Il-Ħarsa tal-Bibbja
Huwa l-Ħolm Messaġġ Mingħand Alla?
JINTQAL li l-idea li ġietu l-inventur Elias Howe biex jiddisinja l-magna tal-ħjata kienet ibbażata fuq ħolma. Il-kompożitur Mozart qal li ħafna mit-temi tal-mużika tiegħu ġewlu fil-ħolm tiegħu. Il-kimiku Friedrich August Kekule von Stradonitz bl-istess mod qal li skopra l-forma tal-molekula tal-benzina f’ħolma. Dawn m’humiex l-uniċi eżempji. Matul l-istorja ħafna kulturi kienu jemmnu li l-ħolm kellu x’jaqsam mas-soprannaturali. Xi wħud jemmnu li kemm id-dinja tal-ħolm u kemm dik taʼ meta nkunu mqajmin huma t-tnejn reali.
Il-Bibbja fiha diversi rakkonti fejn il-ħolm jiġi deskritt bħala sors importanti taʼ informazzjoni—għamla taʼ komunikazzjoni divina. (Mħallfin 7:13, 14; 1 Slaten 3:5) Per eżempju, Alla kkomunika m’Abraham, Ġakobb, u Ġużeppi fil-ħolm. (Ġenesi 28:10-19; 31:10-13; 37:5-11) Is-Sultan Babiloniż Nabukodonosor irċieva ħolm profetiku mingħand Alla. (Danjel 2:1, 28-45) Allura, ifisser dan li għandna raġuni tajba biex nemmnu li saħansitra llum xi ħolm huwa messaġġ mingħand Alla?
Ħolm Mingħand Alla
Fil-Bibbja, il-ħolm ispirat minn Alla ġie mogħti minnu għal raġuni speċifika. Veru, xi kultant min joħlom ma kienx jifhem it-tifsir tal-ħolm mill-ewwel. Madankollu, f’ħafna każi Alla nnifsu “li jikxef il-misteri” pprovda l-ispjegazzjoni sabiex ma jkun hemm l-ebda dubju dwar it-tifsira tal-ħolma. (Danjel 2:28, 29; Għamos 3:7) Il-ħolm minn Alla ma kellux affarijiet taʼ taħwid li ma jagħmilx sens bħalma taʼ spiss ikollu l-ħolm normali.
Xi drabi, il-ħolm kien jintuża minn Alla biex jipproteġi mill-periklu lil individwi li kellhom irwol primarju f’li jitwettaq l-iskop tiegħu. Min kien jirċievi dan il-ħolm mhux bilfors kien ikun qaddej t’Alla. Per eżempju, l-astroloġi li kienu marru jaraw liċ-ċkejken Ġesù ma marrux lura biex jaraw lil Erodi l-qattiel bħalma kien talabhom hu. Għala? Għax irċivew twissija f’ħolma. (Mattew 2:7-12) Minħabba f’hekk, Ġużeppi, il-missier adottiv taʼ Ġesù, kellu biżżejjed żmien biex jaħrab lejn l-Eġittu mal-familja tiegħu, fi qbil mad-direzzjoni li hu wkoll kien irċieva f’ħolma. Dan salva l-ħajja taċ-ċkejken Ġesù.—Mattew 2:13-15.
Sekli qabel, fargħun Eġizzjan ħolom dwar sebaʼ sbuliet tal-qamħ b’saħħithom u sebaʼ baqriet smien u mlaħħmin u mbagħad ra sebaʼ sbuliet tal-qamħ morda u sebaʼ baqriet magħlubin. Ġużeppi, bl-għajnuna divina, fisser il-ħolm tajjeb: l-Eġittu kellu jgawdi sebaʼ snin taʼ xabaʼ u mbagħad kellu jkun hemm sebaʼ snin taʼ għaks. Billi kienu jafu dan minn qabel, l-Eġizzjani setgħu jippreparaw l-ikel u jaħżnuh. Dan serva biex iżomm id-dixxendenti t’Abraham ħajjin u jġibhom lejn l-Eġittu.—Ġenesi, kapitlu 41; 45:5-8.
