li ġeneralment il-Lhud kienu jistmerru lis-Samaritani, Ġesù ta lezzjoni importanti b’din it-tixbiha li spiss hi magħrufa bħala l-parabbola tas-Samaritan it-tajjeb, jew is-Samaritan li wera qalb tajba.
infaxxalu l-ġrieħi, wara li ferraʼ ż-żejt u l-inbid fuqhom: Hawnhekk, it-tabib Luqa kiteb bid-dettall it-tixbiha taʼ Ġesù billi ddeskriva trattament tal-ġrieħi, jew feriti, li kien jintuża dak iż-żmien. Kemm iż-żejt u kemm l-inbid kienu jintużaw bħala mediċina li kont issibhom fid-dar biex ifejqu l-feriti. Iż-żejt xi drabi kien jintuża biex irattab il-feriti (qabbel Is 1:6), u l-inbid kien jintuża bħala antisettiku u disinfettant ħafif. Luqa ddeskriva wkoll kif il-feriti kienu jiġu nfaxxati, jew marbutin, biex ma jibqgħux jiggravaw.
lukanda: Il-kelma Griega litteralment tfisser “post fejn kulħadd jistaʼ jmur jew jiġi milqugħ.” Dawk li kienu jivvjaġġaw, kif ukoll l-annimali tagħhom, setgħu joqogħdu f’postijiet bħal dawn. Tal-lukanda kien joffri proviżjonijiet bażiċi lill-vjaġġaturi u, jekk jingħata l-flus, setaʼ jieħu ħsieb lil dawk li jiġu fdati f’idejh.
Samaritan Jagħti Prova li Hu Proxxmu Tajjeb
Il-parabbola taʼ Ġesù turi li individwu verament rett huwa wieħed li mhux biss jobdi l-liġi t’Alla imma wkoll jimita l-kwalitajiet tiegħu. (Efesin 5:1) Per eżempju, il-Bibbja tgħidilna li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.” (Atti 10:34) Nimitawh lil Alla f’dan ir-rigward? Il-parabbola kommoventi taʼ Ġesù turi li l-imħabba tagħna lejn il-proxxmu għandha tisboq lill-barrieri nazzjonali, kulturali, u reliġjużi. Tassew, il-Kristjani huma istruwiti biex ‘jagħmlu l-ġid maʼ kulħadd’—mhux biss man-nies taʼ l-istess klassi soċjali, razza, jew nazzjon u mhux biss lejn sħabna kredenti.—Galatin 6:10.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 10:18
Bdejt nara lil Satana diġà mwaqqaʼ bħal sajjetta mis-sema: Milli jidher, Ġesù kien qed jitkellem b’mod profetiku meta kien qed jara t-tkeċċija taʼ Satana mis-sema bħallikieku diġà seħħet. Ri 12:7-9 jiddeskrivi l-battalja fis-sema u jassoċja l-waqgħa taʼ Satana mal-bidu tas-Saltna Messjanika. Hawnhekk, Ġesù kien qed jenfasizza li Satana u d-demonji tiegħu żgur kienu ħa jitilfu dik il-battalja li kienet se sseħħ fil-futur. Ġesù qal dan għax Alla kien għadu kif awtorizza lil dawk is-70 dixxiplu, sempliċiment bnedmin imperfetti, biex ikeċċu d-demonji.—Lq 10:17.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 11:5-9
Ħabib, islifni tliet ħobżiet: Fil-kultura tal-Lvant Nofsani, l-ospitalità titqies bħala dmir u tintwera bl-aħjar mod possibbli, bħalma naraw f’din it-tixbiha. Għalkemm il-mistieden bla mistenni wasal f’nofsillejl, dak li laqgħu ħass li kien id-dmir tiegħu li jagħtih xi ħaġa x’jiekol. Il-fatt li hu wasal f’dak il-ħin hu dettall li juri li dak iż-żmien l-ivvjaġġar ma tantx kien taʼ min joqgħod fuqu. Dak li laqgħu, saħansitra ħassu obbligat li jqajjem lill-ġar tiegħu biex jissellef l-ikel, għalkemm kien sar il-ħin.
