Ħarsa Lejn id-Dinja
Kumpanija tat-Tabakk Tammetti li t-Tipjip Jikkaġuna l-Kanċer
Wara għaxriet taʼ snin taʼ tilwim rigward l-iskoperti taʼ diversi awtoritajiet mediċi, il-kumpanija Philip Morris, l-iktar kumpanija li tipproduċi sigaretti fl-Istati Uniti, issa tammetti li t-tipjip jikkaġuna l-kanċer fil-pulmun u mard qerriedi ieħor. Stqarrija li ħarġet il-kumpanija tgħid: “Jeżisti qbil mediku u xjentifiku kbir ħafna li t-tipjip tas-sigaretti jikkaġuna l-kanċer fil-pulmun, mard tal-qalb, enfisema u mard serju ieħor lin-nies li jpejpu.” The New York Times tinnota li qabel, il-kumpanija kienet issostni li t-tipjip kien biss iżid ir-riskju jew kien biss wieħed mill-ħafna fatturi li kienu jaħtu għal mard bħall-kanċer fil-pulmun, u mhux li t-tipjip innifsu kien jikkaġuna l-mard. Madankollu, minkejja din l-istqarrija, il-kumpanija tgħid: “Aħna kburin ħafna bil-marka tagħna tas-sigaretti u bil-kampanji taʼ reklami li kellna matul is-snin.”
Il-Vizzju tal-Logħob taʼ l-Ażżard fl-Awstralja
“Il-logħob taʼ l-ażżard issa sar problema serja taʼ saħħa fl-Awstralja, billi jeffettwa mill-inqas 330,000 ruħ li ma jistgħux jaqtgħu l-logħob taʼ l-ażżard,” tirrapporta The Australian. Skond il-gazzetta, minn kull 5 magni elettroniċi tal-logħob taʼ l-ażżard li hawn fid-dinja, iktar minn waħda minnhom tinsab fl-Awstralja, fejn 82 fil-mija tal-popolazzjoni adulta jilagħbuhom. Kummissjoni li investigat l-industrija tal-logħob taʼ l-ażżard fl-Awstralja sabet li 2.3 fil-mija taʼ l-Awstraljani adulti għandhom problema serja bil-logħob taʼ l-ażżard. Minn dawn, 37 fil-mija ħasbu fis-suwiċidju, iktar minn 11 fil-mija pprovaw jikkommettu suwiċidju, u 90 fil-mija qalu li kienu dipressi bl-ikrah bħala riżultat tal-logħob taʼ l-ażżard. Il-kummissjoni talbet biex jiġu eżaminati bir-reqqa l-intrapriżi tal-logħob taʼ l-ażżard u ssuġġeriet li jitwaħħlu tabelli taʼ twissija fis-swali tal-logħob taʼ l-ażżard.
Sewwieqa bin-Ngħas Kontra Sewwieqa fis-Sakra
“Li wieħed ma jorqodx biżżejjed jistaʼ jkollu l-istess riżultati daqslikieku wieħed jixrob iżżejjed,” tgħid The New York Times. Studju li sar mill-Università taʼ Stanford eżamina r-reazzjoni tal-ġisem taʼ 113-il persuna li jbatu mill-qtugħ taʼ nifs fl-irqad—xi ħaġa li ttellef l-irqad bil-lejl u tikkaġuna n-ngħas matul il-ġurnata. Imbagħad dawn in-nies ġew imqabblin maʼ grupp taʼ 80 volontier li ma jbatux minn din il-ħaġa. Wara li nstabet ir-reazzjoni normali tal-ġisem tal-volontieri, dawn bdew jixorbu xorb taʼ 40 fil-mija alkoħol. Ir-rapport li deher fit-Times wera li r-reazzjoni tal-ġisem taż-żewġ gruppi ġiet ittestjata sebaʼ darbiet. Fi tliet darbiet minnhom, dawk li kienu jbatu mill-qtugħ taʼ nifs fl-irqad marru agħar mill-volontieri. Dan minkejja l-fatt li l-livell taʼ l-alkoħol fid-demm tal-volontieri kien taʼ 0.08 fil-mija, jiġifieri tant kienu fis-sakra li żgur li ma kinux jitħallew isuqu f’16-il stat. Skond Dr. Nelson B. Powell, il-wieħed li mexxa r-riċerka, ir-riżultati taʼ l-istudju jenfasizzaw kemm huwa perikoluż li wieħed isuq meta jkun bin-ngħas.
Kif Tiġġieled l-Istress
Tħossok taħt stress? Kif ġie rapportat fl-El Universal, l-Istitut Messikan tas-Sigurtà Soċjali jissuġġerixxi dawn il-pariri biex wieħed jiġġieled kontra t-tensjoni. Orqod skond kemm jgħidlek ġismek—bejn sitta u għaxar sigħat kuljum. Ħu kolazzjon komplet u bilanċjat, ikla taʼ daqs normali f’nofsinhar, u xi ħaġa ħafifa fil-għaxija. Ukoll, l-esperti jagħtu l-parir li tnaqqas l-ikel li jkun fih ħafna xaħam, tnaqqas l-ammont taʼ melħ li tuża, u wara l-40 sena, tieħu inqas ħalib u zokkor. Ipprova sib ftit ħin biex toqgħod timmedita fil-kwiet. L-istress jistaʼ jitnaqqas ukoll billi tqattaʼ ċertu ħin f’ambjent imdawwar bin-natura.
“L-Iktar Infezzjoni Komuni li Tinġarr fid-Demm”
“Mill-inqas 2.7 miljuni Amerikani jġorru l-virus taʼ l-epatite Ċ, u fl-Istati Uniti din saret l-iktar infezzjoni komuni li tinġarr fid-demm,” jgħid rapport minn Associated Press. L-epatite Ċ tittieħed l-iktar permezz taʼ kuntatt sesswali jew minn demm infettat. Dawk li għandhom l-akbar riskju li jlaqqtu din il-marda huma n-nies li jużaw il-labar taʼ xulxin biex jieħdu d-droga u dawk li jkollhom relazzjonijiet sesswali mingħajr ma jieħdu prekawzjonijiet. L-infezzjoni tistaʼ madankollu tinfirex ukoll permezz taʼ apparat u labar mhux imnaddfa sew li jintużaw għat-tpinġija jew biex jiġi kkurat ċertu mard. Nies li ngħataw trasfużjonijiet tad-demm jinsabu wkoll fil-periklu. Kull sena, madwar 1,000 ruħ fl-Istati Uniti jsirulhom trapjanti tal-fwied peress li l-fwied tagħhom jieqaf jiffunzjona minħabba dan il-virus.
Tfal Effettwati mid-Duħħan tas-Sigaretti
“Kważi nofs it-tfal tad-dinja kollha jgħixu maʼ xi ħadd li jpejjep,” tgħid il-University of California Berkeley Wellness Letter, fil-kummenti li saru dwar rapport mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa. “Dan ifisser iktar minn 700 miljun tifel u tifla.” Meta wieħed iqis li l-għadd t’adulti li jpejpu huwa mistenni li jiżdied għal 1.6 elf miljun matul l-għoxrin sena li ġejjin, se jkun hemm iktar tfal li se jiġu effettwati mid-duħħan taʼ oħrajn. Dawn it-tfal se jkollhom iktar riskju li jiżviluppaw problemi taʼ saħħa bħal infezzjonijiet fil-widnejn u problemi tan-nifs.
