Aħbarijiet tas-Saltna Nru. 37
Messaġġ għad-Dinja Kollha
It-Tmiem tar-Reliġjon Falza Huwa fil-Qrib!
▪ X’inhi r-reliġjon falza?
▪ Kif se tintemm?
▪ Int kif se tiġi effettwat?
X’Inhi r-Reliġjon Falza?
Tħossok int imdejjaq minħabba d-delitti li jsiru f’isem ir-reliġjon? Tħoss nuqqas taʼ ġustizzja meta tara l-gwerer, it-terroriżmu, u l-korruzzjoni minn dawk li jgħidu li jaqdu lil Alla? Ir-reliġjon għala tidher li hija l-kaġun taʼ daqstant problemi?
Il-ħtija m’hijiex tar-reliġjonijiet kollha, imma tar-reliġjon falza. Persunaġġ reliġjuż li huwa rispettat minn ħafna, Ġesù Kristu, wera li r-reliġjon falza tipproduċi għemejjel ħżiena, bħalma “siġra mħassra tagħmel frott ħażin.” (Mattew 7:15-17) Ir-reliġjon falza x’tip taʼ frott ħażin tagħmel?
Ir-Reliġjon Falza . . .
◼ TINDAĦAL FIL-GWERER U L-POLITIKA: “Fl-Asja kif ukoll f’pajjiżi oħrajn,” jgħid il-ġurnal Asiaweek, “mexxejja li huma għatxana għall-poter jimmanipulaw b’egoiżmu l-opinjonijiet reliġjużi tan-nies biex jaqdu l-bżonnijiet tagħhom.” B’riżultat taʼ dan, il-ġurnal iwissi: “Id-dinja tinsab f’riskju li tegħreq f’ġenn kbir.” Mexxej reliġjuż prominenti fl-Istati Uniti ddikjara: “Hemm bżonn li jinqatlu t-terroristi sabiex jispiċċa l-qtil.” X’inhi s-soluzzjoni tiegħu? “Noqtluhom kollha f’isem il-Mulej.” Kuntrarju għal dan, il-Bibbja tgħid: “Jekk xi ħadd jgħid: ‘Inħobb lil Alla,’ iżda jobgħod lil ħuh, hu giddieb.” (1 Ġwanni 4:20) Ġesù saħansitra qal: “Komplu ħobbu lill-għedewwa tagħkom.” (Mattew 5:44) Madankollu, kemm hawn reliġjonijiet li l-membri tagħhom jinvolvu ruħhom fil-gwerer?
◼ IXXERRED DUTTRINA FALZA: Il-maġġorparti mir-reliġjonijiet jgħallmu li r-ruħ, jew l-ispirtu, hija xi parti inviżibbli mill-bniedem li tibqaʼ tgħix wara l-mewt tal-ġisem fiżiku. Permezz taʼ dan it-tagħlim, ħafna minn dawn ir-reliġjonijiet jieħdu vantaġġ mill-membri tagħhom, u jiħdulhom il-flus biex jitolbu għall-erwieħ tal-mejtin. Madankollu, il-Bibbja tgħallem duttrina differenti. “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) “Il-ħajjin, għallinqas, jafu li għad imutu, iżda l-mejtin ma jafu xejn.” (Koħèlet 9:5) Ġesù għallem li l-mejtin se jiġu rxoxtati—xi ħaġa li ma jkunx hemm bżonnha jekk il-bnedmin għandhom ruħ immortali. (Ġwanni 11:11-25) Tgħallem ir-reliġjon tiegħek li r-ruħ ma tmutx?