Tibqax iddejjaqni: Il-ġar f’din it-tixbiha ma kienx lest li jgħin, mhux għax kien żorr, imma għax kien diġà daħal jorqod. Id-djar f’dak iż-żmien, speċjalment tal-foqra, ħafna drabi kienu jikkonsistu f’kamra kbira waħda. Jekk ir-raġel kien iqum, aktarx li kien jispiċċa jqajjem lill-familja kollha, inkluż it-tfal.
jippersisti bla mistħija: F’dan il-kuntest, din l-espressjoni tfisser li ppersista bil-kuraġġ jew insista. Ir-raġel fit-tixbiha taʼ Ġesù ma jistħix jew iżomm lura milli jistaqsi bil-persistenza għal dak li għandu bżonn, u Ġesù jgħid lid-dixxipli tiegħu li t-talb tagħhom għandu jkun persistenti bl-istess mod.—Lq 11:9, 10.
23-29 taʼ Lulju
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 12-13
“Intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt”
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 12:6
għasafar tal-bejt: Il-kelma Griega strutijon hija kelma li tfisser kwalunkwe għasfur żgħir, imma spiss tirreferi għall-għasafar tal-bejt, l-irħas għasafar li jinbiegħu għall-ikel.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 12:7
saħansitra x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud: Jingħad li bħala medja, xagħar f’rasna għandna iktar minn 100,000. L-għarfien kbir li Ġeħova għandu dwar dettalji żgħar bħal dawn huwa garanzija li hu jinteressah ferm minn kull segwaċi taʼ Kristu.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 13:24
Stinkaw kemm tifilħu: Jew “Ibqgħu agħmlu sforz.” Il-parir taʼ Ġesù jenfasizza l-bżonn li wieħed jieħu azzjoni b’ruħu kollha biex jidħol mill-bieb id-dejjaq. Għal dan il-kuntest, diversi xogħlijiet taʼ referenza qalu li tistaʼ tiġi tradotta ‘Agħmlu l-iktar sforz possibbli; Agħmlu kull sforz.’ Il-verb Grieg agoniżomej hu relatat man-nom Grieg agon, li ħafna drabi kien jintuża biex jirreferi għal-logħob atletiku. F’Eb 12:1, dan in-nom intuża b’mod figurattiv għat-“tellieqa” Kristjana għall-ħajja. Intuża wkoll b’kelma iktar ġenerali bħal “taqbida” (Flp 1:30; Kol 2:1) jew “ġlieda” (1Ti 6:12; 2Ti 4:7). Forom tal-verb Grieg li ġew użati f’Lq 13:24 jiġu tradotti “jieħu sehem f’kompetizzjoni” (1Ko 9:25), “jistinka” (Kol 1:29; 4:12; 1Ti 4:10; 6:12), u ‘jiġġieled’ (1Ti 6:12). Peress li l-kuntest taʼ din l-espressjoni għandu x’jaqsam mal-kompetizzjoni fil-logħob atletiku, xi wħud issuġġerew li l-isforz li inkuraġġixxa Ġesù jistaʼ jiġi mqabbel maʼ atleta li qed jistinka kemm jiflaħ b’saħħtu kollha biex jirbaħ il-premju, bħallikieku qed jagħmel sforz żejjed fuq kull nerv.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 13:33
mhux aċċettabbli: Jew “ma jistax ikun (ma tistax timmaġinah).” Filwaqt li l-ebda profezija tal-Bibbja ma stqarret bil-miftuħ li l-Messija kien ħa jmut f’Ġerusalemm, nistgħu nikkonkludu dan minn Da 9:24-26. Barra minn hekk, kien mistenni li jekk il-Lhud joqtlu profeta, speċjalment lill-Messija, kien se jkun f’dik il-belt li jinqatel. Il-71 membru tas-Sinedriju, il-qorti superjuri, kienu jiltaqgħu f’Ġerusalemm, allura dawk li kienu jiġu akkużati bħala li huma profeti foloz kienu jgħaddu ġuri hemm. Jistaʼ jkun li Ġesù kellu wkoll f’moħħu li Ġerusalemm kienet fejn kienu jsiru sagrifiċċji lil Alla b’mod regolari u fejn il-ħaruf tal-Qbiż kien jiġi maqtul. Kif ġraw l-affarijiet, dak li qal Ġesù seħħ. Hu nġieb quddiem is-Sinedriju f’Ġerusalemm u ġie kkundannat. U kien f’Ġerusalemm, eżatt ’il barra mis-swar tal-belt, li miet bħala l-ħaruf tal-Qbiż.—1Ko 5:7.
30 taʼ Lulju–5 t’Awwissu
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 14-16
“Il-parabbola tal-iben il-ħali”
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 15:11-16
Wieħed raġel kellu żewġ ulied: Xi aspetti tat-tixbiha tal-iben il-ħali (magħrufa wkoll bħala “l-iben prodigu”) huma uniċi. Hi waħda mill-itwal tixbihat li ta Ġesù. Fattur li jispikka f’din it-tixbiha hu r-relazzjonijiet fil-familja. F’tixbihat oħrajn, Ġesù spiss irrefera għal affarijiet bla ħajja bħal żerriegħa jew ħamrija differenti, jew ir-relazzjoni formali bejn sid u l-ilsiera tiegħu. (Mt 13:18-30; 25:14-30; Lq 19:12-27) Imma f’din it-tixbiha, Ġesù jagħti importanza lir-relazzjoni mill-qrib bejn missier u ż-żewġ subien tiegħu. Ħafna li jisimgħu dan ir-rakkont jistaʼ jkun li ma kellhomx missier qalbu tajba u ħanin bħal dan. Din it-tixbiha turi l-ħniena kbira u l-imħabba li Missierna tas-sema għandu għal uliedu fuq l-art, kemm għal dawk li jibqgħu miegħu kif ukoll għal dawk li jirritornaw lejh wara li jkunu żvijaw.
iż-żgħir: Skont il-Liġi Mosajka, l-ewwel imwieled kien jirċievi sehem doppju. (Dt 21:17) Mela jekk il-kbir f’din it-tixbiha kien l-ewwel imwieled, kien ifisser li l-wirt tal-iben iż-żgħir kien in-nofs taʼ ħuh il-kbir.
berbaq: Il-kelma Griega li tintuża hawnhekk litteralment tfisser “ixxerred (’l hemm u ’l hawn).” (Lq 1:51; At 5:37) Hawnhekk użata fis-sens li wieħed jaħli, jew jonfoq bl-addoċċ.
ħajja sfrattata: Jew “ħajja bil-ħala (imħarbta; bla kontroll).” Kelma Griega li għandha rabta magħha u li għandha tifsira simili tintuża f’Ef 5:18; Tit 1:6; 1Pt 4:4. Peress li l-kelma Griega tistaʼ tinkludi wkoll l-idea taʼ ħajja li fiha wieħed iberbaq jew jaħli, xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw l-espressjoni “ħajja mtajra.”
jirgħa l-ħnieżer: Skont il-Liġi, dawn l-annimali ma kinux nodfa, allura dan kien xogħol umiljanti u taʼ stmerrija għal xi ħadd Lhudi.—Le 11:7, 8.
ħarrub: Il-frott jew l-imżiewed tal-ħarrub għandhom qoxra kannella fil-vjola, iebsa u tleqq, u fi qbil mat-tifsira letterali t’isimhom bil-Grieg (kirejxin, “qarn żgħir”), għandhom forma taʼ qarn milwi fit-tond. Il-ħarrub għadu jintuża ħafna sal-lum il-ġurnata bħala ikel għaż-żwiemel, baqar, u ħnieżer. Il-livell baxx li niżel fih dan iż-żagħżugħ hu enfasizzat iktar peress li kien saħansitra lest li jiekol l-ikel tal-ħnieżer.—Ara nota taʼ studju dwar Lq 15:15.
