LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 11/1 pp. 7-11
  • Għala Tibżaʼ Minn Dak Alla Veru Issa?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tibżaʼ Minn Dak Alla Veru Issa?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Turija Impressjonanti Taʼ Qawwa
  • Nuru L-​Biżaʼ Tagħna Minn Alla
  • Riżultati Milli Nibżgħu Minn Alla Issa
  • Ibżaʼ Minn Jehovah u Igglorifika lill-Isem Qaddis Tiegħu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1992
  • Żviluppa lil Qalbek Biex Tibżaʼ minn Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2001
  • Benefiċċji taʼ li Wieħed Jibżaʼ Minn dak Alla Veru
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Nitgħallmu Nsibu Tgawdija fil-Biżaʼ taʼ Jehovah
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 11/1 pp. 7-11

Għala Tibżaʼ Minn Dak Alla Veru Issa?

“Ibżaʼ minn Alla, u ħares il-​kmandamenti tiegħu: għax dan huwa d-​dmir taʼ kull bniedem.”—EKKLEŻJASTI 1213, Karm Żammit.

1, 2. Biżaʼ xieraq minn Alla għala huwa addattat?

BIŻAʼ bnin u reverenzjali minn Alla huwa tajjeb għall-​bniedem. Iva, għalkemm ħafna mill-​biżaʼ uman huwa emozzjonalment disturbanti, saħansitra detrimentali għall-​ġid fiżiku tagħna, huwa tajjeb għalina li nibżgħu minn Alla Jehovah.—Salm 112:1; Koħelet 8:13, [Koħelet 8:12, NW].

2 Il-​Ħallieq jafu dan. B’imħabba għall-​ħolqien tiegħu, hu jikkmanda lil kulħadd biex jibżaʼ minnu u jqimu. Naqraw: “Rajt Anġlu ieħor jittajjar fl-​għoli tas-​sema, bl-​Evanġelu taʼ dejjem ħalli jxandru lil min jgħammar fuq l-​art, lil kull ġens, tribù, ilsien u poplu; u b’leħen qawwi beda jgħid: ‘Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-​siegħa tal-​ħaqq tiegħu, u nxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-​sema u l-​art.’ ”—Apokalissi 14:6, 7.

3. Il-​Ħallieq x’għamel għall-​ewwel ġenituri tagħna?

3 Ċertament li m’għandniex ninjoraw lill-​Ħallieq taʼ kollox, is-​Sors tal-​ħajja, għaliex hu jippossjedi lilna u lil din il-​pjaneta. (Salm 24:1) F’espressjoni taʼ l-​imħabba kbira tiegħu, Jehovah ta l-​ħajja lit-​tfal tiegħu fuq l-​art u pprovdielhom post meraviljuż fejn jgħixu​—ġenna sabiħa. Madankollu, din l-​għotja taʼ l-​għaġeb ma kenitx bla kundizzjonijiet. Fil-​fatt, ġiet fdata fil-​ħarsien tagħhom. L-​ewwel ġenituri tagħna kellhom jieħdu ħsieb tad-​dar tagħhom u jespanduha sakemm ikunu ppopolaw u rażżnu l-​art kollha kemm hi. Huma kellhom privileġġi u responsabbiltajiet lejn l-​annimali taʼ fuq l-​art, l-​għasafar, u l-​ħut​—il-​ħlejjaq ħajjin l-​oħrajn kollha li kienu se jaqsmu l-​art magħhom u maʼ nisilhom. Taʼ dan l-​inkarigu kbir, il-​bniedem ried jagħti rendikont.

4. Il-​bniedem x’għamillu lill-​ħolqien t’Alla?

4 Minkejja dak il-​bidu taʼ l-​għaġeb, ħares lejn dak li l-​bniedem għamel biex jikkontamina l-​art, id-​dar sabiħa tiegħu! B’indifferenza taʼ stmerrija lejn il-​pussess t’Alla taʼ din il-​ġemma, il-​bnedmin ħammġu l-​art. L-​ikkontaminar qiegħed fil-​punt li jhedded l-​eżistenza taʼ iktar u iktar speċi t’annimali, għasafar, u ħut. Alla tagħna ġust u taʼ mħabba mhux se jittollera dan indefinittivament. It-​tħarbit taʼ l-​art qiegħed jgħajjat għal rendikont, li huwa xi ħaġa li ħafna għandhom għalfejn jibżgħu minnu. Mill-​banda l-​oħra, għal dawk li b’rispett jafdaw f’Alla, huwa taʼ faraġ li jkunu jafu x’se jiġri. Jehovah se jitlob rendikont, u l-​art se tiġi rrestawrata. Din verament hija aħbar tajba għal dawk kollha b’qalb onesta fuq l-​art.