Is-sultan Nabukodonosor taʼ Babilonja wkoll kellu ħolma. Din kienet tbassar il-qawma u l-waqgħa tal-qawwiet dinjin tal-futur li kien se jkollhom impatt dirett fuq il-poplu t’Alla. (Danjel 2:31-43) Iktar tard, ħolom ħolma oħra li kienet tbassar dwar li hu stess kellu jiġġennen u mbagħad ifiq. Din il-ħolma profetika kellha twettiq akbar, billi kienet immirata lejn it-twaqqif tas-Saltna t’Alla, li permezz tagħha Alla kellu jwettaq ir-rieda tiegħu.—Danjel 4:7-34 [4:10-37, NW].
Xi Ngħidu għal Żmienna?
Iva, Alla kkomunika maʼ xi nies permezz tal-ħolm. Imma l-Bibbja tindika li dan kien pjuttost rari. Il-ħolm qatt ma kien il-mod prinċipali kif Alla kien jikkomunika. Kien hemm ħafna qaddejja leali t’Alla li qatt ma rċivew messaġġi minn Alla permezz tal-ħolm. Il-fatt li Alla uża l-ħolm biex jikkomunika mal-bniedem jistaʼ jitqabbel maʼ meta feraq il-Baħar l-Aħmar. Nafu li hekk għamel darba, imma żgur li m’huwiex il-mod normali taʼ kif jaġixxi mal-poplu tiegħu.—Eżodu 14:21.
L-appostlu Pawlu għaraf li fi żmienu l-ispirtu t’Alla kien jaħdem fuq il-qaddejja tiegħu b’ħafna modi taʼ l-għaġeb. Pawlu qal: “Lil wieħed [jingħatalu] kliem l-għerf, mill-istess Spirtu; lil ieħor il-kelma tas-sapjenza mill-istess Spirtu; lil ieħor il-fidi mill-istess Spirtu; lil ieħor id-don tal-fejqan mill-istess Spirtu; lil ieħor is-setgħa tal-mirakli, lil ieħor id-don tal-profezija; lil ieħor id-don taʼ l-għażla taʼ l-ispirti, lil ieħor diversi ilsna; lil ieħor it-tifsir taʼ l-ilsna.” (1 Korintin 12:7-10 [12:8-10, NW]) Għalkemm il-ħolm ispirat b’mod divin ma jissemmiex b’mod speċifiku, milli jidher għadd taʼ Kristjani rċivew ħolm ispirat b’mod divin bħala wieħed mid-doni taʼ l-ispirtu u bħala twettiq taʼ Ġoel 3:1 [2:28, NW].—Atti 16: 9, 10.
Madankollu, dwar dawn id-doni speċjali l-appostlu qal: “Jgħibu l-profeziji, jisktu l-ilsna, jgħib l-għerf.” (1 Korintin 13:8) Skond l-evidenza, fost id-doni li kellhom “jgħibu” kien hemm it-tipi differenti taʼ komunikazzjoni divina. Wara l-mewt taʼ l-appostli, Alla ma baqax jagħti dawn id-doni speċjali lill-qaddejja tiegħu.
Illum l-esperti għadhom qed jipprovaw jifhmu l-proċess tal-ħolm u jekk għandux skop prattiku. Il-Bibbja ma titfaʼ l-ebda dawl fuq dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, il-Bibbja tipprovdi twissija lil dawk li jinsistu li jiksbu komunikazzjoni divina fil-ħolm tagħhom. F’Żakkarija 10:2 din tgħid: “Dawk li jħabbru . . . ifissru ħolm mhux minnu.” Alla jwissi wkoll kontra t-teħbir. (Dewteronomju 18:10-12) Meta jqisu dawn it-twissijiet, il-Kristjani llum ma jistennewx li jirċievu gwida divina fil-ħolm tagħhom. Minflok, huma jqisu l-ħolm sempliċement bħala xi ħaġa li jesperjenzawha matul l-irqad.