LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • od kap. 6 pp. 53-58
  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi
  • Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĦTIĠIJIET SKRITTURALI GĦALL-​QADDEJJA MINISTERJALI
  • KIF JAQDU
  • X’Inhu l-Irwol tal-Qaddejja Ministerjali?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • Il-Qaddejja Ministerjali Jagħtu Servizz Prezzjuż
    Il-Ministeru tas-Saltna—1999
  • Anzjani Ħarrġu lil Oħrajn biex Iġorru t-Tagħbija
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Aħwa Rġiel Qed Taħdmu Biex Issiru Qaddejja Ministerjali?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2024
Ara Iżjed
Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
od kap. 6 pp. 53-58

KAPITLU 6

Il-qaddejja ministerjali jagħtu servizz siewi

LILL-​kongregazzjoni f’Filippi, l-​appostlu Pawlu kiteb: “Pawlu u Timotju, ilsiera taʼ Kristu Ġesù, lill-​qaddisin kollha li hemm f’Filippi u li huma f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, flimkien maʼ l-​indokraturi u l-​qaddejja ministerjali.” (Flp. 1:1) Innota li semma lill-​qaddejja ministerjali. Milli jidher, dawn l-​irġiel kellhom irwol importanti f’li jassistu lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni f’dak iż-​żmien. Hu l-​istess fi żmienna. Il-​qaddejja ministerjali jagħtu servizzi li jgħinu lill-​indokraturi u li jikkontribwixxu għall-​ordni tajjeb fil-​kongregazzjoni.

2 Taf min huma l-​qaddejja ministerjali fil-​kongregazzjoni tiegħek? Taf int bix-​xogħol li jagħmlu għall-​benefiċċju tiegħek u tal-​kongregazzjoni kollha kemm hi? L-​isforzi taʼ rġiel bħal dawn żgur li huma apprezzati minn Ġeħova. Pawlu kiteb: “Għax l-​irġiel li jaqdu bl-​aħjar mod qed jiksbu għalihom infushom reputazzjoni tajba u libertà kbira tal-​kelma fil-​fidi fi Kristu Ġesù.”—1 Tim. 3:13.

ĦTIĠIJIET SKRITTURALI GĦALL-​QADDEJJA MINISTERJALI

3 Hu mistenni li l-​qaddejja ministerjali jgħixu ħajja Kristjana tajba, li jkunu rġiel responsabbli, u li jieħdu ħsieb tajjeb tal-​inkarigi. Dan jidher ovvju meta nikkunsidraw dak li qal Pawlu dwar il-​kwalifiki tagħhom fl-​ittra tiegħu lil Timotju: “Il-​qaddejja ministerjali għandhom ikunu serji, ma jilagħbux bid-​diskors, mhux mogħtijin għal ħafna nbid, mhux rgħiba għal qligħ diżonest, waqt li b’kuxjenza nadifa jżommu s-​sigriet sagru tal-​fidi. U dawn, l-​ewwel, ħa jgħaddu minn prova jekk jistħoqqilhomx, imbagħad jaqdu bħala ministri, għax ma jkollhomx fuqiex jiġu akkużati. Il-​qaddejja ministerjali għandhom ikunu rġiel taʼ mara waħda, u jippresiedu bl-​aħjar mod fuq uliedhom u fuq dawk taʼ darhom.” (1 Tim. 3:8-​10, 12) Billi jinżammu livelli għoljin għall-​qaddejja ministerjali, il-​kongregazzjoni tiġi protetta kontra akkużi dwar it-​tip taʼ rġiel li lilhom huma fdati responsabbiltajiet speċjali.

4 Kemm jekk il-​qaddejja ministerjali jkunu iżgħar jew ikbar fl-​età, huma jkunu attivi fil-​ministeru kull xahar. Billi jimitaw lil Ġesù, huma juru żelu għall-​ministeru. B’żelu bħal dan, huma jirriflettu l-​interess taʼ Ġeħova fis-​salvazzjoni tal-​umanità.—Is. 9:7.

5 Irġiel li jaqdu bħala qaddejja ministerjali huma eżemplari wkoll fl-​ilbies, fil-​maxta tax-​xagħar, fil-​kliem, fl-​attitudni, u fil-​kondotta tagħhom. Huma moħħhom f’loku, u dan jirbaħ ir-​rispett taʼ ħaddieħor. Iżjed minn hekk, jieħdu bis-​serjetà r-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova u l-​privileġġi tagħhom fil-​kongregazzjoni.—Titu 2:2, 6-​8.