◼ TITTOLLERA SESS IMMORALI: F’pajjiżi tal-Punent, gruppi reliġjużi jaħtru membri tal-kleru li huma omosesswali u lesbjani, u jħeġġu lill-gvernijiet biex jirrikonoxxu ż-żwiġijiet bejn tnejn taʼ l-istess sess. Saħansitra knejjes li jikkundannaw l-immoralità ttolleraw mexxejja reliġjużi li abbużaw sesswalment mit-tfal. Imma l-Bibbja x’tgħallem dwar dan? Din tgħid ċar u tond: “Titqarrqux. La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-irġiel li jimteddu maʼ l-irġiel . . . ma jirtu s-saltna t’Alla.” (1 Korintin 6:9, 10) Taf int b’reliġjonijiet li jagħlqu għajnhom għas-sess immorali?
X’hemm miżmum fil-futur għal reliġjonijiet li jipproduċu frott ħażin? Ġesù wissa: “Kull siġra li ma tagħmilx frott tajjeb titqaċċat u tintefaʼ fin-nar.” (Mattew 7:19) Iva, ir-reliġjon falza se titqaċċat u tinqered! Imma dan kif u meta se jiġri? Viżjoni profetika dokumentata fil-ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni, f’kapitli 17 u 18, se tipprovdi t-tweġiba.
Ir-Reliġjon Falza Kif Se Tintemm?
Immaġina x-xena. Mara żienja tinsab bil-qiegħda fuq dahar bhima tal-biżaʼ. Il-bhima għandha sebat irjus u għaxart iqrun. (Rivelazzjoni 17:1-4) Il-mara żienja lil min tirrappreżenta? Din teżerċita influwenza “fuq . . . is-slaten taʼ l-art.” Hi tilbes il-vjola, tuża l-inċens, u għandha rikkezzi kbar ħafna. Iżjed minn hekk, permezz tal-prattiċi spiritistiċi tagħha, “il-ġnus kollha ġew imqarrqin.” (Rivelazzjoni 17:18; 18:12, 13, 23) Il-Bibbja tgħinna naraw li din il-mara żienja hija entità reliġjuża madwar id-dinja kollha. Din ma tirrappreżentax lil reliġjon waħda partikulari, imma lir-reliġjonijiet kollha li jipproduċu frott imħassar.
Il-bhima li l-mara żienja hija riekba fuqha tagħti stampa tal-qawwiet politiċi.a (Rivelazzjoni 17:10-13) Ir-reliġjon falza tirkeb fuq dahar din il-bhima politika, u tipprova tinfluwenza d-deċiżjonijiet tagħha u tikkontrolla d-direzzjoni tagħha.
Madankollu, ftit ieħor se sseħħ ġrajja taʼ l-għaġeb. “L-għaxart iqrun li rajt, u l-bhima salvaġġa, dawn se jobogħdu lill-prostituta u jħarbtuha u jneżżgħuha, u jiklulha laħamha u jaħarquha għalkollox bin-nar.” (Rivelazzjoni 17:16) F’azzjoni li se tiġri f’daqqa u b’ħasda, il-qawwiet politiċi tad-dinja se jattakkaw ir-reliġjon falza u jeqirduha kompletament! X’se jqanqal azzjoni bħal din? Il-ktieb Bibliku taʼ Rivelazzjoni jwieġeb: “Alla daħħlilhom fi qlubhom li jwettqu l-ħsieb tiegħu.” (Rivelazzjoni 17:17) Iva, Alla se jitlob kont mir-reliġjon falza għall-atti krudili u mistkerrha kollha li kkommettiet f’ismu. Billi jaġixxi b’ġustizzja perfetta, hu se juża n-namrati politiċi tagħha bħala l-istrumenti tiegħu biex jeqirduha.
X’għandek bżonn tagħmel jekk ma tridx li jkollok l-istess tmiem tar-reliġjon falza? “Oħorġu minnha, poplu tiegħi,” iħeġġeġ il-messaġġier t’Alla. (Rivelazzjoni 18:4) Tabilħaqq, issa huwa ż-żmien li twarrab mir-reliġjon falza! Imma fejn tistaʼ tmur? Mhux lejn l-ateiżmu, għax il-futur tiegħu huwa mudlam ukoll. (2 Tessalonikin 1:6-9) L-uniku rifuġju huwa fir-reliġjon vera. Kif tistaʼ tidentifika r-reliġjon vera?
Kif Tidentifika r-Reliġjon Vera
X’inhu l-frott tajjeb li trid tipproduċi r-reliġjon vera?—Mattew 7:17.
Ir-Reliġjon Vera . . .
◼ TIPPRATTIKA L-IMĦABBA: L-aduraturi veri “m’humiex parti mid-dinja,” m’humiex mifrudin minħabba r-razza jew il-kultura, u juru ‘l-imħabba bejniethom.’ (Ġwanni 13:35; 17:16; Atti 10:34, 35) Minflok ma joqtlu lil xulxin, huma lesti li jmutu għal xulxin.—1 Ġwanni 3:16.
◼ TAFDA L-KELMA T’ALLA: Minflok ma tgħallem it-“tradizzjoni” u ‘l-kmandi tal-bnedmin bħala duttrini,’ ir-reliġjon vera tibbaża d-duttrina tagħha fuq il-Kelma t’Alla, il-Bibbja. (Mattew 15:6-9) Għala? Għaliex “l-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa.”—2 Timotju 3:16.
◼ ISSAĦĦAĦ IL-FAMILJI U ŻŻOMM LIVELLI MORALI GĦOLJIN: Ir-reliġjon vera tħarreġ lill-irġiel miżżewġin biex “iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess,” tgħin lin-nisa biex jiżviluppaw ‘rispett profond lejn żewġhom,’ u tgħallem lit-tfal biex ‘jobdu lill-ġenituri tagħhom.’ (Efesin 5:28, 33; 6:1) Barra minn hekk, dawk li huma fdati b’pożizzjonijiet t’awtorità għandu jkollhom morali taʼ min jimitahom.—1 Timotju 3:1-10.
Hawn xi reliġjon li tilħaq dawn il-livelli? Il-ktieb Holocaust Politics, pubblikat fl-2001, jgħid: “Li kieku kien hawn iktar nies li pprattikaw dak li x-Xhieda taʼ Ġeħova għallmu u ppridkaw, l-Olokawst setaʼ ġie evitat u l-ġenoċidji ma jibqgħux jgħakksu d-dinja iktar.”
Tabilħaqq, f’235 pajjiż, ix-Xhieda taʼ Ġeħova mhux biss jippridkaw il-livelli morali tal-Bibbja—huma jgħixuhom. Aħna nħeġġuk biex tistaqsi lix-Xhieda taʼ Ġeħova għal iktar għajnuna ħalli titgħallem dak li Alla jirrikjedi minnek sabiex il-mod kif int tadurah ikun aċċettabbli. Issa huwa ż-żmien biex tieħu azzjoni. Iddumx. It-tmiem tar-reliġjon falza huwa fil-qrib!—Sofonija 2:2, 3.
Jekk tixtieq iktar informazzjoni dwar il-messaġġ ibbażat fuq il-Bibbja li qed jippridkaw ix-Xhieda taʼ Ġeħova, iżżommx lura milli tikkuntattjahom fl-indirizz t’hawn taħt.
□ Mingħajr ebda obbligu, nixtieqkom tibagħtuli kopja tal-browxer Ibqaʼ Għassa!
□ Jekk jogħġobkom ikkuntattjawni rigward studju tal-Bibbja fid-dar bla ħlas.
[Nota taʼ taħt]
a Għal spjegazzjoni fid-dettall dwar dan is-suġġett, ara l-ktieb Revelation—Its Grand Climax At Hand! pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Kliem f’paġna 3]
Ir-reliġjon falza teżerċita influwenza “fuq . . . is-slaten taʼ l-art”
[Kliem f’paġna 3]
“Oħorġu minnha, poplu tiegħi”