Titkejjel il-Fama mill-Kotba
‘Li kieku l-fama kellha titkejjel minn kemm kotba jinkitbu dwar dak li jkun, . . . Ġesù Kristu jibqaʼ l-iktar figura famuża fid-dinja moderna,’ tgħid il-gazzetta Ingliża The Guardian. Riċerka li saret fil-Librerija tal-Kungress, f’Washington, D.C., uriet li hemm 17,239 ktieb dwar Ġesù. Dan kien kważi d-doppju tal-kotba li nkitbu dwar William Shakespeare, li nstab fit-tieni post b’9,801 ktieb. Vladimir Lenin ġie fit-tielet post b’4,492 ktieb, segwit minn Abraham Lincoln, li kellu 4,378 ktieb miktubin dwaru u Napuljun l-Ewwel, b’4,007 kotba. Marija, omm Ġesù, ġiet is-sebaʼ post, bi 3,595 ktieb, u kienet l-unika mara mill-ewwel 30. Ġovanna d’Arco, il-mara li ġiet warajha, kellha 545 ktieb miktubin dwarha. Rigward il-kompożituri, Richard Wagner ġie fl-ewwel post, segwit minn Mozart, Beethoven, u Bach. Mill-pitturi kollha, Picasso ġie l-ewwel, qabel Leonardo da Vinci u Michelangelo. Madankollu, Leonardo ġie l-ewwel mix-xjenzati u l-inventuri kollha, jiġifieri għadda lil Charles Darwin, Albert Einstein, u Galileo Galilei. “Ma baqaʼ l-ebda persuna ħajja mill-ewwel 30,” tgħid The Guardian.
Wisq Mumji?
Fl-Eġittu għandhom problema li mkien ma ssib bħalha—wisq antikitajiet. Taʼ spiss jitħabbru skoperti ġodda. Hemm ħafna x’wieħed isemmi, imma xi wħud minnhom huma l-qabar imżejjen sabiħ misjub f’Saqqâra tal-mara li rabbiet lil Tutankhamen, ħajt taʼ piramida f’Dahshûr, il-bini taʼ tempju f’Akhmīm, kumpless kbir t’oqbra taħt l-art b’iktar minn 200 kamra f’Luxor, u skulturi u oġġetti maħdumin bl-idejn li nstabu f’portijiet u palazzi mgħarrqa lil hinn minn Alessandria. Fil-Mużew Eġizzjan li hemm fil-Kajr diġà hemm esibiti iktar minn 120,000 oġġett antik u ħafna iktar minn hekk huma merfugħin fi mħażen. “Kull ġimgħa joħorġu skoperti ġodda u interessanti, u dan qed joħloq iktar pressjoni fuq l-imħażen imborġati, kif ukoll fuq il-ħin u l-finanzi taʼ dawk li janalizzaw, jiddokumentaw u jirrestawraw dawn l-oġġetti,” jistqarr The Economist. Meta nstab ċimiterju fid-deżert li għandu mnejn fih maʼ l-10,000 qabar, wieħed arkeologu qal: “L-aħħar ħaġa li rridu naraw b’għajnejna huma iktar mumji.” Se jiġu esibiti biss ftit mill-oqbra li jispikkaw. Il-bqija se jerġgħu jintradmu.
Daqshekk Ġenna taʼ l-Art?
F’laqgħa speċjali taʼ l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, 43 grupp taʼ gżejjer żgħar urew it-tħassib tagħhom minħabba l-ħsara li qegħda ssir lill-ambjent, tirrapporta l-gazzetta Franċiża Le Monde. Ħafna minn dawn il-gżejjer li qishom ġenna taʼ l-art qed ikollhom iktar uragani, ċikluni, għargħar, u nuqqas taʼ ilma. Skond stqarrija tal-Ġnus Magħquda, l-Uragan Mitch huwa stmat li kkaġuna l-mewt taʼ 11,000 ruħ fil-Karibew. Kemm il-gżejjer tas-Seychelles kif ukoll dik taʼ Mawrizju ġarrbu nixfa kbira diversi drabi f’dawn l-aħħar sentejn. It-temperaturi għoljin u t-tniġġis qed jeqirdu s-sikek tal-qroll, u b’hekk inaqqsu l-varjetà t’annimali u pjanti. In-nies li jgħixu fuq dawn il-gżejjer qed jibżgħu wkoll mill-fatt li l-livell tal-baħar qed jogħla b’riżultat tas-sħana globali. Huwa stmat li 80 fil-mija tal-gżejjer tal-qroll li hemm fil-Maldivi jistgħu jgħibu għal kollox taħt l-oċean.