6 Dawn l-​irġiel ikunu ‘għaddew minn prova jekk jistħoqqilhomx.’ Saħansitra qabel ma jinħatru, ikunu taw prova li huma rġiel tassew dedikati. Huma jkunu wrew li poġġew l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom u qed jirsistu għal kwalunkwe privileġġ taʼ servizz li jistaʼ jkun disponibbli għalihom. Huma tabilħaqq eżempju taʼ min jimitah għal oħrajn fil-​kongregazzjoni.—1 Tim. 3:10.

KIF JAQDU

7 Il-​qaddejja ministerjali jagħtu diversi servizzi prattiċi għall-​benefiċċju taʼ ħuthom, u b’hekk jippermettu lill-​indokraturi jqattgħu iktar ħin biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu maʼ li jgħallmu u jirgħu. Meta jkunu qed jassenjaw l-​inkarigi, il-​ġemgħa tal-​anzjani jikkunsidraw l-​abbiltajiet individwali tagħhom u l-​bżonnijiet tal-​kongregazzjoni.

Il-​qaddejja ministerjali jagħtu diversi servizzi prattiċi, u b’hekk jippermettu lill-​indokraturi jqattgħu iktar ħin biex jieħdu ħsieb ir-​responsabbiltajiet taʼ li jgħallmu u jirgħu

8 Ikkunsidra ftit minn dawn is-​servizzi: Qaddej ministerjali jistaʼ jiġi inkarigat jieħu ħsieb il-​letteratura biex inkunu nistgħu nieħdu minnha għall-​użu personali u għall-​ministeru tal-​għalqa. Oħrajn jiġu inkarigati jżommu r-​rekords tal-​kontijiet jew tat-​territorju. Uħud huma inkarigati jieħdu ħsieb il-​mikrofoni, iħaddmu l-​apparat tas-​sawnd, jaqdu bħala attendants, u biex jgħinu lill-​anzjani b’modi oħrajn. Hemm ħafna xogħol xi jsir biex is-​Sala tas-​Saltna tinżamm f’kundizzjoni tajba u nadifa, u għalhekk il-​qaddejja ministerjali spiss jintalbu jgħinu f’dawn ir-​responsabbiltajiet.

9 F’xi kongregazzjonijiet, jistaʼ jkun possibbli li jkun hemm qaddej ministerjali għal kull wieħed minn dawn l-​inkarigi. Bnadi oħra, qaddej ministerjali għandu mnejn ikollu jieħu ħsieb diversi inkarigi. Xi drabi, iktar minn qaddej ministerjali wieħed jistaʼ jiġi inkarigat biex jieħu ħsieb ċertu xogħol. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed qaddejja ministerjali biex jieħdu ħsieb uħud minn dawn ir-​responsabbiltajiet, il-​ġemgħa tal-​anzjani tistaʼ tagħmel arranġamenti biex aħwa rġiel mgħammdin oħrajn li jkunu eżemplari jieħdu ħsieb dan ix-​xogħol bżonjuż. B’hekk, huma jiksbu esperjenza li tkun tiswa iżjed tard meta jikkwalifikaw biex jinħatru bħala qaddejja ministerjali. Jekk ma jkunx hemm aħwa rġiel, oħt eżemplari tistaʼ tintalab tgħin f’xi affarijiet avolja, ovvjament, ma tiġix maħtura bħala qaddej ministerjali. Individwu li hu eżemplari hu wieħed li jitqies li l-​kondotta u l-​qima tiegħu huma taʼ min jimitahom. L-​attendenza tiegħu jew tagħha għal-​laqgħat, is-​sehem fil-​ministeru, il-​ħajja tal-​familja, l-​għażliet taʼ divertiment, l-​ilbies u l-​maxta tax-​xagħar, u affarijiet oħra huma taʼ eżempju tajjeb għal oħrajn.

10 F’kongregazzjonijiet fejn ikun hemm vera ftit anzjani, qaddejja ministerjali kapaċi jistgħu jintalbu jgħaddu maʼ individwi l-​mistoqsijiet għall-​magħmudija li għandhom x’jaqsmu maʼ affarijiet taʼ twemmin. Dawn jinstabu fl-​Appendiċi “L-​ewwel parti—Twemmin Kristjan.” Ladarba “It-​tieni parti—Il-​mod kif jgħixu l-​Kristjani” tinvolvi affarijiet personali sensittivi, anzjan għandu jikkunsidra din it-​taqsima.

