La Bambouseraie—Ħolma Li Saret Realtà
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FI FRANZA
DAQS 150 sena ilu fin-nofsinhar taʼ Franza, Eugène Mazel, importatur taʼ ħwawar Asjatiċi, irħielha biex jagħmel dik li kellha ssir l-akbar mixtla tal-bambù fid-dinja, bi kważi 200 tip differenti taʼ dan ix-xitel li jikber daqshekk malajr u li jintuża għal daqstant affarijiet. Sa l-1855, l-ambizzjoni taʼ Mazel kienet imxekkla minn ostaklu primarju wieħed: Il-bambù ma kienx jikber fl-Ewropa.
Attentati biex dan ix-xitel jiġi importat mill-Asja sfaw fix-xejn. Waqt li l-bambù jiflaħ kemxejn mhux ħażin fl-abitat propju tiegħu (ċerti tipi jistgħu jifilħu temperaturi baxxi daqs –24 grad Celsius u jistgħu jikbru f’għoli taʼ 5,000 metru), kien impossibbli li l-għeruq jinżammu ħajjin waqt il-vjaġġi twal tul il-kontinenti. Madankollu, mal-miġja taʼ bastimenti tal-baħar b’iktar veloċità, kampjuni tal-bambù ġew importati b’suċċess fl-Ingilterra fl-1827 u, iktar tard fi Franza. Il-ħolma taʼ Mazel kienet pass ieħor eqreb lejn ir-realtà!
L-isfida li issa kien imiss għal Mazel kienet li jsib post addattat għall-mixtla tiegħu. Fl-1855, hu xtara biċċa art li kien fiha madwar 339,948 metru kwadru qrib Anduze, fin-nofsinhar taʼ Franza, li kienet tibbenefika mill-klima tal-Mediterran u kienet imbierka b’ħamrija tajba. Xogħol kbir kellu jsir biex l-ilma tax-xmara li kien hemm fil-qrib jgħaddi għal din il-biċċa art. Imma l-isforzi ħabrieka taʼ Mazel irnexxew.
B’sogħba, sa l-1890, Mazel spiċċa fallut u kellu jbigħ il-ġnien prezzjuż tiegħu. Iżda bi pjaċir, oħrajn komplew fejn ħalla hu, sabiex issa kull sena madwar 350,000 ruħ iżuru La Bambouseraie—il-ħolma taʼ Mazel li saret realtà.
[Sors taʼ l-istampa f’paġna 31]
L-istampi kollha: La Bambouseraie de Prafrance