5, 6. Jehovah kif se jwieġeb għal dak li l-​bniedem għamel lill-​ħolqien Tiegħu?

5 Alla b’liema mezz se jwettaq il-​ġudizzju tiegħu? Permezz taʼ Ġesù Kristu, issa fuq it-​tron bħala s-​Sultan tas-​Saltna tas-​sema t’Alla. Permezz taʼ dak l-​Iben tas-​sema, Jehovah se jġib f’konklużjoni lis-​sistema preżenti mhix nadifa u ribelluża. (2 Tessalonkin 1:6-9; Apokalissi 19:11) B’dan il-​mod se jġib serħan lil dawk li jibżgħu minnu u, fl-​istess ħin, tinħeles u tiġi ppreservata din l-​art darna.

6 Dan kif se jiġri? Il-​Bibbja titkellem dwar tribulazzjoni kbira li ġejja u li se tilħaq il-​quċċata tagħha fil-​gwerra t’Armageddon. (Apokalissi 7:14; 16:16) Dan se jkun il-​ġudizzju t’Alla kontra din is-​sistema mniġġsa t’affarijiet u dawk li qegħdin iniġġsuha. Se jibqgħu xi bnedmin ħajjin? Iva! Se jibqgħu dawk li għandhom, mhux biżaʼ waħxi u marradi minn Alla, imma biżaʼ mimli rispett u reverenzjali minnu. Huma se jinħelsu.—Proverbji 2:21, 22.

Turija Impressjonanti Taʼ Qawwa

7. Alla għala intervjena għan-​nom taʼ Iżrael fi żmien Mosè?

7 Din l-​azzjoni drammatika minn Alla Jehovah kienet iffigurata bil-​quddiem minn att setgħan li hu wettaq għan-​nom taʼ l-​adoraturi tiegħu xi 1,500 sena qabel l-​Era Komuni tagħna. Il-​potenza militari kbira taʼ l-​Eġittu kienet jassret lill-​immigranti Iżraeliti li kienu jaħdmu għaliha u saħansitra pprovat għamla taʼ ġenoċidju meta l-​ħakkiem tagħha, Farawni, ordna li jinqatlu s-​subjien Iżraeliti kollha li jitwieldu. It-​trijonf t’Alla fuq l-​Eġittu kien li jġib liberazzjoni lil Iżrael minn dik is-​sistema politika oppressiva, iva, libertà minn ġens imniġġes bil-​qima taʼ ħafna allat.

8, 9. Mosè u l-​Iżraeliti kif wieġbu għall-​intervent t’Alla?

8 Eżodu kapitlu 15 jiddokumenta r-​reazzjoni taʼ Iżrael għal liberazzjoni mill-​Eġittu. Li nanalizzaw dan ir-​rakkont se jgħinna napprezzaw kif il-​Kristjani jistgħu jinħelsu mis-​sistema mħassra spiritwalment u fiżikament tal-​preżent. Ejjew nikkunsidraw Eżodu kapitlu 15, billi niffokaw fuq versi magħżulin biex nitgħallmu għala għandna nagħżlu li nibżgħu minn Jehovah, dak Alla veru. Nibdew minn versi 1 u 2:

9 “[I]mbagħad Mosè, flimkien maʼ wlied Israel, għanna din l-​għanja lill-​Mulej, u qalu: ‘Ngħanni lill-​Mulej, għax tkabbar bi sħiħ. Żwiemel u rikkieba waddabhom fil-​baħar. Qawwieti u għanjieti l-​Mulej: għalija sar is-​salvazzjoni.’”

10. X’wassal għall-​qerda taʼ l-​armata taʼ l-​Eġittu minn Alla?

10 Nies taʼ madwar il-​globu huma familjari mar-​rakkont taʼ kif Jehovah illibera lil Iżrael mill-​Eġittu. Hu ġab kastigi fuq dik il-​potenza dinjija setgħana sakemm Farawni finalment ħalla lill-​Iżraeliti jitilqu. Imma mbagħad l-​armati taʼ Farawni ġrew wara dan il-​poplu taʼ bla difiża u kienu donnhom qabduhom f’nasba fuq ix-​xatt tal-​Baħar l-​Aħmar. Għalkemm kien jidher li wlied Iżrael kienu se jitilfu malajr il-​libertà li kienu għadhom kif sabu, Jehovah kellu xi ħaġ’oħra f’moħħu. Mirakolożament fetaħ passaġġ minn ġol-​baħar u ġab lin-​nies tiegħu lejn is-​salvezza. Meta l-​Eġizzjani segwew, għalaq il-​Baħar l-​Aħmar fuqhom u għarraq lil Farawni u l-​forzi militari tiegħu.—Eżodu 14:1-31.

11. X’irriżulta mill-​azzjoni t’Alla kontra l-​Eġittu?

11 Il-​qerda tal-​forzi militari Eġizzjani minn Jehovah eżaltatu f’għajnejn l-​adoraturi tiegħu u għamlet lil ismu magħruf maʼ kullimkien. (Ġożwè 2:9, 10; 4:23, 24) Iva, ismu ġie elevat ’il fuq mill-​allat foloz bla qawwa taʼ l-​Eġittu, li wrew li ma kinux kapaċi jeħilsu lill-​adoraturi tagħhom. Fiduċja fl-​allat tagħhom u fil-​bniedem mortali u qawwa militari wasslet għal diżappunt qares. (Salm 146:3) Mhux taʼ b’xejn li l-​Iżraeliti ġew imqanqlin biex ikantaw tifħir li kien jirrifletti biżaʼ bnin minn dak Alla ħaj, li b’mod setgħan jeħles lill-​poplu tiegħu!

12, 13. X’għandna nitgħallmu mir-​rebħa t’Alla ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

12 B’mod simili, għandna nirrikonoxxu li ebda allat foloz taʼ żmienna u ebda superpotenza, saħansitra b’armamenti nukleari, ma jistgħu possibilment iħabbtuha maʼ Jehovah. Hu jistaʼ jeħles lin-​nies tiegħu u hekk se jagħmel. “Li jrid hu jagħmel bl-​eżerċtu tas-​sema u b’dawk li jgħammru fuq l-​art, u ħadd m’hemm li jżommlu idu u jgħidlu, ‘X’qiegħed tagħmel?’ ” (Danjel 4:32 [Danjel 4:35, NW]) Meta nifhmu għalkollox dan il-​kliem, aħna wkoll niġu mqanqlin biex inkantaw it-​tifħir lilu b’mod hieni.

13 L-​għanja tar-​rebħa ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar tissokta: “Il-​Mulej gwerrier, Jaħweh ismu!” Dan il-​Gwerrier invinċibbli, għalhekk, m’huwiex xi figura anonima fl-​immaġinazzjoni tal-​bniedem. Għandu isem! Hu ‘Dak li jġiegħel li jsir,’ il-​Ħallieq Grandjuż, il-​Wieħed ‘li Jaħweh hu ismu, . . . waħdu l-​Għoli fuq l-​art kollha.’ (Eżodu 3:14; 15:3-5; Salm 83:19 [Salm 83:18, NW]) Ma taqbilx int li kien ikun għaqli għal dawk l-​Eġizzjani tal-​qedem kieku kellhom sens taʼ biżaʼ raġonevoli u mimli rispett minn Dak li jistaʼ kollox minflok ma sfidawh?