11 Jekk ikun hemm raġuni tajba, il-​ġemgħa tal-​anzjani jistgħu jsibuha taʼ benefiċċju li, perjodikament, ibiddlu xi inkarigi minn qaddej ministerjali għal ieħor. Madankollu, hemm vantaġġ kbir jekk l-​aħwa jitħallew fl-​istess inkarigi għal xi żmien sabiex jiksbu l-​esperjenza u l-​effiċjenza.

12 Skont iċ-​ċirkustanzi lokali, jistaʼ jkun hemm responsabbiltajiet oħra li jistgħu jiġu assenjati lill-​qaddejja ministerjali li kulħadd ikun jistaʼ ‘jara li qed javanzaw.’ (1 Tim. 4:15) Jekk ma jkunx hemm biżżejjed anzjani, qaddej ministerjali jistaʼ jiġi assenjat bħala assistent tal-​indokratur tal-​grupp, jew f’xi każi, bħala qaddej tal-​grupp, billi jaħdem taħt is-​superviżjoni mill-​qrib tal-​anzjani. Il-​qaddejja ministerjali jistgħu jiġu inkarigati jieħdu ħsieb ċerti taħditiet fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna, inkluż li jikkonduċu l-​Istudju tal-​Bibbja tal-​kongregazzjoni jekk ikun hemm bżonn, u jagħtu taħditiet pubbliċi. Meta jkun hemm bżonn partikulari, il-​qaddejja ministerjali jistgħu jingħataw privileġġi oħrajn jekk jissodisfaw il-​ħtiġijiet għall-​inkarigu. (1 Pt. 4:10) Huma u jassistu lill-​anzjani, il-​qaddejja ministerjali għandhom jagħtu minnhom infushom minn rajhom.

13 Għalkemm ix-​xogħol tagħhom hu differenti minn dak tal-​anzjani, xorta hu servizz sagru lil Alla u hu importanti biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ miexja ħarir. Maż-​żmien, jekk il-​qaddejja ministerjali jagħmlu xogħolhom sew u jikkwalifikaw biex jaqdu bħala ragħajja u għalliema, jistgħu jiġu rikkmandati biex jaqdu bħala anzjani.

14 Jekk int ħu żagħżugħ jew għadek kemm tgħammidt, qiegħed tirsisti biex tikkwalifika biex issir qaddej ministerjali? (1 Tim. 3:1) B’tant nies deħlin fil-​verità kull sena, hemm bżonn taʼ rġiel kwalifikati u spiritwali biex jieħdu ħsieb responsabbiltajiet fil-​kongregazzjoni. Int tistaʼ tirsisti billi tikkultiva xewqa biex tgħin lil ħaddieħor. Mod wieħed kif tistaʼ tagħmel dan hu billi timmedita fuq l-​eżempju mill-​aħjar taʼ Ġesù. (Mt. 20:28; Ġw. 4:6, 7; 13:4, 5) Ix-​xewqa tiegħek se tikber hekk kif tesperjenza l-​ferħ li jiġi milli tagħti lil ħaddieħor. (Atti 20:35) Għalhekk, offri li tagħti assistenza prattika lil ħaddieħor, li tgħin fil-​manutenzjoni tas-​Sala tas-​Saltna, jew biex tagħmel inkarigu taʼ student fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna bħala volontier. Li tirsisti jinkludi wkoll li tiżviluppa kwalitajiet spiritwali billi jkollok rutina tajba taʼ studju personali. (Salm 1:1, 2; Gal. 5:22, 23) Barra minn hekk, ħu li qed jirsisti juri li hu taʼ min joqgħod fuqu u li hu leali meta jingħata inkarigi fil-​kongregazzjoni.—1 Kor. 4:2.

15 Qaddejja ministerjali jinħatru bl-​ispirtu qaddis għall-​benefiċċju tal-​kongregazzjoni. Dawk kollha fil-​kongregazzjoni jistgħu juru l-​apprezzament tagħhom għax-​xogħol iebes tal-​qaddejja ministerjali billi jikkooperaw magħhom hekk kif jieħdu ħsieb ix-​xogħol mogħti lilhom. B’hekk, il-​kongregazzjoni tkun qed turi apprezzament għall-​provvediment taʼ Ġeħova biex iżomm l-​ordni fost niesu.—Gal. 6:10.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja