Referenzi għall-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna
6-12 T’AWWISSU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 17-18
“Uri li int grat”
nwtsty noti taʼ studju dwar Lq 17:12, 14
għaxar imġiddmin: Fi żminijiet Bibliċi, milli jidher dawk li kienu morda bil-ġdiem kienu jinġabru flimkien jew jgħixu fi gruppi biex b’hekk setgħu jgħinu lil xulxin. (2Sl 7:3-5) Il-Liġi t’Alla kienet tirrikjedi li dawk morda bil-ġdiem jinżammu maqtugħin minn kulħadd. Min kellu l-ġdiem kellu wkoll iwissi lil oħrajn bil-preżenza tiegħu billi jgħajjat: “Mhux nadif, mhux nadif!” (Le 13:45, 46) Fi qbil maʼ dak li kienet titlob il-Liġi, dawk l-għaxar imġiddmin waqfu ’l bogħod minn Ġesù.
uru ruħkom lill-qassisin: Ġesù Kristu, li kien taħt il-Liġi waqt li kien fuq l-art, irrikonoxxa li s-saċerdozju mil-linja taʼ Aron kien għadu validu, u għalhekk qal lil dawk li fejjaq mill-ġdiem biex imorru u juru ruħhom lill-qassis. (Mt 8:4; Mk 1:44) Fi qbil mal-Liġi Mosajka, qassis kellu jara jekk min kellu l-ġdiem fieqx. Dak li jkun fieq mill-ġdiem kellu jivvjaġġa lejn it-tempju u kellu jieħu bħala offerta, jew għotja, żewġ għasafar ħajjin u nodfa, injam taċ-ċedru, materjal lewn l-iskarlat, u żuf.—Le 14:2-32.
Għala għandek turi apprezzament?
Injora Ġesù l-fatt li l-oħrajn naqsu milli juru l-gratitudni tagħhom? Ir-rakkont ikompli: “Għaldaqstant, Ġesù qallu: ‘Mhux għaxra ndafu? Allura, fejnhom id-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd li dar lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan ir-raġel taʼ ġens ieħor?’”—Luqa 17:17, 18.
Id-disgħa l-oħra li kellhom il-ġdiem ma kinux irġiel ħżiena. Iktar qabel, huma kienu qalu bil-miftuħ li kellhom fidi f’Ġesù u minn qalbhom obdew l-istruzzjonijiet li tahom. Dawn kienu jinkludu li jmorru Ġerusalemm biex juru lilhom infushom lill-qassisin. Madankollu, minkejja li bla dubju ħassew apprezzament kbir għal dak li kien għamel magħhom Ġesù, huma naqsu milli juruh dan l-apprezzament. Kristu kien diżappuntat bil-mod kif ġabu ruħhom. Xi ngħidu għalina? Meta xi ħadd jittrattana b’qalb tajba, inkunu aħna ħfief biex ngħidu grazzi u, fejn ikun xieraq, nibagħtu nota biex nuru l-apprezzament tagħna?
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 17:10
m’aħna tajbin għal xejn: Litteralment “ma niswew għal xejn.” Il-punt fit-tixbiha taʼ Ġesù ma kienx li l-ilsiera, jew id-dixxipli tiegħu, għandhom jikkunsidraw lilhom infushom bħala li mhuma tajbin għal xejn jew li ma jiswew xejn. Skont il-kuntest, il-frażi “m’aħna tajbin għal xejn” tagħti l-idea li l-ilsiera kienu jqisu lilhom infushom b’modestja u mhux bħala li jixirqilhom xi tifħir jew mertu speċjali. Xi studjużi jikkunsidraw it-terminu li ntuża hawnhekk bħala iperbole, jew esaġerazzjoni, u li jfisser “aħna sempliċi lsiera li ma jixirqilna l-ebda attenzjoni speċjali.”
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 18:8
il-fidi: Jew “din il-fidi.” Il-fatt li mal-kelma Griega “fidi” hemm l-artiklu juri li Ġesù ma kienx qed jirreferi għal fidi inġenerali imma għal fidi partikulari, bħal dik li kellha l-armla fit-tixbiha taʼ Ġesù. (Lq 18:1-8) Dan kien jinkludi li dak li jkun ikollu fidi fil-qawwa tat-talb kif ukoll fidi li Alla se jagħmel ġustizzja mal-magħżulin tiegħu. Milli jidher, Ġesù ma wiġibx il-mistoqsija dwar il-fidi sabiex id-dixxipli tiegħu setgħu jaħsbu dwar xi kwalità taʼ fidi kellhom. It-tixbiha dwar it-talb u l-fidi kienet xierqa b’mod partikulari għax Ġesù kien qed jiddeskrivi l-provi li kienu se jiffaċċjaw id-dixxipli tiegħu.—Lq 17:22-37.
