Kif Tagħraf u Tegħleb xi Dgħjufija Spiritwali
SKOND IL-MITOLOĠIJA GRIEGA, AKILLE KIEN L-IKTAR GWERRIER GRIEG qalbieni fil-Gwerra Trojana, li kienet kampanja kontra l-belt taʼ Trojja. Il-leġġenda tgħid li meta Akille kien ċkejken, ommu għaddsitu fl-ilma tax-Xmara Stiġe, u b’hekk sar invulnerabbli, ħlief għall-parti minn fejn żammitu ommu—il-famuż għarqub t’Akille. Dan kien preċiż fejn il-vleġġa fatali, sparata minn Paris, iben is-Sultan Prijam taʼ Trojja, laqtet lil Akille u qatlitu.
Il-Kristjani huma suldati taʼ Kristu, u huma involuti fi gwerra spiritwali. (2 Timotju 2:3) “Għax il-ġlieda tagħna,” jispjega l-appostlu Pawlu, “m’hijiex kontra d-demm u l-laħam, imma kontra s-Setgħat, kontra l-Qawwiet, kontra l-Prinċpijiet taʼ din id-dinja taʼ dlamijiet, kontra l-ispirti ħżiena li jgħammru fil-wisaʼ tas-smewwiet.” Iva, l-għedewwa tagħna m’huma ħadd ħlief Satana x-Xitan u d-demonji.—Efesin 6:12.
Ovvjament, din kienet tkun ġlieda żbilanċjata li kieku mhux għall-għajnuna li nirċievu mingħand Alla Jehovah, li ġie deskritt bħala “gwerrier.”(Eżodu 15:3) Biex nipproteġu lilna nfusna mill-għedewwa kefrin tagħna, hu jagħtina armatura spiritwali. Dan hu għala l-appostlu ħeġġeġ: “Ilbsu l-armatura taʼ Alla biex tkunu tifilħu tieqfu għat-tnassis tax-Xitan.”—Efesin 6:11.
Bla dubju taʼ xejn, l-armatura pprovduta minn Alla Jehovah hija taʼ l-aqwa kwalità, u kapaċi tirreżisti kull tip t’assalt spiritwali. Ħares ftit lejn il-lista li Pawlu ta: ħżiem tal-verità, kurazza tat-tjieba, xedd għar-riġlejn taʼ l-Evanġelju, tarka tal-fidi, elmu tas-salvazzjoni, u xabla taʼ l-Ispirtu. Kif qatt jistaʼ jkollna tagħmir aħjar minn dan? B’armatura bħal din fuqu, suldat Kristjan għandu kull opportunità biex joħroġ vittorjuż, minkejja kemm ikun jidher impossibbli.—Efesin 6:13-17.
Avolja l-armatura spiritwali li jagħtina Jehovah hija taʼ l-aqwa kwalità u hija sors taʼ sigurtà għalina, m’għandniex nissottovalutaw l-affarijiet. Meta nqisu dak li ġralu Akille, li suppost kien invinċibbli, jistaʼ jkun li aħna wkoll għandna punt dgħajjef, għarqub t’Akille spiritwali? Dan jistaʼ jkun fatali jekk ninqabdu għall-għarrieda.
Eżamina l-Armatura Spiritwali Tiegħek
Ice skater li rebaħ darbtejn il-midalja tad-deheb fl-Olimpijadi, u li kien jidher li kellu kundizzjoni fiżika eċċellenti, ħabta u sabta ħassu ħażin u miet waqt sessjoni taʼ taħriġ. Ftit taż-żmien wara, ġiet irrapportata aħbar inkwetanti f’The New York Times: “Kull sena, mis-600,000 Amerikan li jagħtihom attakk tal-qalb, nofshom ma jħossu ebda sintomi qabel.” B’mod ċar, l-istat taʼ saħħitna ma nistgħux niddeterminawh sempliċement mill-mod kif inħossuna.
Huwa l-istess fil-każ tal-benesseri spiritwali tagħna. Il-parir tal-Bibbja hu: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:12) Avolja l-armatura spiritwali tagħna hija l-aqwa waħda li qatt jistaʼ jkollna, xorta tistaʼ tiżviluppa xi dgħjufija. Dan huwa minħabba li twelidna bid-dnub, u n-natura midinba u imperfetta tagħna faċilment tistaʼ tegħleb id-determinazzjoni tagħna li nagħmlu r-rieda t’Alla. (Salm 51:7 [Salm 51:5, NW]) Minkejja l-intenzjonijiet tajbin tagħna, il-qalb qarrieqa tagħna tistaʼ tidħaq bina billi tivvinta raġunar jew skużi li jidhru validi imma ma jkunux, u b’hekk faċilment ninjoraw id-dgħjufija tagħna u nidħqu bina nfusna billi naħsbu li kollox miexi ħarir.—Ġeremija 17:9; Rumani 7:21-23.
Barra minn hekk, aħna ngħixu f’dinja fejn is-sens tat-tajjeb u l-ħażin hu taʼ spiss imħawwad u mgħawweġ. In-nies għandhom mnejn jiddeterminaw jekk xi ħaġa hijiex tajba jew ħażina skond kif iħossuhom huma. Dan it-tip taʼ raġunar qed jippromwovuh fir-reklamar, fid-divertiment popolari, u fuq il-mezzi tax-xandir. Ovvjament, jekk ma noqogħdux attenti, nistgħu niġu aljenati biex nibdew naħsbuha b’dan il-mod, u l-armatura spiritwali tagħna għandha mnejn tibda tiddgħajjef.
Minflok ma naqgħu f’sitwazzjoni perikoluża bħal din, għandna nagħtu kas il-parir tal-Bibbja: “Għarblu lilkom infuskom jekk intomx fil-fidi; ġarrbu lilkom infuskom.” (2 Korintin 13:5) Meta nagħmlu hekk, inkunu nistgħu nindunaw b’xi dgħjufijiet li forsi jkunu żviluppaw u nieħdu l-passi neċessarji biex nirranġawhom qabel ma jindunaw bihom l-għedewwa tagħna u jibdew l-attakk tagħhom. Iżda test bħal dan kif nagħmluh? X’inhuma xi sintomi li għandna noqogħdu għassa għalihom f’dan l-eżami tagħna nfusna?
Nagħrfu s-Sintomi
Sintomu komuni wieħed li jistaʼ jindika dgħjufija spiritwali huwa li nibdew nittraskuraw id-drawwiet tagħna taʼ studju persunali. Xi wħud iħossu li għandhom jistudjaw iktar, imma donnu li huma sempliċement ma jsibux ħin biex jagħmlu dan. Bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu llum, huwa faċli li naqgħu f’sitwazzjoni kerha bħal din. Madankollu, xi ħaġa agħar hija li n-nies taʼ spiss jiġġustifikaw l-aġir tagħhom billi jirraġunaw li s-sitwazzjoni tagħhom mhix daqshekk ħażina, ladarba huma jaqraw il-pubblikazzjonijiet Bibliċi kulmeta jkunu jistgħu u jattendu għal xi laqgħat Kristjani.
Jekk nirraġunaw hekk inkunu qed inqarrqu bina nfusna. Huwa bħal raġel li jaħseb li għandu wisq x’jagħmel biex ipoġġi bil-qegħda u jiekol ikla sew, u għalhekk jiekol xi ħaġa żgħira bil-ħatfa hu u jgħaġġel minn attività għall-oħra. Għalkemm forsi ma jmutx bil-ġuħ, illum jew għada jistgħu jinqalgħulu xi problemi taʼ saħħa. B’mod simili, jekk ma nimlewx ruħna b’ikel spiritwali nutrittiv regolarment, malajr jistgħu jiżviluppaw xi punti dgħajfin fl-armatura spiritwali tagħna. Minħabba li aħna bbombardjati l-ħin kollu bi propaganda u attitudnijiet dinjin, faċilment nistgħu nċedu għall-attakki qattelin taʼ Satana.
Sintomu ieħor taʼ dgħjufija spiritwali huwa t-telf tas-sens t’urġenza fil-gwerra spiritwali tagħna. Fi żmien taʼ paċi, suldat ma jħosshomx it-tensjoni u l-periklu tal-battalja. B’hekk, għandu mnejn ma jħoss ebda urġenza biex ikun għal-lest. Jekk jibagħtu għalih għall-għarrieda, wisq probabbli ma jkunx ippreparat. L-istess jiġri spiritwalment. Jekk inħallu s-sens t’urġenza tagħna jmajna, jistaʼ jkun li ma nibqgħux ippreparati biex niġġieldu b’suċċess l-attakki li jistgħu jiġu fuqna.
Iżda kif nistgħu nkunu nafu jekk waqajniex f’din is-sitwazzjoni? Nistgħu nistaqsu lilna nfusna xi mistoqsijiet li jistgħu jikxfu kif inhuma l-affarijiet fir-realtà: Ħerqan jien biex nieħu sehem fil-ministeru daqs kemm inkun ħerqan biex immur xi ħarġa? Inkun lest jien li nieħu l-ħin biex nipprepara għal-laqgħat daqs kemm inkun lest li nużah biex immur nixtri jew nara t-TV? Qed jiddispjaċini issa li tlaqt xi karriera jew irrifjutajt xi opportunitajiet meta sirt Kristjan? Ngħir jien għall-hekk imsejħa ħajja komda li qed jgħixu oħrajn? Dawn huma mistoqsijiet li jġegħluk taħseb, imma huma t’għajnuna biex nindunaw b’xi dgħjufija fl-armatura spiritwali tagħna.
Ladarba l-armatura protettiva li għandna hija spiritwali, huwa essenzjali li l-ispirtu t’Alla jaħdem mingħajr tfixkil f’ħajjitna. Dan jiġi rifless f’kemm il-frott taʼ l-ispirtu t’Alla jkun evidenti fl-attivitajiet kollha tagħna. Tħossok irritat jew saħansitra mbaqbaq malli oħrajn jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa li ma togħġbokx? Issibha diffiċli biex taċċetta l-parir, jew tħoss li oħrajn huma dejjem imqabbdin miegħek? Tħossok għajjur ħafna għall-barkiet t’oħrajn jew għal dak li jirnexxilhom iwettqu? Issibha diffiċli li tingwalaha m’oħrajn, speċjalment maʼ taʼ madwarek? Eżami onest tagħna nfusna se jgħinna naraw jekk ħajjitna hijiex mimlija bil-frott taʼ l-ispirtu t’Alla jew jekk ix-xogħlijiet tal-laħam humiex qed jitfaċċaw fina bla ma nindunaw.—Galatin 5:22-26; Efesin 4:22-27.
Passi Pożittivi biex Negħlbu Dgħjufija Spiritwali
Li nagħrfu s-sintomi taʼ dgħjufija spiritwali hija ħaġa; imma li niffaċċjawhom u nieħdu passi biex nirranġaw l-affarijiet hija pjuttost ħaġa oħra. Sfortunatament, ħafna għandhom it-tendenza li jġibu l-iskużi, jipprovaw isibu raġunijiet biex jiġġustifikaw lilhom infushom, iċekknu l-problema, jew jiċħdu li din teżisti. Kemm hu perikoluż dan—bħallikieku wieħed imur għall-gwerra liebes armatura b’xi partijiet neqsin! Korsa bħal din tħalli l-bieb miftuħ għall-attakki taʼ Satana. Pjuttost, għandna nieħdu passi pożittivi malajr kemm jistaʼ jkun biex nirranġaw xi difetti li nistgħu ninnotaw. X’nistgħu nagħmlu?—Rumani 8:13; Ġakbu 1:22-25.
Minħabba li aħna involuti fi gwerra spiritwali—battalja li tinkludi li Kristjan jikkontrolla lil moħħu u lil qalbu—irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nissalvagwardjaw il-fakultajiet tagħna. Ftakar li fost il-partijiet taʼ l-armatura spiritwali tagħna hemm il-“kurazza tal-ġustizzja [“tjieba,” NW],” li tipproteġi lil qalbna, u “l-elmu tas-salvazzjoni,” li jipproteġi lil moħħna. Li nitgħallmu nużaw dawn il-provvedimenti b’mod effettiv jistaʼ jagħmel id-differenza bejn rebħa u telfa.—Efesin 6:14-17; Proverbji 4:23; Rumani 12:2.
Li nilbsu “l-kurazza tal-ġustizzja [“tjieba,” NW],” b’mod xieraq jirrikjedi li niċċekkjaw lilna nfusna l-ħin kollu rigward l-imħabba tagħna għat-tjieba u l-mibegħda tagħna għall-ħażen. (Salm 45:8 [Salm 45:7, NW]; Salm 97:10; Għamos 5:15) Il-livelli tagħna tbaxxew bħal dawk tad-dinja? Sirna nieħdu gost issa—sew jekk fir-realtà u sew jekk narawhom fuq it-TV u fiċ-ċinema, fil-kotba u fir-rivisti—b’affarijiet li darba forsi kienu jixxokkjawna jew iweġġgħuna? L-imħabba għat-tjieba se tgħinna naraw li dawk l-affarijiet li fid-dinja huma gglorifikati bħala libertà u affarijiet li jagħmluk tidher sofistikat għandhom mnejn fir-realtà jkunu biss promiskwità u kburija taħt sura oħra.—Rumani 13:13, 14; Titu 2:12.
Li nilbsu “l-elmu tas-salvazzjoni” jinvolvi li nżommu ċari f’moħħna l-barkiet meraviljużi li hemm quddiemna, u ma nħallux lilna nfusna niġu aljenati mix-xinxilli tad-dinja. (Lhud 12:2, 3; 1 Ġwann 2:16) Jekk ikollna din il-ħarsa, din se tgħinna npoġġu l-interessi spiritwali qabel il-qligħ materjali jew il-vantaġġ persunali. (Mattew 6:33) B’hekk, biex inkunu ċerti li lbisna din il-parti mill-armatura sew, irridu nistaqsu onestament lilna nfusna: Wara xiex qed niġri fil-ħajja? Għandi miri spiritwali speċifiċi? X’qed nagħmel biex nilħaqhom? Sew jekk aħna wħud mill-Kristjani midlukin li fadal u sew jekk aħna mill-“kotra kbira” numeruża, għandna nimitaw lil Pawlu, li qal: “Ma jidhirlix li dan ġa lħaqtu; imma ħaġa waħda ngħid: waqt li ninsa ’l taʼ warajja kollu, jiena nagħmel ħilti kollha biex nilħaq dak li hemm quddiemi; niġri ’l quddiem lejn it-tmiem.”—Apokalissi 7:9; Filippin 3:13, 14.
Id-deskrizzjoni li ta Pawlu taʼ l-armatura spiritwali tagħna tikkonkludi b’din it-twissija: “Itolbu dejjem fl-Ispirtu, b’kull xorta taʼ talb u f’kull ħtieġa, ishru fih bla ma tieqfu, u itolbu għall-ħtiġiet tal-qaddisin kollha.” (Efesin 6:18) Dan jindika żewġ passi pożittivi li nistgħu nieħdu biex negħlbu jew nevitaw li niżviluppaw xi dgħjufija spiritwali: Li niżviluppaw relazzjoni tajba m’Alla, u li nifformaw rabta mill-qrib maʼ Kristjani sħabna.
Jekk ikollna d-drawwa li nduru lejn Jehovah b’talb taʼ “kull xorta” (stqarrija taʼ dnubietna, petizzjonijiet għall-maħfra, talb għall-gwida, ringrazzjament għall-barkiet, tifħir mill-qalb) u “f’kull ħtieġa [“okkażjoni,” NW],” (pubblikament, privatament, personalment, spontanjament), aħna niksbu intimità maʼ Jehovah. Din hija l-akbar protezzjoni li jistaʼ jkollna.—Rumani 8:31; Ġakbu 4:7, 8.
Mill-banda l-oħra, aħna mwissijin biex nitolbu “għall-qaddisin kollha,” jiġifieri, għall-Kristjani sħabna. Jistaʼ jkun li fit-talb tagħna niftakru f’ħutna spiritwali li jinsabu f’artijiet ’il bogħod u li qegħdin ibatu l-persekuzzjoni jew għaddejjin minn sofferenzi oħrajn. Imma xi ngħidu għall-Kristjani li naħdmu u nassoċjaw magħhom jum wara jum? Huwa xieraq li nitolbu għalihom ukoll, l-istess bħalma Ġesù talab għad-dixxipli tiegħu. (Ġwann 17:9; Ġakbu 5:16) Talb bħal dan iressaqna eqreb taʼ xulxin u jsaħħaħna biex nirreżistu l-attakki tal-“Ħażin.”—2 Tessalonikin 3:1-3.