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 15:17-24
kontrik: Jew “f’għajnejk.” Il-prepożizzjoni Griega inowpjin litteralment tfisser “quddiem; f’għajnejn.” Tintuża b’mod simili fl-1Sa 20:1, kemm fis-Settanta kif ukoll fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bil-Malti. F’dak il-vers, David jistaqsi lil Ġonatan: “Xi dnub għamilt quddiem missierek?”
lavranti: Meta rritorna d-dar, l-iben iż-żgħir kien se jitlob lil missieru biex jiġi aċċettat bħala lavrant, u mhux bħala iben. Raġel bħal dan ma kienx joqgħod fil-propjetà tas-sid, bħall-ilsiera, imma kien barrani li kien jiġi mikri ġurnata b’ġurnata.—Mt 20:1, 2, 8.
biesu b’tenerezza: Jew “biesu b’affezzjoni.” It-terminu Grieg li jiġi tradott “bies b’tenerezza” hu forma iktar qawwija tal-verb filjo, li xi drabi jiġi tradott “tbus” (Mt 26:48; Mk 14:44; Lq 22:47) imma ħafna iktar drabi jfisser “li jkollok affezzjoni għal” (Ġw 5:20; 11:3; 16:27). Billi laqgħu b’idejh miftuħa u bi mħabba kbira, il-missier fit-tixbiha juri li kien lest li jilqaʼ lura lil ibnu li kien iddispjaċieh.
nissejjaħ ibnek: Xi manuskritti jżidu: “Agħmilni bħal wieħed mil-lavranti tiegħek.” Imma diversi manuskritti iktar antiki u taʼ min joqgħod fuqhom ma jinkludux din is-sentenza fit-test prinċipali. Xi studjużi jaħsbu li din l-espressjoni ġiet miżjuda biex il-vers ikun jaqbel maʼ Lq 15:19. Hu minħabba f’hekk li l-edizzjoni riveduta tat-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida bl-Ingliż (2013) m’għandhiex din is-sentenza f’Lq 15:21.
libsa . . . ċurkett . . . sandli: Din il-libsa ma kinitx libsa sempliċi, imma l-aħjar waħda—forsi libsa bir-rakkmu fin bħal dik li kienet tingħata lil mistieden onorat. Il-fatt li l-missier poġġa ċurkett f’id ibnu juri l-approvazzjoni u l-affezzjoni li kellu lejh. Ukoll b’dan il-ġest hu ta lil ibnu li ġie lura dinjità, unur, u pożizzjoni soċjali. Ċurkett u sandli ħafna drabi ma kontx tarahom fuq l-ilsiera. Għalhekk, il-missier kien qed jagħmilha ċara li ibnu kien qed jiġi milqugħ lura għalkollox bħala membru tal-familja.
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 14:26
Jekk . . . ma jobgħodx: Fil-Bibbja, il-kelma ‘tobgħod’ għandha diversi tifsiriet. Din il-kelma tistaʼ tirreferi għal sentiment t’ostilità li jiġi minn intenzjonijiet ħżiena, u li jwassal lil dak li jkun biex iweġġaʼ lil oħrajn. Jew tistaʼ tirreferi għas-sentiment qawwi li xi ħadd iħoss lejn xi ħadd jew xi ħaġa li verament iddejqu jew tirritah, u għalhekk jevitaha għalkollox. Jew il-kelma tistaʼ sempliċiment tfisser li tħobb inqas. Pereżempju, naqraw li Ġakobb kien ‘jobgħod’ lil Lea u jħobb lil Rakele, li jfisser li kien iħobb lil Lea inqas minn Rakele (Ġen 29:31, ntt.). Anke f’letteratura Lhudija antika oħra tintuża f’dan is-sens. Għalhekk, Ġesù ma kienx qed jgħid li s-segwaċi tiegħu kellhom jobogħdu jew jistmerru lill-familji tagħhom u lilhom infushom, għax dan kien imur kontra l-bqija tal-Iskrittura. (Qabbel Mk 12:29-31; Ef 5:28, 29, 33.) F’dan il-kuntest, il-kelma ‘jobgħod’ tistaʼ tiġi tradotta “jħobb inqas.”