13-19 T’AWWISSU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 19-20
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 19:43
ħajt bi zkuk ippontati: Il-kelma Griega keraks tidher hawn biss fl-Iskrittura Griega Kristjana. Din ġiet imfissra bħala “njam jew arbli ppontati li jintużaw biex iservu bħala ċint; zkuk” u wkoll bħala “bażi militari li tinvolvi l-użu taʼ zkuk.” Il-kliem taʼ Ġesù seħħ fis-sena 70 meta r-Rumani, immexxijin minn Titu, assedjaw lil Ġerusalemm b’ħajt taʼ zkuk twal ippontati. Titu kellu tliet skopijiet—biex ma jħallix lil-Lhud jaħarbu, biex iħeġġiġhom iċedu, u biex joqtolhom bil-ġuħ ħalli jkollhom jissottomettu ruħhom. It-truppi Rumani qatgħu s-siġar kollha taʼ madwar Ġerusalemm biex ikollhom il-materjal ħalli jibnu dan il-ħajt madwar din il-belt.
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 20:38
għax kollha ħajjin għalih: Jew “għax kollha ħajjin mill-ħarsa tiegħu.” Il-Bibbja turi li dawk li huma ħajjin imma mbegħdin minn Alla huma mejtin mill-ħarsa tiegħu. (Ef 2:1; 1Ti 5:6) Bl-istess mod, qaddejja approvati t’Alla li jmutu jkunu għadhom ħajjin f’għajnejn Ġeħova għax l-iskop tiegħu li jirxoxtahom se jseħħ żgur.—Rum 4:16, 17.
20-26 T’AWWISSU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 21-22
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 21:33
Is-sema u l-art jgħaddu: Skritturi oħrajn juru li s-sema u l-art se jibqgħu għal dejjem. (Ġen 9:16; Sa 104:5; Ek 1:4) Għalhekk, il-kliem taʼ Ġesù hawnhekk jistaʼ jinftiehem li kien qed juża iperbole, jiġifieri li anki jekk jiġri l-impossibbli u s-sema u l-art jgħaddu, il-kliem taʼ Ġesù xorta jitwettaq. (Qabbel Mt 5:18.) Però, is-sema u l-art li jissemmew hawnhekk jistaʼ jkun li jirreferu għas-smewwiet u l-art figurattivi li f’Ri 21:1 jissemmew bħala “s-sema taʼ qabel u l-art taʼ qabel.”
27 T’AWWISSU–2 TAʼ SETTEMBRU
TEŻORI MILL-KELMA T’ALLA | LUQA 23-24
Ħaffer għal ġawhar spiritwali
nwtsty nota taʼ studju dwar Lq 23:31
meta s-siġra tkun ħadra, . . . meta tinxef: Milli jidher Ġesù kien qed jirreferi għall-ġens Lhudi. Dan kien bħal siġra li qed tmut imma li kienet għadha xi ftit ħadra għax Ġesù kien għadu preżenti u hekk ukoll għadd taʼ Lhud li kienu emmnu fih. Madankollu, Ġesù dalwaqt kien se jinqatel, u l-Lhud leali kienu se jiġu midlukin bl-ispirtu qaddis u jsiru parti minn Iżrael spiritwali. (Rum 2:28, 29; Ga 6:16) F’dak iż-żmien, il-ġens taʼ Iżrael letterali kien se jkun mejjet spiritwalment, qisu siġra niexfa.—Mt 21:43.
nwtsty midja
Musmar f’għadma tal-għarqub
Dan ir-ritratt hu replika t’għadma t’għarqub taʼ bniedem b’musmar tal-ħadid twil 11.5 ċentimetru. (Ara mwb17.12 5.) L-għadma tal-għarqub oriġinali nstabet fl-1968, waqt li kien qed isir skavar fin-naħa tat-Tramuntana taʼ Ġerusalemm, u tmur lura għal żmien ir-Rumani. Dan jagħti evidenza arkeoloġika li x’aktarx kienu jintużaw l-imsiemer fl-esekuzzjonijiet biex iwaħħlu lil xi ħadd m’għuda tal-injam. Dan il-musmar jistaʼ jkun simili għall-imsiemer li s-suldati Rumani użaw biex iwaħħlu lil Ġesù Kristu mal-għuda. Din l-għadma nstabet f’kaxxa tal-ġebel, li tissejjaħ ossarju, li fiha kien jitpoġġa l-għadam taʼ individwu mejjet wara li jkun tmermer il-ġisem. Dan jindika li xi wħud minn dawk li kienu jinqatlu fuq għuda setgħu jiġu midfunin.