14. Il-​valur taʼ biżaʼ divin kif kien muri fil-​Baħar l-​Aħmar?

14 Bħala Disinnjatur taʼ l-​art, Dak li għamel il-​baħar għandu kontroll sħiħ fuq il-​mases taʼ l-​ilma. (Eżodu 15:8) Billi utilizza l-​kontroll tiegħu wkoll fuq ir-​riħ, hu wettaq dak li deher impossibbli. Qasam il-​profondità taʼ l-​ilma f’ċertu punt u mbuttah lura f’direzzjonijiet opposti sabiex jipproduċi kuritur b’ħitan taʼ l-​ilma għall-​poplu tiegħu biex jgħaddu minnu. Ġib quddiem għajnejk ix-​xena: miljuni taʼ tunnellati taʼ ilma baħar imtellgħin ’il fuq f’ħitan paralleli, li jifformaw passaġġ protettiv taʼ ħarba għal Iżrael. Iva, dawk li wrew biżaʼ bnin minn Alla kisbu protezzjoni. Imbagħad Jehovah telaq l-​ilma, billi ħallieh jitlaʼ lura bħal dilluvju setgħan, billi balaʼ l-​forzi taʼ Farawni u t-​tagħmir kollu tagħhom. X’turija taʼ qawwa divina fuq allat bla siwi u saħħa militari umana! Ċertament, Jehovah hu l-​wieħed li għandna nibżgħu minnu, hux tassew?—Eżodu 14:21, 22, 28; 15:8.

Nuru L-​Biżaʼ Tagħna Minn Alla

15. X’għandu jkun ir-​rispons tagħna għall-​atti potenti li jsalvaw t’Alla?

15 Li kieku konna weqfin salvi maʼ Mosè, ċertament li konna niġu mqanqlin inkantaw: “Min hu bħalek, Mulej, fost l-​allat? Min hu bħalek? Int kbir fil-​qdusija, tal-​biżaʼ fit-​tifħir, int u tagħmel l-​għeġubijiet.” (Eżodu 15:11) Sentimenti bħal dawn ġew midwijin matul is-​sekli minn dak iż-​żmien ’l hawn. Fl-​aħħar ktieb tal-​Bibbja, l-​appostlu Ġwanni jiddeskrivi grupp taʼ qaddejja midlukin leali t’Alla: “Huma jgħannu l-​kantiku taʼ Mosè l-​qaddej t’Alla u l-​kantiku tal-​Ħaruf.” X’inhu dan il-​kantiku meraviljuż? “Kbar u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-​triqat tiegħek, Sultan tal-​ġnus. Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek? Għax int waħdek qaddis.”—Apokalissi 15:2-4.

16, 17. Liema żvilupp meraviljuż qegħdin naraw iseħħ illum?

16 Hekk illum ukoll hemm adoraturi lliberati li japprezzaw mhux biss il-​kapolavuri kreattivi t’Alla imma wkoll id-​digrieti tiegħu. Nies mill-​ġnus kollha ġew illiberati spiritwalment, isseparati minn did-dinja mniġġsa minħabba li jirrikonoxxu u jipprattikaw id-​digrieti taʼ tjieba t’Alla. Kull sena, mijiet t’eluf jaħarbu minn did-dinja korrotta biex jgħammru maʼ l-​organizzazzjoni nadifa u retta taʼ l-​adoraturi taʼ Jehovah. Dalwaqt, wara li l-​ġudizzji jaħarqu t’Alla kontra r-​reliġjon falza u l-​bqija taʼ dis-sistema mill-​agħar ikunu ġew esegwiti, huma se jgħixu għal dejjem f’dinja ġdida taʼ tjieba.

17 Fi qbil m’Apokalissi 14:6, 7, l-​umanità issa qiegħda tismaʼ messaġġ taʼ twissija taʼ ġudizzju ddikjarat mix-​Xhieda taʼ Jehovah taħt direzzjoni anġelika. F’iktar minn 230 pajjiż is-​sena l-​oħra, madwar ħames miljuni Xhieda pproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla u s-​siegħa taʼ ġudizzju tiegħu. Biex jedukaw lill-​bnedmin sħabhom ħalli jibqgħu ħajjin, ix-​Xhieda għamlu żjajjar regulari fid-​djar tan-​nies, billi kkonduċew studji tal-​Bibbja bla ħlas. Mijiet t’eluf kull sena b’hekk jitgħallmu biżżejjed biex jibżgħu minn dak Alla veru b’mod intelliġenti, jiddedikaw ħajjiethom lilu, u jitgħammdu. X’għaxqa li wħud bħal dawn saru jibżgħu minn dak Alla veru!—Luqa 1:49-51; Atti 9:31; qabbel Lhud 11:7.

