LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 1/8 pp. 23-25
  • Għandu Jkolli Credit Card?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandu Jkolli Credit Card?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Ngħoddu n-​Nefqa
  • Użu Responsabbli tal-​Credit Card
  • Tgawdi l-​Benefiċċji
  • Provvedimenti biex Jgħinuna Nitbiegħdu mid-Demm
    Il-Ministeru tas-Saltna—2004
  • Qiegħed int tuża l-kards tal-JW.ORG?
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2016
  • Kaxxa għall-Mistoqsija
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • Mitt sena taħt it-tmexxija tas-Saltna!
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 1/8 pp. 23-25

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għandu Jkolli Credit Card?

“Irċivejt l-​ewwel offerta biex ikolli l-​credit card tiegħi bil-​posta meta kelli 16-il sena. . . . Meta għalaqt it-​18-il sena, id-​dejn kien telagħli għal madwar $60,000 [Lm23,000].”—Kristin.

GĦALL-​EWWEL, Kristin ippjanat li tuża l-​credit card tagħha għal dak li jistaʼ jinqalaʼ—u forsi għal dak l-​oġġett taʼ kultant li tkun trid tixtri iżda li ma jkollhiex flus biżżejjed għalih. Imma mbagħad ma setgħetx tikkontrolla iżjed is-​sitwazzjoni. “Bdejt nixtri kull ma jiġi quddiem għajnejja u nfexxejt nordna bl-​addoċċ minn fuq il-​katalgi,” tistqarr Kristin. “Xtrajt affarijiet li lanqas biss kienu jinteressawni.” Issa Kristin għandha ħarsa differenti lejn il-​credit cards. “Ma kelli l-​ebda idea taʼ kemm kienet se tħawwadli ħajti dik il-​biċċa plastik,” tgħid hi—kif rapportat fir-​rivista Teen.

L-istorja taʼ Kristin mhix xi waħda li qatt ma smajna bħalha. Numru li dejjem jikber taʼ żgħażagħ qegħdin jagħmlu l-​wisaʼ għal periklu finanzjarju billi jużaw dik il-​biċċa plastik, il-​credit card. F’xi każi, il-​kumpaniji b’mod aggressiv jagħmlu liż-​żgħażagħ il-​mira tagħhom. X’aktarx li jafu li għal ħafna li jieħdu pjaċir jonfqu, il-​credit cards jistgħu jsiru “droga finanzjarja,” bħalma ssejħilha Jane Bryant Quinn, waħda li tagħti pariri finanzjarji. “Iktar ma tagħmel użu minnhom,” tgħid hi, “iktar isir diffiċli biex ma tibqax tużahom.”

Irridu nammettu, li jekk ikollok credit card jistaʼ jkun vantaġġuż—per eżempju, meta tqum xi emerġenza jew meta ma jkunx għaqli li żżomm il-​flus fuqek. Din hija raġuni waħda għala l-​credit cards saru daqstant popolari fl-​Istati Uniti kif ukoll f’pajjiżi oħrajn. Madankollu, jekk ma tintużax b’mod responsabbli, il-​credit card tistaʼ titfaʼ lil dak li jkun f’abbiss finanzjarju. B’hekk, rapport pubblikat fil-​Globe and Mail taʼ Toronto nnota żjieda tripla “fin-​numru taʼ wħud taʼ bejn l-​20 u t-​23 sena li huma mikulin bid-​dejn, u li marru għall-​għajnuna għand is-​Servizz taʼ Pariri fuq id-​Dejn f’Toronto.” Ir-​rapport innota li ħafna kellhom jagħtu sa $25,000 [Lm9,615], u l-​kontijiet tal-​credit cards kienu l-​kawża primarja tad-​dejn.

Għandu jkollok credit card? Din hi xi ħaġa li għandhom jiddeċiduha l-​ġenituri tiegħek. Jekk jaħsbu li għandek tistenna, ħu ftit paċenzja. Jekk turi li int ma tberbaqx il-​flus kif ġieb u laħaq, għandu mnejn li ma ddumx wisq tistenna qabel ma l-​ġenituri tiegħek jagħtuk iżjed responsabbiltajiet finanzjarji. (Qabbel Luqa 16:10.) Sadanittant, għandek tkun taf li meta tuża credit card—qisu bħal meta ssuq karozza—għandek kemm il-​benefiċċji kif ukoll ir-​riskji.

Ngħoddu n-​Nefqa

Meta tixtri bil-​credit card prattikament qisek issellift il-​flus. Bħal f’kull każ ieħor taʼ self, int għandek tħallas lura dak li ġie misluf lilek. (Proverbji 22:7) Imma kif tħallas għall-​affarijiet li tixtri bil-​credit card?

Normalment, jintbagħat rendikont bil-​miktub lejn l-​aħħar taʼ kull xahar, li juri dak li nxtara permezz tal-​card kif ukoll l-​ammont totali li għandek tagħti lura. Ir-​rendikont jindika wkoll kemm int mistenni tħallas mill-​ewwel. Normalment, dan l-​ammont ikun wieħed żgħir ħafna. Bħala riżultat, int tistaʼ tirraġuna, ‘U iva, m’huwiex daqshekk ħażin. Kulma għandi nagħmel huwa li nħallas l-​ammont dovut kull xahar u maż-​żmien naqtaʼ d-​dejn.’ Madankollu, il-​problema hi li wara perijodu fejn ma tiġi mitlub tħallas xejn żejjed, jiġi żmien fejn tibda teħel il-​flus​—​l-interessi—fuq l-​ammont li jkun baqagħlek tagħti. U r-​rati taʼ l-​imgħax fuq credit card jistgħu jkunu għoljin ftit mhux ħażin.a

Ikkunsidra lil Joseph, li l-​bilanċ tiegħu fuq rendikont minnhom kien taʼ madwar $1,000. M’għandniex xi ngħidu, Joseph kellu jħallas biss l-​ammont minimu, li kien $20. Imma meta fela sew ir-​rendikont, Joseph sab li fil-​bilanċ taʼ dak ix-​xahar kellu inklużi $17 interessi! Dan kien ifisser li saħansitra jekk Joseph kien se jħallas il-​minimu taʼ $20, kulma kien se jnaqqas minn dawk l-​$1,000 kienu biss $3!

Kemm trid żmien biex taqtaʼ kont tal-​credit card jekk tħallas biss il-​pagament minimu mitlub? Waqt li jirreferi għal eżempju immaġinarju, ktejjeb pubblikat mill-​Kummissjoni Federali għall-​Kummerċ u mill-​American Express jinnota: “Jekk ikun baqagħlek bilanċ taʼ $2,000, b’rata taʼ l-​imgħax taʼ 18.5% u pagament baxx taʼ kull xahar, jiħodlok ’il fuq minn 11-il sena biex tħallas id-​dejn. Biss biss l-​interessi jitilgħu għal iktar minn $1,934, u b’hekk tiġi li tkun ħallast kważi d-​doppju tal-​prezz oriġinali.”

Kif tistaʼ tara, jekk ma toqgħodx attent, tistaʼ tispiċċa f’ħofra finanzjarja fonda ħafna permezz tal-​credit card. “Fir-​realtà kont qed inħallas kważi d-​doppju għal kull ħaġa li nixtri,” tgħid Kristin. “Meta ma kontx inkun nistaʼ nagħmel il-​pagamenti, il-​kredituri bdew iżidu l-​ispejjeż tal-​bank għad-​dewmien. Ma kontx naf x’se naqbad nagħmel.”

Użu Responsabbli tal-​Credit Card

Kristin tgħallmet bid-​dnewwa li attitudni taʼ “ixtri issa, ħallas wara” tistaʼ tkun taʼ periklu. Tistaʼ f’ħakka t’għajn timtela tilja dejn, u qabel ma biss jgħaddilek minn moħħok, bil-​pagament minimu taʼ kull xahar tkun qed tħallas biss għal ftit iktar mill-​ispejjeż tal-​bank. Uħud li jużaw il-​credit card b’mod responsabbli kif jiskansaw milli jaqgħu f’din in-​nasba finanzjarja?

● Joqogħdu attenti x’jixtru, u bir-​reqqa jeżaminaw ir-​rendikont taʼ kull xahar biex ikunu ċerti li qed jintalbu jħallsu għal dak li jkunu xtraw biss.

● Iħallsu l-​kontijiet tagħhom minnufih, billi jirrealizzaw li jekk fil-​passat dejjem ħallsu fil-​pront, dan x’aktarx li se jgħinhom fil-​futur—forsi meta japplikaw għal xi impjieg jew assigurazzjoni jew meta jkunu jridu jixtru karozza jew xi dar.

● Jekk ikun possibbli, iħallsu l-​ammont kollu sabiex ma jħallsux interessi għoljin fuq il-​bilanċ.

● Qatt ma jagħtu n-​numru tal-​credit card u d-​data taʼ meta ma tibqax valida fuq it-​telefon, dment li ma jkunux jafu lill-​persuna jew il-​kumpanija maʼ min ikunu qegħdin jinnegozjaw.

● Ma jsellfu l-​credit card tagħhom lil ħadd, lanqas lil xi ħabib. Wara kollox, huwa r-​rekord taʼ sid il-​credit card li jiġi effettwat jekk il-​card tintuża ħażin.

● Jevitaw li jużaw il-​credit card tagħhom bħala mezz biex ikollhom il-​flus f’idejhom, qisha xi card tal-​bank. Ftakar, meta tiġbed il-​flus normalment teħel rata taʼ l-​imgħax ogħla minn meta tixtri.

● Ma jaqbdux u jimlew kull applikazzjoni għall-​credit card li jirċievu, u jibagħtuha. Għal ħafna żgħażagħ, credit card waħda hi biżżejjed.

● Jużaw il-​credit card tagħhom bil-​għaqal, għax jirrealizzaw li meta jagħmlu xirja biha, huma xorta għadhom qed jonfqu flus taʼ veru, avolja m’humiex qed jużaw muniti jew karti tal-​flus.

Tgawdi l-​Benefiċċji

Sew jekk għandek credit card issa u sew jekk qed taħseb biex ikollok waħda fil-​futur qarib, sir af sew kemm il-​benefiċċji u kemm ir-​riskji. Staqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet li ġejjin: Għala nħoss li għandi bżonn taʼ credit card? Huwa sempliċement biex nakkwista affarijiet materjali, biex ikolli l-​affarijiet li jkunu taʼ l-​aħħar moda, biex nimpressjona lil sħabi? Forsi għandi bżonn nitgħallem biex inkun iktar hieni bl-​affarijiet bażiċi, b’dak li l-​appostlu Pawlu sejjaħ ‘ikel u lbies’? (1 Timotju 6:8) Se jwassluni d-​djun li ġġib il-​credit card għal piżijiet finanzjarji tant tqal li nispiċċa biex ma nibqax nimmira għall-​affarijiet iktar importanti fil-​ħajja?​—Mattew 6:​33; Filippin 1:​8-​11.

Aħseb fuq dawn il-​mistoqsijiet, u ddiskutihom mal-​ġenituri tiegħek. Jekk tagħmel dan, imbagħad kemm jekk ikollok credit card u kemm jekk le, se tevita l-​uġigħ taʼ qalb finanzjarju li ħafna ġabu fuqhom infushom b’idejhom stess.​—Proverbji 22:3.

[Noti taʼ taħt]

a Int tistaʼ ssir taf kemm titlob interessi kumpanija partikulari tal-​credit cards billi tara r-​rata tal-​persentaġġ annwali (annual percentage rate [APR]) li jkun hemm fuq l-​applikazzjoni jew fuq ir-​rendikont taʼ kull xahar.

[Kaxxa f’paġna 25]

Il-​Valur tal-​Kunsens tal-​Ġenituri

Ħafna żgħażagħ jingħataw l-​ewwel ċans li jkollhom il-​credit card tagħhom meta jirċievu applikazzjoni bil-​posta. Fil-​fatt, maż-​żmien, xi wħud jirċievu diversi applikazzjonijiet. “Hemm kompetizzjoni kbira fost il-​kumpaniji li joffru l-​credit cards biex ipoġġuhom f’idejn iż-​żgħażagħ,” tispjega Jane Bryant Quinn, “għaliex bħalma juru xi studji li saru, aħna normalment inżommu l-​card li nkunu bdejna biha.”

Normalment wieħed mill-​ġenituri jew adult ieħor, li tistaʼ torbot fuq il-​passat taʼ kreditu tiegħu, ikollu jiffirma sabiex min joħroġ il-​card ikollu xi tip t’assiguranza li dak li jinxtara jkun jistaʼ jitħallas. B’dispjaċir, xi żgħażagħ jirrikorru għal qerq biex jaqbżu dan il-​pass. Waħda tfajla poġġiet isem nannitha bħala l-​applikant primarju u isimha bħala l-​applikant bi sħab mingħajr ma nannitha kienet taf. Immaġina x’sorpriża kerha ħadet nannitha meta saret taf li hija kellha tagħti għaxriet t’eluf taʼ ­dollari!

Il-​falsifikazzjoni tal-​firem tal-​ġenituri jew t’adulti oħrajn fuq l-​applikazzjoni taʼ credit card hija diżonestà, u d-​diżonestà hija kundannata minn Alla. (Proverbji 11:1; Lhud 13:18) Mela jekk trid li jkollok credit card, tkellem mal-​ġenituri tiegħek dwarha. Li jkollok il-​kunsens tal-​ġenituri huwa ħafna aħjar għalik hekk kif jgħaddi ż-​żmien. Ftakar, il-​ġenituri tiegħek x’aktarx li għandhom esperjenza f’li jħallsu d-​dejn, u b’hekk huma jistgħu jiggwidawk. Mela tkellem magħhom, u qatt tirrikorri għad-​diżonestà biex tikseb credit card.

[Stampa f’paġna 24]

Użu bla għaqal tal-​credit card jistaʼ jwassal għal diżastru finanzjarju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja