Jistaʼ l-Ħolm Ibassar il-Futur?
Minn żmien il-qedem, il-bnedmin kellhom interess intensiv fil-ħolm. L-Eġizzjani ppreparaw kotba elaborati għall-interpretazzjoni tal-ħolm, u l-Babilonjani kellhom lil dawk li jinterpretawlhom il-ħolm. Fost il-Griegi l-użanza kienet li jieħdu l-morda jorqdu fin-niċeċ taʼ Asklepjus biex jirċievu struzzjonijiet dwar saħħithom waqt il-ħolm. Fit-tieni seklu taʼ l-Era Komuni tagħna, Artemidorus ipproduċa ktieb li fih ta interpretazzjonijiet taʼ simboli tal-ħolm. Ħafna kotba simili prodotti minn dak iż-żmien ’l hawn ġew ibbażati fuq il-ktieb tiegħu. Sal-ġurnata tal-lum, għadhom isiru sforzi biex jiġi interpretat il-ħolm, imma fil-fatt jagħti l-ħolm dehen dwar avvenimenti li għad iridu jiġru?
Biex dan ikollu sinjifikat dwar il-futur, irid ikun influwenzat minn xi forza superjuri. Fil-Bibbja nsibu ħafna waqtiet fejn Alla ssupplixxa dik l-istess forza. Ta ħolmiet profetiċi lill-qaddejja tiegħu kif ukoll lil xi wħud li ma qimux lilu. Fil-fatt, Ġob 33:14-16 jgħid: “Alla jitkellem . . . fil-ħolm, f’xi dehra bil-lejl, xħin jaqaʼ n-ngħas fuq il-bnedmin, u jkunu reqdin fuq friexhom, dak il-ħin Alla jnebbaħhom.”
Alla għamel hekk fil-każ tal-Farawni Eġizzjan fi żmien Ġużeppi, li għex iktar minn 1,700 sena qabel l-Era Komuni. Il-ħolma tal-Farawni tinsab f’Ġenesi 41:1-7, u fil-versi 25 sa 32, Ġużeppi jinterpretaha bħala li tbassar sebaʼ snin “taʼ xabgħa kbir fl-art kollha taʼ l-Eġittu,” segwiti minn sebaʼ snin taʼ ġuħ. Ġużeppi spjega lil Farawni: “Kull ma se jagħmel Alla, urieh lill-Fargħun.” (Ġenesi 41:28) Il-ħolma kienet profetika taʼ dak li fil-fatt seħħ.
Sultan prominenti tal-Babilonjani kellu esperjenza simili. Nebukadneżżar kellu ħolma li inkwetatu ferm, imma ma setax jiftakarha. Għalhekk bagħat għas-sħaħar tiegħu biex jgħarrfuh il-ħolma u l-interpretazzjoni tagħha. Din kienet talba impossibbli għalihom li jilqgħuha.—Danjel 2:1-11.
Ladarba kien Alla li ta l-ħolma lis-sultan, Hu għamilha possibbli li Danjel jirrivela l-ħolma u l-interpretazzjoni tagħha. Danjel 2:19 jgħid: “Imbagħad il-misteru kien irrivelat lil Danjel f’dehra bil-lejl.” Danjel ta kredtu ’l Alla għal din il-ħolma: “Il-misteru li s-sultan irid jitkixxef, la l-għorrief, la l-bassara, la l-maġi u lanqas l-astroloġi ma għandhom ħila juruh lis-sultan. Iżda hemm Alla fis-sema li jikxef il-misteri, u li għarraf lis-sultan Nebukadnessar x’sejjer jiġri fl-aħħar jiem.”—Danjel 2:27, 28.
Xi kultant Alla ta struzzjonijiet lill-poplu tiegħu permezz tal-ħolm, u f’waqtiet oħrajn ta assiguranza taʼ favur divin jew għenhom jifhmu kif kien qiegħed jgħinhom. Fil-każ taʼ Ġakobb, Alla rrivela l-approvazzjoni tiegħu permezz taʼ ħolma.—Ġenesi 48:3, 4.
Meta Ġużeppi, il-missier adottiv taʼ Ġesù, skopra li Marija kienet tqila, iddeċieda li jiddivorzjaha. Imbagħad irċieva istruzzjonijiet f’ħolma biex ma jagħmilx hekk. Mattew 1:20 jgħid: “Meta kien għadu qiegħed jaħsibha, deherlu anġlu tal-Mulej fil-ħolm u qallu: ‘Ġużeppi, bin David, xejn la tibżaʼ tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu.’” Iktar tard ngħata twissija f’ħolma: “Deher anġlu tal-Mulej f’ħolma lil Ġużeppi u qallu: ‘Qum, ħu miegħek lit-tifel u ’l ommu, u aħrab lejn l-Eġittu.’”—Mattew 2:13.