18. Liema ħaġa turi li l-​anġli huma involuti fl-​ippridkar tagħna?

18 Huwa veru li anġli huma involuti f’dan ix-​xogħol taʼ ppridkar? Sewwa, ċertament li jidher ċar li gwida anġelika taʼ spiss wasslet lix-​Xhieda taʼ Jehovah f’xi dar fejn xi ruħ imnikkta kienet qiegħda tixxennaq, saħansitra titlob, għal għajnuna spiritwali! Per eżempju, tnejn mix-​Xhieda taʼ Jehovah akkumpanjati minn tifel żgħir kienu qegħdin jgħidu l-​aħbar tajba fi gżira tal-​Karibew. Hekk kif qorob nofs in-​nhar, iż-​żewġ adulti ddeċidew li kellhom jieqfu għal dak in-​nhar. Imma t-​tifel kellu ħerqa mhux tas-​soltu biex iżur id-​dar li kien imiss. Meta ra li l-​adulti ma kinux inklinati li jagħmlu dan dak il-​ħin, telaq waħdu u ħabbat. Mara żagħżugħa fetħet il-​bieb. Meta l-​adulti raw dan, marru ħdejhom u tkellmu magħha. Stednithom jidħlu ġewwa, billi spjegat li eżatt kif semgħet it-​taħbita fuq il-​bieb, kienet qiegħda titlob li Alla jibgħat lix-​Xhieda għandha biex jgħallmuha l-​Bibbja. Saru arranġamenti għal studju tal-​Bibbja.

19. Lejn liema ħaġa nistgħu nippontaw bħala benefiċċju talli nibżgħu minn Alla?

19 Hekk kif inwasslu fedelment il-​messaġġ taʼ ġudizzju t’Alla, aħna wkoll ngħallmu d-​digrieti tiegħu taʼ tjieba. Meta dawn jiġu applikati fil-​ħajjiet tan-​nies, dan jirriżulta f’barkiet fiżiċi u spiritwali. Per eżempju, il-​Bibbja hija ċara ħafna fil-​kundanna tagħha taʼ kull immoralità sesswali. (Rumani 1:26, 27, 32) Illum il-​livelli divini huma injorati maʼ kullimkien fid-​dinja. X’inhu r-​riżultat? Iż-​żwiġijiet qegħdin jitkissru. Id-​delinkwenza qiegħda tiżdied. Mard trażmess sesswalment li jimmanka, u li sar pandemiku f’dan is-​seklu 20, qiegħed jinfirex. Tabilħaqq, il-​marda tal-​biżaʼ AIDS tinfirex fil-​parti l-​kbira permezz taʼ l-​immoralità sesswali. Imma biżaʼ mimli rispett minn Alla ma tax prova li huwa taʼ protezzjoni kbira għal adoraturi veri?—2 Korintin 7:1; Filippin 2:12; ara wkoll Atti 15:28, 29.

Riżultati Milli Nibżgħu Minn Alla Issa

20. Liema ħaġa turi li oħrajn jafu bir-​reputazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah?

20 Barkiet huma abbundanti għal dawk li jibżgħu minn Alla u jsegwu d-​digrieti tiegħu. Ikkunsidra ġrajja li tagħti stampa tar-​rikonoxximent li dejjem jikber tal-​fatt li x-​Xhieda taʼ Jehovah jifformaw fratellanza paċifika taʼ Kristjani moralment retti. Għadd taʼ Xhieda, delegati għal konvenzjoni internazzjonali fl-​Amerka t’Isfel, kienu alloġġjati f’lukanda li kienet użata wkoll lejla waħda għal laqgħa li ma kenitx tax-​Xhieda u li kellha tiġi indirizzata mill-​president tal-​pajjiż. Hekk kif tim taʼ membri tas-​sigurtà daħħlu jiġru lill-​president ġol-​lift, waħda Xhud li ma kenitx taf min kien hemm ġol-​lift daħlet ġewwa, b’sorpriża għall-​irġiel tas-​sigurtà! Billi rrealizzat x’kienet għamlet, ix-​Xhud talbet skuża talli kienet iddisturbathom. Uriethom il-​badge tagħha tal-​konvenzjoni li kienet tidentifikaha bħala Xhud u qalet li hi ma kienet t’ebda theddida għall-​president. Bi tbissima, wieħed għassies qal: “Li kieku n-​nies kollha kienu bħax-​Xhieda taʼ Jehovah, ma kienx ikollna bżonn dan it-​tip taʼ sigurtà.”—Isaija 2:2-4.