Finalment, żomm sewwa f’moħħok it-twissija kollha mħabba taʼ l-appostlu Pietru: “Qrib hu t-tmiem taʼ kollox; għalhekk kunu għaqlin u meqjusin biex tagħtu ruħkom għat-talb. Fuq kollox, ħa jkollkom imħabba sħiħa lejn xulxin, għax l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.” (1 Pietru 4:7, 8) Huwa tant faċli li nħallu l-imperfezzjonijiet umani—kemm tagħna u kemm t’oħrajn—jinfiltraw ġo qlubna u ġo mħuħna u jsiru ostakli, affarijiet li jfixkluna. Satana jafha sewwa din id-dgħjufija umana. Ifred u saltan hija waħda mit-tattiċi makakki tiegħu. Għalhekk, irridu nkunu ħfief biex ngħattu dnubiet bħal dawn b’imħabba intensa għal xulxin u ma ‘nagħtux il-wisaʼ lix-Xitan.’—Efesin 4:25-27.
Żomm f’Saħħtek Spiritwalment Issa
Meta tinduna li xagħrek ikun imħabbel, jew l-ingravata ma tkunx f’postha, x’tagħmel? Wisq probabbli tirranġahom malajr kemm jistaʼ jkun. Ftit huma n-nies li ma jagħtux kas u jħalluhom kif ikunu, bħallikieku anomaliji fiżiċi bħal dawn m’humiex importanti. Ejja nkunu daqstant pronti biex naġixxu fejn jidħlu d-dgħjufijiet spiritwali tagħna. In-nies għandhom mnejn iqarrsu wiċċhom għad-difetti fiżiċi, imma difetti spiritwali li jibqgħu ma jitranġawx jistgħu jirriżultaw fid-diżapprovazzjoni taʼ Jehovah.—1 Samwel 16:7.
Jehovah b’imħabba tana dak kollu li neħtieġu biex jgħinna naqilgħu mill-għeruq kwalunkwe dgħjufija spiritwali u biex nibqgħu b’saħħitna spiritwalment. Permezz tal-laqgħat Kristjani, tal-pubblikazzjonijiet Bibliċi, u taʼ Kristjani sħabna maturi li jimpurtahom minna, hu jipprovdi tfakkiriet u suġġerimenti kontinwi rigward x’għandna nagħmlu. Irid jiġi minna li naċċettawhom u napplikawhom. Dan jirrikjedi sforz u dixxiplina fuqna nfusna. Imma ftakar dak li l-appostlu Pawlu qal bl-onestà kollha: “Jien issa hekk niġri, mhux qisni bl-addoċċ; ma nissarax bħallikieku qiegħed nagħti fil-vojt. Iżda ngħakkes bl-aħrax lil ġismi u njassru, biex ma jiġrilix li, wara li nkun ippridkajt lil ħaddieħor, jiena stess insib ruħi kkundannat.”—1 Korintin 9:26, 27.
Kun attent, u qatt tippermetti li jiżviluppa għarqub t’Akille spiritwali. Minflok, bl-umiltà u l-kuraġġ, ejja nagħmlu dak li hu neċessarju issa biex nagħrfu u negħlbu kwalunkwe dgħjufija spiritwali li għandna.
[Kumment f’paġna 19]
“GĦARBLU LILKOM INFUSKOM JEKK INTOMX FIL-FIDI; ĠARRBU LILKOM INFUSKOM.”—2 Korintin 13:5.
[Kumment f’paġna 21]
‘AGĦTU RUĦKOM GĦAT-TALB. FUQ KOLLOX, ĦA JKOLLKOM IMĦABBA SĦIĦA LEJN XULXIN, GĦAX L-IMĦABBA TGĦATTI KOTRA TAʼ DNUBIET.’—1 Pietru 4:7, 8.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 20]
STAQSI LILEK INNIFSEK...
◆ Ħerqan jien li nieħu l-ħin biex nipprepara għal-laqgħat daqs kemm inkun ħerqan biex immur nixtri jew nara t-TV?
◆ Ngħir jien għall-hekk imsejħa ħajja komda li qed jgħixu oħrajn?
◆ Inħossni irritat jew saħansitra mbaqbaq malli oħrajn jagħmlu jew jgħidu xi ħaġa li ma togħġobnix?
◆ Insibha diffiċli biex naċċetta l-parir, jew inħoss li oħrajn huma dejjem imqabbdin miegħi?
◆ Insibha diffiċli li ningwalaha m’oħrajn?
◆ Il-livelli tiegħi tbaxxew bħal dawk tad-dinja?
◆ Għandi miri spiritwali speċifiċi?
◆ X’qed nagħmel biex nilħaq il-miri spiritwali tiegħi?
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 18]
Akille: From the book Great Men and Famous Women; Suldati Rumani u paġna 21: Historic Costume in Pictures/Dover Publications, Inc., New York