Ħolm Li Mhux Ġej Minn Alla
Il-fatt li l-interpretazzjoni tal-ħolm kienet komuni fost dawk li ma kinux il-poplu t’Alla jindika li l-ħolm inġenerali ma jistax jitqies bħala rivelatur tal-futur taʼ min joqgħod fuqu. Fi żmien Ġeremija l-profeta t’Alla, profeti foloz kienu qegħdin jgħidu: “Kelli ħolma! Kelli ħolma!” (Ġeremija 23:25) L-intenzjonijiet tagħhom kienu li jiżvijaw lill-poplu f’li jaħseb li Alla kien qiegħed jitkellem permezz tagħhom. Rigward dawn il-ħalliema, Ġeremija kien ispirat biex jgħid: “Għax dan igħid il-Mulej taʼ l-eżerċti, Alla taʼ Israel: ‘Tħalluhomx iqarrqu bikom il-profeti li hemm f’nofskom u l-ħabbara tagħkom. Tagħtux widen għall-ħolm li qegħdin joħolmu. Għax qegħdin iħabbrulkom il-gideb f’ismi . . . ,’ Oraklu tal-Mulej.”—Ġeremija 29:8, 9.
Ladarba dawn il-profeti foloz kienu “ħabbara,” il-ħolm tagħhom setaʼ kien influwenzat minn forzi spirti mill-agħar bl-iskop li jqarrqu bin-nies. L-istess hu indikat f’dak li jgħid Żakkarija 10:2: “Għax l-allat taʼ djarhom igħidu kliem fieragħ; dawk li jħabbru kellhom dehriet qarrieqa, ifissru ħolm mhux minnu.”
Ix-Xitan huwa l-arċi-qarrieq li għal eluf taʼ snin uża mexxejja reliġjużi biex jistqarru falz li Alla kellimhom permezz taʼ viżjonijiet u ħolm, l-istess bħalma l-profeti qarrieqa għamlu fi żmien Ġeremija u Żakkarija. Rigward uħud bħal dawn, il-kittieb Bibliku Ġuda taħt ispirazzjoni kiteb lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu: “Għax fostna ndiehsu xi wħud li sa minn żmien ilu kienu mniżżlin minn qabel għal din il-kundanna, nies bla reliġjon li jaqilbu l-grazzja taʼ Alla tagħna f’żina u jiċħdu lil Ġesù Kristu, il-Mulej u s-Sid waħdieni tagħna.” Dawn l-irġiel, hu qal, kienu, biex ngħidu hekk, “jagħtuha għall-ħolm.”—Ġuda 4, 8, New World Translation.
Ittestja Dak Li Jiġi Sostnut
Persuna tistaʼ ssostni li Alla kellimha f’ħolma jew li l-ħolm tagħha dwar ġrajjiet fil-futur wera li kien veru, u madankollu dak mhux raġuni biżżejjed biex temminha u ssegwiha b’għajnejk magħluqin. Innota l-istruzzjonijiet miktubin għall-Israeliti, li nsibuhom f’Dewteronomju 13:2-4, 6 (Dewteronomju 13:1-3, 5, NW): “Jekk iqum f’nofsok xi profeta jew ħalliem, u jgħidlek li jagħtik sinjal jew il-għaġeb li jkun wiegħdek u qallek: ‘Ħa mmorru wara allat oħrajn, li int ma tafx bihom u nadurawhom,’ la tismax il-kliem taʼ dan il-profeta jew il-ħolm li hu jkun ħolom . . . Profeta bħal dan, jew ħalliem bħal dan, agħtuh il-mewt.” Alla ppermetta li wħud bħal dawn jitkellmu falz bħala test tal-lealtà tal-poplu tiegħu.
Minflok ma nemmnu b’għajnejna magħluqin dak li jsostnu ħalliema kariżmatiċi, il-korsa għaqlija hi li nittestjaw dak li jsostnu huma biex nevitaw li niġu żvijati mill-arċi-qarrieq inviżibbli, li qiegħed ‘iqarraq bid-dinja kollha.’ (Apokalissi 12:9) Imma kif jistaʼ jiġi ttestjat b’mod li tistaʼ toqgħod fuqu?
Il-Kelma miktuba t’Alla hija l-gwida għall-verità mogħtija b’mod divin. Dwarha, Ġesù Kristu qal: “Il-kelma tiegħek hi l-verità.” (Ġwann 17:17) Għalhekk aħna mwiddbin fl-1 Ġwann 4:1: “Egħżież, mhux lil kull xorta taʼ spirti għandkom temmnu. L-ispirti stħarrġuhom, biex taraw ikunux ġejja minn Alla; għax kienu ħafna l-profeti foloz li ħarġu fid-dinja.” Meta jiġu mqabblin bir-reqqa mal-Bibbja, l-istqarrijiet, il-filosofiji, u l-azzjonijiet tagħhom se jiġu f’konflitt magħha. Il-Kelma t’Alla hija l-awtorità għal dik li hi verità.
Qiegħed dak li joħlom, li jsostni li għandu xi għarfien speċjali, fil-fatt juża d-divinazzjoni jew prattiċi spiritistiċi oħrajn? Jekk iva, huwa kkundannat mill-Kelma t’Alla. “Ma għandu jkun hemm ħadd li . . . jeħber, min jitkixxef il-ġejjieni, min jagħmel il-magħmul u s-sħarijiet, min isejjaħ l-erwieħ, min jobsor u jistħarreġ il-mejtin. Għax mistkerrah quddiem il-Mulej kull min jagħmel dawn il-ħwejjeġ.”—Dewteronomju 18:10-12.
Jekk hu jsostni li għandu ruħ ġewwa fih li ma tmutx, ikun qiegħed jikkontradixxi l-Kelma t’Alla li tistqarr b’mod ċar: “Ir-ruħ li tidneb, tmut.” (Eżekjel 18:4, Karm Żammit) Qiegħed hu jgħolli lilu nnifsu u jiġbed segwaċi għal warajh? Mattew 23:12 twissi: “Min jitgħolla, jitbaxxa.” U Atti 20:30 iwissi lill-Kristjani: “Minn fostkom stess għad iqumu xi wħud li jgħallmu dak li hu kontra s-sewwa, bil-ħsieb li jdawru d-dixxipli għal warajhom.”
Jappoġġja azzjonijiet vjolenti? Ġakbu 3:17, 18 jikkundannah: “Il-għerf li ġej mis-sema, qabel kollox hu għerf safi, imbagħad hu għerf li jfittex is-sliem, it-tjubija u l-ħlewwa, huwa kollu ħniena u frott tajjeb, bla ma jħares lejn l-uċuh u bla qerq. Dawk li jfittxu s-sliem jiżirgħu fis-sliem u jkollhom il-frott tal-ġustizzja.” Ifittex hu awtorità jew influwenza politika fid-dinja? Il-Kelma t’Alla tikkundannah b’mod sod, billi tgħid: “Min . . . [i]rid isir ħabib tad-dinja huwa għadu taʼ Alla.” B’hekk il-Bibbja tesponi dak li hu falz.—Ġakbu 4:4.
Jekk persuna jkollha ħolma dwar il-mewt taʼ membru tal-familja jew xi ħabib, x’aktarx li jkun minħabba li kienet ikkonċernata dwar din il-persuna. Li l-persuna setgħet mietet preċiżament fil-lejl tal-ħolma, fih innifsu mhux prova li l-ħolma kienet profetika. Għal kull ħolma taʼ dan it-tip li tidher li ssir realtà, hemm mijiet li ma jseħħux.
Għalkemm Alla għamel użu mill-ħolm fil-passat biex jirrivela avvenimenti profetiċi u jagħti istruzzjonijiet waqt li l-Kelma miktuba tiegħu kienet qiegħda tiġi prodotta, m’għandux għalfejn jagħmel hekk illum. Dik il-Kelma miktuba fiha l-istruzzjonijiet kollha minn Alla li l-umanità għandha bżonn f’dan iż-żmien, u l-profeziji tagħha jirrigwardjaw avvenimenti iktar minn elf sena oħra fil-futur. (2 Timotju 3:16, 17) Għalhekk nistgħu nħossuna fiduċjużi li l-ħolm tagħna m’huwiex indikazzjonijiet minn Alla dwar avvenimenti futuri imma funzjonijiet essenzjali tal-moħħ biex nibqgħu f’saħħitna mentalment. (w96 10/1)
[Stampa f’paġna 7]
Bħalma l-ħolma tal-Farawni wriet x’kien se jiġri, il-Kelma t’Alla titfaʼ dawl fuq il-futur tagħna