21. Liema modi t’azzjoni huma miftuħin għan-​nies illum?

21 Dan huwa t-​tip taʼ nies li Jehovah qiegħed issa jiġbor u jipprepara biex ‘joħorġu mit-​tribulazzjoni l-​kbira’ li ttemmm lil dis-sistema. (Rivelazzjoni 7:9, 10, 14, NW) Salvazzjoni bħal din m’hijiex se tiġi b’kumbinazzjoni. Biex jibqaʼ ħaj, wieħed irid jibżaʼ minn Jehovah, jirrikonoxxih bħala dak li għandu d-​dritt li jkun is-​Sovran, u jkun iddedikat lilu. Il-​fatt huwa, iżda, li l-​biċċa l-​kbira m’humiex se jikkultivaw it-​tip taʼ biżaʼ li se jkun jixraqlu protezzjoni. (Salm 2:1-6) Skond l-​evidenza disponibbli kollha, il-​Ħakkiem magħżul taʼ Jehovah, Ġesù Kristu, ilu jaħkem bħala Sultan mis-​sena kritika taʼ l-​1914. Dan ifisser li ż-​żmien li baqaʼ kważi spiċċa biex individwi jiżviluppaw u juru biżaʼ bnin minn Jehovah. Xorta waħda, il-​Ħallieq tagħna qiegħed iħalli individwi, saħansitra wħud f’pożizzjoni taʼ poter, li jaġixxu: “Kunu, mela, issa għorrief, o slaten: twiddbu, o mħallfin taʼ l-​art. Aqdu l-​Mulej bil-​biżaʼ, u bir-​rogħda ifirħu. Busu l-​Iben, li ma jagħdabx, u tinqerdu fit-​triq tagħkom, għax l-​għadab tiegħu malajr jistaʼ jixgħel. Hienja dawk kollha li jistkennu fih!”—Salm 2:7-12, KŻ.

22. Il-​futur x’għandu maħżun għal dawk li issa jibżgħu minn Alla?

22 Jalla nkunu fost dawk li se nfaħħru lill-​Ħallieq tagħna bħala Dak li salvana. Dan jitlob minna, iżda, li nibżgħu minn dak Alla veru issa! (Qabbel Salm 2:11; Lhud 12:28; 1 Pietru 1:17.) Irridu nibqgħu nitgħallmu d-​digrieti tiegħu taʼ tjieba u nobduhom. L-​għanja taʼ Mosè u tal-​Ħaruf, iddokumentata f’Apokalissi 15:3, 4, se tilħaq l-​ogħla grad meta Jehovah jiknes ’il barra l-​ħażen kollu taʼ fuq l-​art u jibda jfejjaq lill-​bniedem u lill-​art daru mill-​effetti li jniġġsu tad-​dnub. Imbagħad, b’qalbna kollha, se nkantaw: “Kbar u taʼ l-​għaġeb l-​għemejjel tiegħek, Mulej, Alla li tistaʼ kollox; ġusti u veri t-​triqat tiegħek, Sultan tal-​ġnus. Min ma jibżax minnek, Mulej, u ma jsebbaħx lil ismek?” (w95 10/15)

Tiftakar Int?

◻ Jehovah għala jixraqlu l-​biżaʼ bnin tagħna?

◻ X’ġie muri minn dak li wettaq Alla ħdejn il-​Baħar l-​Aħmar?

◻ Liema benefiċċji jiġu mill-​biżaʼ mimli rispett tagħna minn Jehovah?

◻ X’futur jistenna lil dawk li jibżgħu minn dak Alla veru issa?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja