Kapitlu 4
Għala Għandna Nirrispettaw l-Awtorità?
“Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.”—1 PIETRU 2:17.
1, 2. (a) Liema taqbida niffaċċjaw fejn tidħol l-awtorità? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw?
ĠIELI rajt kif jirreaġixxi tifel żgħir meta jiġi mitlub jagħmel xi ħaġa li verament ma jixtieqx jagħmilha? Għandek mnejn tara fl-espressjonijiet ċari taʼ wiċċu li qed jissielet bejnu u bejn ruħu. Hu jismaʼ leħen il-ġenituri tiegħu u jaf li suppost għandu jirrispetta l-awtorità tagħhom. Imma f’dan il-każ, hu sempliċement ma jridx jobdi. Il-ġlieda tiegħu tikxef verità li lkoll niffaċċjaw.
2 M’huwiex dejjem faċli għalina li nirrispettaw l-awtorità. Issibha kultant diffiċli biex tirrispetta lil dawk li għandhom ċerta awtorità fuqek? Jekk iva, m’intix waħdek f’din it-taqbida. Aħna ngħixu fi żmien meta r-rispett għall-awtorità qiegħed fl-iktar livell baxx li qatt kien. Però, il-Bibbja tgħid li rridu nuru rispett lejn dawk f’pożizzjonijiet t’awtorità fuqna. (Proverbji 24:21) Fil-fatt, li nagħmlu dan huwa essenzjali jekk nixtiequ nibqgħu fl-imħabba t’Alla. Għalhekk, naturalment iqumu xi mistoqsijiet. Għala jistaʼ jkun daqstant diffiċli għalina biex nirrispettaw l-awtorità? Ġeħova għala jitlob dan minna, u x’se jgħinna biex nobdu? Fl-aħħar, b’liema modi nistgħu nuru rispett għall-awtorità?
GĦALA HIJA SFIDA
3, 4. Id-dnub u l-imperfezzjoni kif inbdew, u n-natura midinba tagħna għala tagħmilhielna diffiċli biex nirrispettaw l-awtorità?
3 Ejja nikkunsidraw fil-qosor żewġ raġunijiet għala tistaʼ tkun daqshekk taʼ sfida għalina li nuru rispett lejn dawk li għandhom l-awtorità. L-ewwel, aħna imperfetti; it-tieni, dawk il-bnedmin li għandhom l-awtorità fuqna huma imperfetti wkoll. Id-dnub u l-imperfezzjoni tal-bniedem inbdew żmien twil ilu, lura fil-ġnien taʼ l-Għeden meta Adam u Eva rribellaw kontra l-awtorità t’Alla. Għalhekk, id-dnub beda b’ribelljoni. Sa llum il-ġurnata, aħna għandna tendenza ġewwa fina biex nirribellaw.—Ġenesi 2:15-17; 3:1-7; Salm 51:5; Rumani 5:12.
4 Minħabba n-natura midinba tagħna, il-biċċa l-kbira minna malajr nistgħu nsiru kburin u suppervi, filwaqt li l-umiltà hija kwalità rari li rridu naħdmu iebes biex nikkultivawha u nibqgħu nuruha. Anki wara snin taʼ servizz leali lejn Alla, nistgħu nċedu għas-suppervja u l-kburija. Per eżempju, ikkunsidra lil Koraħ, li fedelment żamm mal-poplu taʼ Ġeħova matul ħafna tbatijiet. Xorta waħda, hu xxennaq għal iktar awtorità u bla mistħija mexxa ribelljoni kontra Mosè, l-iktar bniedem ġwejjed ħaj f’dak iż-żmien. (Numri 12:3; 16:1-3) Aħseb ukoll dwar is-Sultan Użżija, li l-kburija tiegħu wasslitu biex jidħol fit-tempju taʼ Ġeħova u jwettaq xogħol sagru li kien riservat għall-qassisin. (2 Kronaki 26:16-21) Dawn l-irġiel ħallsu qares għar-ribelljoni tagħhom. Però, l-eżempji negattivi tagħhom huma tfakkiriet utli għalina lkoll. Irridu niġġieldu kontra l-kburija li tagħmilhielna diffiċli biex nirrispettaw l-awtorità.
5. Il-bnedmin imperfetti kif użaw l-awtorità tagħhom ħażin?
5 Mill-banda l-oħra, bnedmin imperfetti li għandhom pożizzjonijiet t’awtorità għamlu ħafna affarijiet biex inaqqsu r-rispett tan-nies għall-awtorità. Ħafna kienu kattivi, abbużivi, jew tiranni. Fil-fatt, il-biċċa l-kbira mill-istorja umana turi li kien hemm abbuż kontinwu tal-poter. (Ekkleżjasti 8:9) Per eżempju, Sawl kien raġel tajjeb u umli meta Ġeħova għażlu biex ikun sultan. Madankollu, hu ċeda għall-kburija u l-għira; imbagħad ippersegwita lir-raġel leali David. (1 Samwel 9:20, 21; 10:20-22; 18:7-11) Iktar tard, David sar wieħed mill-aqwa slaten li Israel qatt kellu, però hu uża ħażin il-poter tiegħu meta seraq il-mara taʼ Urija l-Ħitti u bagħat lil dan ir-raġel innoċenti fuq quddiem f’battalja biex jinqatel. (2 Samwel 11:1-17) Iva, l-imperfezzjoni tagħmilha diffiċli għan-nies biex jużaw il-poter kif suppost. U meta dawk li għandhom il-poter ma jirrispettawx lil Ġeħova, jagħmlu saħansitra agħar minn hekk. Wara li ddeskriva kif xi papiet Kattoliċi taw bidu għal persekuzzjoni li nfirxet ħafna, politikant Ingliż kiteb: “Il-poter għandu t-tendenza li jikkorrompi; il-poter assolut jikkorrompi b’mod assolut.” B’dan f’moħħna, ejja nikkunsidraw il-mistoqsija: Għala għandna nirrispettaw l-awtorità?
GĦALA GĦANDNA NIRRISPETTAW L-AWTORITÀ?
6, 7. (a) L-imħabba tagħna għal Ġeħova xi tqanqalna nagħmlu, u għala? (b) Liema attitudni tinvolvi s-sottomissjoni, u kif nistgħu nuruha?
6 L-aqwa raġunijiet biex nirrispettaw l-awtorità jiġu mill-imħabba—l-imħabba tagħna għal Ġeħova, għall-bnedmin sħabna, u saħansitra għalina nfusna. Minħabba li nħobbu lil Ġeħova iktar minn kull ħaġa oħra, irridu nferrħulu qalbu. (Proverbji 27:11; Marku 12:29, 30) Aħna nafu li s-sovranità tiegħu, id-dritt tiegħu li jaħkem l-univers, ġiet sfidata fuq l-art minn mindu kien hemm ir-ribelljoni fl-Għeden u l-biċċa l-kbira mill-umanità ngħaqdu maʼ Satana u ċaħdu l-ħakma taʼ Ġeħova. B’ferħ nieħdu l-waqfa tagħna fuq in-naħa tas-sovranità taʼ Ġeħova. Meta naqraw il-kliem maestuż f’Rivelazzjoni 4:11 imissilna qalbna. Kemm hu ċar għalina li Ġeħova hu l-Ħakkiem bi dritt taʼ l-univers! Aħna nappoġġaw is-sovranità taʼ Ġeħova, billi naċċettaw il-ħakma tiegħu fil-ħajja tagħna taʼ kuljum.
7 Rispett bħal dan ifisser ubbidjenza u iktar. Aħna nobdu lil Ġeħova minn jeddna għaliex inħobbuh. Madankollu, żgur li se jkun hemm drabi meta l-ubbidjenza se tkun diffiċli ħafna għalina. F’każi bħal dawn, bħal dak it-tifel żgħir li ddeskrivejna fil-bidu, se jkollna nitgħallmu s-sottomissjoni. Aħna niftakru li Ġesù ssottometta ruħu għar-rieda taʼ Missieru anki meta dan setaʼ kien taʼ sfida kbira. Hu qal lil Missieru: “Ħa sseħħ ir-rieda tiegħek u mhux tiegħi.”—Luqa 22:42.
8. (a) Is-sottomissjoni għall-awtorità taʼ Ġeħova llum spiss x’tinvolvi, u x’hemm li jurina kif iħossu Ġeħova rigward dan? (b) X’jistaʼ jgħinna nisimgħu mill-pariri u naċċettaw id-dixxiplina? (Ara l-kaxxa f’paġni 46-7.)
8 M’għandniex xi ngħidu, illum Ġeħova ma jkellimniex individwalment; hu juża l-Kelma tiegħu u rappreżentanti umani fuq l-art. Għalhekk, spiss aħna nuru sottomissjoni għall-awtorità taʼ Ġeħova billi nirrispettaw lil dawk il-bnedmin li hu poġġa, jew li ppermetta li jibqgħu, f’pożizzjonijiet t’awtorità fuqna. Kieku kellna nirribellaw kontra dawn il-bnedmin—per eżempju, billi nirrifjutaw li naċċettaw il-pariri u l-korrezzjoni Skritturali tagħhom—inkunu qed noffendu lil Alla tagħna. Meta l-Israelin gergru u rribellaw kontra Mosè, Ġeħova qies l-azzjonijiet tagħhom bħallikieku kienu qed isiru direttament kontrih.—Numri 14:26, 27.
9. Imħabbitna għall-bnedmin sħabna għala tqanqalna nirrispettaw l-awtorità? Agħti tixbiha.
9 Nuru wkoll rispett għall-awtorità għaliex inħobbu lill-bnedmin sħabna. Kif? Mela, immaġina li int suldat f’armata. Is-suċċess, saħansitra l-eżistenza nfisha taʼ l-armata, x’aktarx jiddependi mill-kooperazzjoni, l-ubbidjenza, u r-rispett taʼ kull suldat lejn dawk b’awtorità ogħla. Kieku int ma kontx qed tobdi l-awtorità taʼ din l-organizzazzjoni, is-suldati kollha sħabek jistgħu jkunu f’periklu. M’għandniex xi ngħidu, illum armati umani jikkaġunaw qerda kbira fid-dinja. Madankollu, Ġeħova għandu armati li jagħmlu t-tajjeb biss. Il-Bibbja mijiet taʼ drabi tirreferi għal Alla bħala “Ġeħova taʼ l-armati.” (1 Samwel 1:3) Hu l-Kmandant t’armata kbira taʼ ħlejjaq spirti setgħanin. Kultant, Ġeħova jxebbah lill-qaddejja tiegħu fuq l-art m’armata. (Salm 68:11; Eżekjel 37:1-10) Kieku kellna nirribellaw kontra l-bnedmin li Ġeħova poġġa fl-awtorità fuqna, ma nkunux forsi qed inpoġġu lis-suldati spiritwali sħabna f’riskju? Meta Kristjan jirribella kontra anzjani maħturin, oħrajn fil-kongregazzjoni jistgħu jbatu wkoll. (1 Korintin 12:14, 25, 26) Meta xi tifel jirribella, il-familja kollha għandha mnejn tbati. Għalhekk, aħna nuru mħabbitna għall-bnedmin sħabna billi niżviluppaw attitudni taʼ rispett u taʼ kooperazzjoni.
10, 11. Xewqa xierqa biex aħna stess nibbenefikaw kif tqanqalna nkunu ubbidjenti lejn l-awtorità?
10 Ukoll, aħna nirrispettaw l-awtorità għaliex huwa fl-aqwa interess tagħna li nagħmlu hekk. Meta Ġeħova jgħidilna biex nirrispettaw l-awtorità, hu spiss isemmi l-benefiċċji li jiġu talli nkunu obdejna. Per eżempju, hu jgħid lit-tfal biex jobdu lill-ġenituri tagħhom sabiex jgħixu ħajja twila u sodisfaċenti. (Dewteronomju 5:16; Efesin 6:2, 3) Hu jgħidilna biex nirrispettaw l-anzjani tal-kongregazzjoni għaliex jekk nonqsu milli nagħmlu dan se nġarrbu ħsara spiritwali. (Ebrej 13:7, 17) U hu jgħidilna biex nobdu l-awtoritajiet sekulari għall-protezzjoni tagħna stess.—Rumani 13:4.
11 Ma taqbilx int li jekk inkunu nafu għala Ġeħova jridna nobdu, dan jgħinna biex nirrispettaw l-awtorità? Ejja mela nikkunsidraw kif nistgħu nuru rispett għall-awtorità fi tliet aspetti prinċipali tal-ħajja.
RISPETT FIL-FAMILJA
12. Ġeħova liema rwol jagħti lir-raġel u missier fil-familja, u raġel kif jistaʼ jwettaq dan l-irwol?
12 Ġeħova nnifsu ħalaq l-arranġament tal-familja. Bħala l-Alla t’ordni, hu organizza l-familja sabiex timxi b’suċċess. (1 Korintin 14:33) Hu jagħti lir-raġel u missier l-awtorità biex jaġixxi bħala l-kap tal-familja. Ir-raġel juri rispett lejn il-Kap tiegħu, Kristu Ġesù, billi jimita l-mod kif Ġesù jeżerċita l-istat taʼ kap fuq il-kongregazzjoni. (Efesin 5:23) Għalhekk, ir-raġel m’għandux jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu imma se jerfagħha bħala raġel; lanqas m’għandu jkun tirann jew iebes imma, minflok, għandu juri mħabba, ikun raġunevoli, u qalbu tajba. Hu jżomm f’moħħu li l-awtorità tiegħu hija relattiva—qatt ma taqbeż l-awtorità taʼ Ġeħova.
13. Il-mara u omm kif tistaʼ twettaq l-irwol tagħha fil-familja b’mod li jogħġob lil Ġeħova?
13 Il-mara u omm għandha taġixxi bħala ajjutanta, jew sieħba li taqbel għal maʼ żewġha. Hi wkoll ngħatat l-awtorità fil-familja, għax il-Bibbja titkellem dwar “il-liġi t’ommok.” (Proverbji 1:8) M’għandniex xi ngħidu, l-awtorità tagħha hija taħt dik taʼ żewġha. Mara Kristjana turi rispett għall-awtorità taʼ żewġha billi tgħinu jwettaq l-irwol tiegħu bħala l-kap tal-familja. Hi ma ċċekknux, ma timmanipulahx, jew tipprova tieħu l-irwol tiegħu. Minflok, hi tappoġġah u tikkoopera miegħu. Meta d-deċiżjonijiet tiegħu ma jogħġbuhiex, hi tistaʼ tesprimi l-ħsibijiet tagħha b’rispett filwaqt li tibqaʼ sottomessa. Jekk żewġha m’huwiex taʼ l-istess twemmin, hi għandha mnejn tiffaċċja sitwazzjonijiet taʼ sfida, però l-kondotta sottomessa tagħha tistaʼ tqanqal lil żewġha biex ifittex lil Ġeħova.—1 Pietru 3:1.
14. It-tfal kif jistgħu jferrħu lill-ġenituri tagħhom u lil Ġeħova?
14 It-tfal iferrħu qalb Ġeħova meta jobdu lil missierhom u lil ommhom. Ukoll, huma jonoraw u jferrħu lill-ġenituri tagħhom. (Proverbji 10:1) F’familji li fihom hemm ġenitur wieħed, it-tfal japplikaw l-istess prinċipju taʼ l-ubbidjenza, billi jżommu f’moħħhom li l-ġenitur tagħhom jistaʼ jkollu bżonn iktar appoġġ u kooperazzjoni. F’familji fejn il-membri kollha jwettqu l-irwoli li Alla ħalaq għalihom, se jkun hemm ħafna paċi u ferħ. Dan jirrifletti tajjeb fuq l-Oriġinatur tal-familji kollha, Alla Ġeħova.—Efesin 3:14, 15.
RISPETT FIL-KONGREGAZZJONI
15. (a) Kif nistgħu nuru fil-kongregazzjoni li nirrispettaw l-awtorità taʼ Ġeħova? (b) Liema prinċipji jistgħu jgħinuna nkunu ubbidjenti lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija? (Ara l-kaxxa f’paġni 48-9.)
15 Ġeħova ħatar lil Ibnu bħala Ħakkiem fuq il-kongregazzjoni Kristjana. (Kolossin 1:13) Min-naħa tiegħu, Ġesù inkariga lill-“ilsir leali u għaqli” tiegħu biex jieħu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali tal-poplu t’Alla fuq l-art. (Mattew 24:45-47) Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova tirrappreżenta lill-klassi taʼ l-ilsir. Bħalma ġara fil-kongregazzjonijiet Kristjani taʼ l-ewwel seklu, l-anzjani llum jirċievu istruzzjonijiet u pariri mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna, kemm direttament u kemm permezz tar-rappreżentanti tagħha, bħall-indokraturi li jivvjaġġaw. Meta aħna bħala individwi nirrispettaw l-awtorità taʼ l-anzjani Kristjani, inkunu qed nobdu lil Ġeħova.—Ebrej 13:17.
16. L-anzjani f’liema sens huma maħturin bl-ispirtu qaddis?
16 L-anzjani u l-qaddejja ministerjali m’humiex perfetti. Huma għandhom in-nuqqasijiet bħalma għandna aħna. Madankollu, l-anzjani huma “rġiel bħala għotjiet,” mogħtijin biex jgħinu lill-kongregazzjoni tibqaʼ b’saħħitha spiritwalment. (Efesin 4:8) L-anzjani huma maħturin bl-ispirtu qaddis. (Atti 20:28) Kif? Fis-sens li dawn l-irġiel l-ewwel għandhom jilħqu ċerti kwalifiki mniżżlin fil-Kelma t’Alla mnebbħa mill-ispirtu. (1 Timotju 3:1-7, 12; Titu 1:5-9) Iżjed minn hekk, l-anzjani li jiżnu l-kwalifiki tal-ħu jitolbu bil-ħerqa għall-gwida taʼ l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova.
17. Fl-attività tagħhom fil-kongregazzjoni, nisa Kristjani għala kultant jgħattu rashom?
17 Fil-kongregazzjoni, jistaʼ jagħti l-każ li kultant ma jkunx hemm anzjani u qaddejja ministerjali disponibbli biex iwettqu xi inkarigu li s-soltu jkun mogħti lilhom, bħal li jikkonduċu laqgħa għas-servizz taʼ l-għalqa. Fi drabi bħal dawn, aħwa rġiel mgħammdin oħrajn jistgħu jwettqu l-inkarigu. Jekk ma jkun hemm ħadd disponibbli, aħwa nisa Kristjani li huma kwalifikati jistgħu jwettquh. Madankollu, meta oħt twettaq inkarigu li normalment ikun mogħti lil ħu mgħammed, hi tgħatti rasha.a (1 Korintin 11:3-10) Din il-ħtieġa ma tnaqqasx id-dinjità tan-nisa. Minflok, tagħtihom opportunità biex juru rispett għall-arranġament taʼ Ġeħova għall-istat taʼ kap, kemm fil-familja kif ukoll fil-kongregazzjoni.
RISPETT GĦALL-AWTORITÀ SEKULARI
18, 19. (a) Int kif tispjega l-prinċipji mniżżlin f’Rumani 13:1-7? (b) Kif nuru rispett għall-awtoritajiet sekulari?
18 Kristjani veri b’mod kuxjenzjuż iżommu mal-prinċipji mniżżlin f’Rumani 13:1-7. Hekk kif taqra dawn il-versi, tistaʼ tara li “l-awtoritajiet superjuri” msemmijin huma l-gvernijiet sekulari. Sakemm Ġeħova jħalli lil dawn il-qawwiet umani jeżistu, huma jwettqu xogħlijiet importanti, billi jżommu ammont t’ordni u jipprovdu servizzi meħtiġin. Aħna nuru r-rispett tagħna għal dawn l-awtoritajiet billi nobdu l-liġijiet. Aħna noqogħdu attenti li nħallsu t-taxxi li għandna nagħtu, li nimlew kif suppost kwalunkwe formola jew dokument li jistaʼ jkollu bżonn il-gvern, u li nobdu kwalunkwe liġi li tinvolvi lilna, lill-familja, lin-negozju, jew lill-ġid tagħna. Madankollu, aħna ma nissottomettux ruħna għall-awtoritajiet sekulari jekk jitolbuna biex ma nobdux lil Alla. Minflok, aħna nwieġbu kif wieġbu l-appostli tal-qedem: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:28, 29; ara l-kaxxa “L-Awtorità taʼ Min Għandi Nobdi?” f’paġna 42.
19 Nuru wkoll rispett għall-awtoritajiet sekulari bil-mod kif nittrattaw m’oħrajn. Kultant, forsi nittrattaw direttament m’uffiċjali tal-gvern. L-appostlu Pawlu ttratta maʼ ħakkiema bħas-Sultan Erodi Agrippa u l-Gvernatur Festu. Dawn l-irġiel kellhom id-difetti tagħhom, imma Pawlu kellimhom b’rispett. (Atti 26:2, 25) Aħna nimitaw l-eżempju taʼ Pawlu, kemm jekk l-uffiċjal li nkellmu jkun mexxej setgħan u kemm jekk ikun pulizija lokali. Fl-iskola, Kristjani żgħar jistinkaw biex juru rispett simili lejn l-għalliema tagħhom u lejn l-uffiċjali u l-ħaddiema taʼ l-iskola. M’għandniex xi ngħidu, ma nirrispettawx biss lil dawk li japprovaw it-twemmin tagħna; aħna nuru rispett ukoll meta nittrattaw maʼ wħud li jopponu lix-Xhieda taʼ Ġeħova. Fir-realtà, uħud li m’humiex taʼ l-istess twemmin tagħna għandhom ikunu jistgħu jinnotaw ir-rispett tagħna.—Rumani 12:17, 18; 1 Pietru 3:15.
20, 21. Liema huma xi ftit mill-barkiet li jiġu milli nuru rispett xieraq għall-awtorità?
20 Ejja ma nżommux lura meta niġu biex nuru rispett. L-appostlu Pietru kiteb: “Onoraw lil kull xorta taʼ bnedmin.” (1 Pietru 2:17) Meta n-nies iħossu li aħna nuruhom rispett ġenwin, għandhom mnejn jimpressjonaw ruħhom. Ftakar, din il-kwalità qed issir iktar u iktar rari. Għalhekk, li nuruha huwa mod wieħed kif nobdu l-kmand taʼ Ġesù: “Hekk għandu jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemejjel tajbin tagħkom u jagħtu glorja lil Missierkom li hu fis-smewwiet.”—Mattew 5:16.
21 F’din id-dinja mudlama, nies taʼ qalbhom tajba jinġibdu lejn id-dawl spiritwali. Għalhekk, il-fatt li nuru rispett fil-familja, fil-kongregazzjoni, u f’affarijiet sekulari jistaʼ jiġbed lil xi wħud u jqanqalhom jimxu fid-dawl magħna. Xi prospett glorjuż! Però, anki jekk dan ma jseħħx, nistgħu nkunu żguri minn ħaġa waħda. Ir-rispett tagħna lejn il-bnedmin jogħġob lil Alla Ġeħova u jgħinna biex nibqgħu fi mħabbtu. Liema premju jistaʼ jkun akbar minn dan?
[Nota taʼ taħt]
a F’paġni 209-12, l-Appendiċi jeżamina ftit modi prattiċi kif napplikaw dan il-prinċipju.
[Kaxxa f’paġna 42]
L-AWTORITÀ TAʼ MIN GĦANDI NOBDI?
Prinċipju: “Ġeħova hu l-Imħallef tagħna, Ġeħova hu Dak li jagħtina l-istatuti, Ġeħova hu s-Sultan tagħna.”—Isaija 33:22.
Xi mistoqsijiet biex tistaqsi lilek innifsek
▪ X’nagħmel kieku kelli niġi mitlub biex ma nżommx mal-livelli taʼ Ġeħova?—Mattew 22:37-39; 26:52; Ġwanni 18:36.
▪ X’nagħmel kieku kelli niġi ordnat biex nieqaf milli nwettaq il-kmandamenti taʼ Ġeħova?—Atti 5:27-29; Ebrej 10:24, 25.
▪ X’jistaʼ jgħinni biex inkun irrid nobdi lil dawk li għandhom pożizzjoni t’awtorità?—Rumani 13:1-4; 1 Korintin 11:3; Efesin 6:1-3.
[Kaxxa f’paġna 46, 47]
“ISMAʼ MILL-PARIRI U AĊĊETTA D-DIXXIPLINA”
Id-dinja taʼ llum hija mimlija bl-ispirtu taʼ Satana, jew l-attitudni ribelluża u ġellieda tiegħu. B’hekk, il-Bibbja tirreferi għal Satana bħala “l-ħakkiem taʼ l-awtorità taʼ l-arja” u ssemmi “l-ispirtu li issa qed jaħdem f’ulied id-diżubbidjenza,” li ġie b’riżultat taʼ dan. (Efesin 2:2) Ħafna llum iridu jkunu indipendenti għalkollox mill-awtorità t’oħrajn. B’dispjaċir, dan l-ispirtu taʼ indipendenza saħansitra infetta lil xi wħud fil-kongregazzjoni Kristjana. Per eżempju, wieħed anzjan jistaʼ b’qalb tajba joffri xi parir dwar il-perikli taʼ divertiment immorali jew vjolenti, imma xi wħud għandhom mnejn jirreżistu jew saħansitra jistmerru l-parir. Kull wieħed minna għandu bżonn japplika l-kliem taʼ Proverbji 19:20: “Ismaʼ mill-pariri u aċċetta d-dixxiplina, sabiex tkun tistaʼ ssir għaref fil-futur tiegħek.”
X’jistaʼ jgħinna f’dan ir-rigward? Ikkunsidra tliet raġunijiet komuni għala n-nies jirreżistu xi parir jew dixxiplina, u mbagħad innota x’tgħid il-Bibbja dwar dan.
▪ “Ma nħossx li l-parir kien xieraq.” Forsi nħossu li l-parir ma tantx japplika għaċ-ċirkustanzi tagħna jew li dak li qed jagħtih ma fehemx is-sitwazzjoni kollha kemm hi. L-ewwel reazzjoni tagħna tistaʼ saħansitra tkun li mmaqdru l-parir. (Ebrej 12:5) Ladarba aħna lkoll imperfetti, jistaʼ jagħti l-każ li hija l-ħarsa tagħna lejn il-kwistjoni li għandha bżonn titranġa? (Proverbji 19:3) Ma kienx hemm xi raġuni valida għala ngħata l-parir? Mela fuq dan li rridu niffokaw. Il-Kelma t’Alla twissina: “Aqbad sew mad-dixxiplina; titlaqhiex. Ħarisha, għax hi ħajtek.”—Proverbji 4:13.
▪ “Ma jogħġobnix kif ngħata l-parir.” Huwa minnu, il-Kelma t’Alla tpoġġi livell għoli għal kif għandu jingħata l-parir. (Galatin 6:1) Madankollu, il-Bibbja tgħid ukoll: “Kollha dinbu u jonqsu milli jilħqu l-glorja t’Alla.” (Rumani 3:23) L-uniku mod li qatt nistgħu nirċievu parir perfett mogħti kif suppost hu jekk nirċivuh mingħand individwu perfett. (Ġakbu 3:2) Ġeħova juża bnedmin imperfetti biex jagħtuna pariri, u għalhekk huwa għaqli li nevitaw li niffokaw fuq kif ikun ngħata l-parir. Minflok, ħares lejn il-parir innifsu, u bit-talb ikkunsidra kif tistaʼ tapplikah.
▪ “M’għandux dritt jikkoreġi lili!” Jekk jidhrilna li n-nuqqasijiet persunali taʼ dak li qed jagħtina l-parir iwaqqgħu dak li jgħid, irridu niftakru l-punti li għadna kif semmejna. Bl-istess mod, jekk naħsbu li m’għandniex bżonn pariri minħabba l-età, l-esperjenza, jew ir-responsabbiltajiet tagħna fil-kongregazzjoni, irridu naġġustaw il-mod taʼ ħsieb tagħna. F’Israel tal-qedem, is-sultan kellu responsabbiltajiet kbar, però hu kellu jaċċetta l-pariri mingħand profeti, qassisin, u oħrajn li kienu fost is-sudditi tiegħu. (2 Samwel 12:1-13; 2 Kronaki 26:16-20) Illum, l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova taħtar irġiel imperfetti biex jagħtu l-pariri, u Kristjani maturi jaċċettawhom bil-ferħ u japplikawhom. Jekk għandna responsabbiltajiet akbar jew iktar esperjenza milli għandhom oħrajn, għandna nkunu saħansitra iktar konxji tal-bżonn li nħallu eżempju tajjeb fir-raġunevolezza u l-umiltà billi naċċettaw il-pariri u napplikawhom.—1 Timotju 3:2, 3; Titu 3:2.
Jidher ċar li kulħadd għandu bżonn il-pariri. Għalhekk, ejja nkunu determinati li naċċettaw il-pariri minn jeddna, napplikawhom b’ubbidjenza, u nirringrazzjaw lil Ġeħova mill-qalb għal din l-għotja li ssalva l-ħajja. Il-pariri verament huma espressjoni taʼ l-imħabba taʼ Ġeħova għalina, u aħna rridu nibqgħu fl-imħabba t’Alla.—Ebrej 12:6-11.
[Kaxxa f’paġna 48, 49]
“KUNU UBBIDJENTI LEJN DAWK LI QED IMEXXU”
F’Israel tal-qedem, kien hemm bżonn urġenti t’organizzazzjoni. Mosè waħdu ma setax jindokra miljuni taʼ nies li kienu qed jivvjaġġaw flimkien f’xagħri perikoluż. X’għamel? “Mosè għażel irġiel kapaċi minn Israel kollu u ħatarhom bħala kapijiet fuq in-nies, bħala kapijiet taʼ l-eluf, kapijiet tal-mijiet, kapijiet tal-ħamsinijiet, u kapijiet taʼ l-għaxriet.”—Eżodu 18:25.
Illum, fil-kongregazzjoni Kristjana hemm bżonn simili t’organizzazzjoni. Huwa għalhekk li grupp tas-servizz tal-għalqa għandu indokratur, kongregazzjoni għandha anzjani, grupp taʼ kongregazzjonijiet għandu indokratur tas-circuit, grupp taʼ circuits għandu indokratur tad-distrett, u pajjiż għandu Kumitat tal-Pajjiż jew Kumitat tal-Fergħa. Minħabba din l-organizzazzjoni, kull raġel li hu ragħaj jistaʼ jagħti attenzjoni bir-reqqa lin-nagħaġ taʼ Ġeħova fil-ħarsien tiegħu. Dawn ir-rgħajja jridu jagħtu kont lil Ġeħova u lil Kristu.—Atti 20:28.
Dan l-arranġament t’organizzazzjoni jirrikjedi li lkoll kemm aħna nkunu ubbidjenti u sottomessi. Qatt m’għandu jkollna l-attitudni taʼ Dijotrefe, li ma kellu ebda rispett lejn dawk li kienu qed jieħdu t-tmexxija fi żmienu. (3 Ġwanni 9, 10) Minflok, irridu nagħtu kas il-kliem taʼ l-appostlu Pawlu, li kiteb: “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.” (Ebrej 13:17) Xi wħud jobdu meta jaqblu mad-direzzjoni li tkun ġejja minn dawk li jieħdu t-tmexxija imma jirrifjutaw li jissottomettu ruħhom meta ma jaqblux mad-direzzjoni jew ma jistgħux jifhmu għala ngħatat. Però, żomm f’moħħok li s-sottomissjoni tistaʼ tinkludi l-idea li nobdu saħansitra meta ma nħossuniex li rridu nagħmlu hekk. Għalhekk, ilkoll kemm aħna nagħmlu tajjeb li nistaqsu lilna nfusna, ‘Qed nuri ubbidjenza u sottomissjoni lejn dawk li qed jieħdu t-tmexxija?’
M’għandniex xi ngħidu, il-Kelma t’Alla ma ssemmix kull arranġament jew proċedura li hemm bżonn biex tgħin lill-kongregazzjoni tiffunzjona. Madankollu, il-Bibbja tgħid: “Ħa jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.” (1 Korintin 14:40) Il-Ġemgħa li Tiggverna tobdi din id-direzzjoni billi tistabbilixxi diversi proċeduri u gwidi li huma t’għajnuna u li jiggarantixxu li l-kongregazzjoni se timxi b’mod organizzat u bl-ordni. Irġiel Kristjani responsabbli jagħtu sehemhom billi jkunu t’eżempju fl-ubbidjenza hekk kif jużaw dawn l-arranġamenti. Juru wkoll li huma ‘raġunevoli, lesti li jobdu’ lil dawk li għandhom it-tmexxija. (Ġakbu 3:17) B’hekk, kull grupp, kongregazzjoni, circuit, distrett, u pajjiż hu mbierek b’ġemgħa taʼ wħud li jemmnu, magħqudin, organizzati, u li jirriflettu tajjeb fuq l-Alla l-hieni.—1 Korintin 14:33; 1 Timotju 1:11.
Mill-banda l-oħra, il-kliem taʼ Pawlu li jinsab f’Ebrej 13:17 jenfasizza wkoll għala attitudni taʼ diżubbidjenza hija taʼ ħsara. Tistaʼ ġġiegħel lil dawk li għandhom pożizzjoni taʼ responsabbiltà biex jagħmlu xogħolhom “bit-tnehid.” Dak li għandu jitqies bħala privileġġ taʼ servizz sagru jistaʼ jinħass bħala tagħbija meta ħu jkollu jkampa maʼ merħla li ma tikkooperax u li hija ribelluża. Minħabba f’hekk, ikun taʼ ħsara “għalikom,” il-kongregazzjoni kollha kemm hi. M’għandniex xi ngħidu, hemm tip taʼ ħsara oħra li tiġi meta individwu jirrifjuta li jissottometti ruħu għall-ordni teokratiku. Jekk hu kburi wisq biex ikun sottomess ikun qed jipperikola l-ispiritwalità tiegħu, billi jfixkel ir-relazzjoni tiegħu maʼ Missieru tas-sema. (Salm 138:6) Għalhekk, ejja lkoll inkunu determinati li nibqgħu ubbidjenti u sottomessi.
[Stampi f’paġni 40, 41]
Missier Kristjan jimita l-mod kif Kristu jittratta l-istat taʼ kap