Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Jistaʼ Wieħed Jaħrab Għalkollox mir-Responsabbiltà Tiegħu Bħala Missier?
“Meta qaltli, ‘Se jkolli tarbija minn tiegħek,’ ħadt qatgħa. Min kien se jieħu ħsieb it-tarbija? Jien ma kontx f’qagħda li nieħu ħsieb familja. Ħassejtni rrid naħrab.”—Jim.a
RAPPORT mill-Istitut Alan Guttmacher jgħid, “Kull sena kważi miljun mara adolexxenti . . . toħroġ tqila.” Sa “78% taʼ trabi li jitwieldu lill-adolexxenti, jitwieldu barra ż-żwieġ.”
Dari, raġel li jkun sar missier kien iħossu fid-dmir li jerfaʼ r-responsabbiltà tat-tarbija tiegħu. Imma bħalma jgħid il-ktieb Teenage Fathers, “it-tqala barra ż-żwieġ m’għadhiex xi ħaġa taʼ mistħija u umiljazzjoni bħalma kienet qabel.” F’ċerti komunitajiet, fost iż-żgħażagħ il-fatt li wieħed isir missier jistaʼ jitqies bħala xi ħaġa taʼ prestiġju! Xorta waħda, ftit huma dawk il-ġuvintur li jinvolvu ruħhom fit-tul mat-tfal li jkollhom. Fl-aħħar mill-aħħar, ħafna jitilqu—jew jaħarbu—’l hemm.b
Imma jistaʼ ġuvni jaħrab għalkollox mill-konsegwenzi taʼ kondotta immorali? Mhux skond ma tgħid il-Bibbja. Din twissi: “Titqarrqux; Alla ma jidħak bih ħadd. Dak li bniedem jiżraʼ, dak huwa jaħsad.” (Galatin 6:7) Kif se naraw, kemm il-ġuvintur u kemm it-tfajliet taʼ spiss ikollhom ibatu l-konsegwenzi taʼ l-immoralità sesswali għal għomorhom kollu. Iż-żgħażagħ jistgħu jevitaw dawn il-konsegwenzi billi jagħtu widen għall-parir ċar u tond tal-Bibbja li jevitaw l-immoralità sesswali.
Li Titlaq ’l Hemm—Mhux Faċli Kemm Taħseb
Biex wieħed jieħu ħsieb tifel irid jissagrifika ħafna ħin, flus, u l-libertà li jkollu. Il-ktieb Young Unwed Fathers jinnota: “Xi ġuvintur m’humiex interessati f’li ‘jieħdu ħsieb ħaddieħor,’ meta dan ikun ifisser li jridu jgħaddu b’inqas.” Madankollu, ħafna jkollhom iħallsu qares għall-egoiżmu tagħhom. Per eżempju, f’ħafna pajjiżi, il-qrati u min jagħmel il-liġijiet ma tantx jarawhom f’dawl tajjeb lill-irġiel li jonqsu li jmantnu lil uliedhom. Meta jiġi stabbilit legalment li wieħed ikun missier taʼ tarbija, il-missier żagħżugħ forsi jkollu jibqaʼ joħroġ il-flus għas-snin taʼ wara—u bir-raġun. Ħafna żgħażagħ ikollhom jitilqu mill-iskola jew isibu xogħol b’paga baxxa biex ilaħħqu maʼ dawn l-obbligi. Il-ktieb School-Age Pregnancy and Parenthood jgħid: “Iktar ma ġuvni jsir missier t’età żgħira, inqas se jikseb edukazzjoni formali.” U jekk dak li jkun jonqos li jħallas il-manteniment, jistaʼ jitlagħlu dejn kbir.
M’għandniex xi ngħidu, mhux il-ġuvintur kollha ma jħossux għal uliedhom. Ħafna jibdew b’intenzjonijiet tajbin. Skond stħarriġ wieħed, 75 fil-mija tal-missirijiet adolexxenti kienu jżuru lit-tarbija tagħhom fl-isptar. Xorta waħda, il-biċċa l-kbira tal-missirijiet malajr jibdew jaqtgħu qalbhom mir-responsabbiltajiet biex jieħdu ħsieb tarbija.
Ħafna jsibu li sempliċement ma jkollhomx l-abbiltà jew l-esperjenza biex isibu l-impjieg xieraq. Billi jħossuhom jistħu minħabba li ma jkunux kapaċi jipprovdu l-manteniment finanzjarju, maż-żmien jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom. Madankollu, ġuvni jistaʼ jibqaʼ jħossu dispjaċut bil-kbir għal bosta snin wara. Missier żagħżugħ jammetti: “Xi kultant nitħasseb dwar x’setaʼ sar minn ibni. . . . Ma jien ferħan xejn bija nnifsi talli ħallejtu, imma issa tliftu. Forsi xi darba għad isibni hu.”
Il-Ħsara li Ssir lit-Tfal
Il-missirijiet li jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom għandu mnejn ikollhom ikampaw maʼ sentimenti qawwija taʼ ħtija—il-ħtija taʼ li jkunu għamlu ħsara lil uliedhom stess. Wara kollox, bħalma tindika l-Bibbja, tifel għandu bżonn kemm lil ommu u kemm lil missieru. (Eżodu 20:12; Proverbji 1:8, 9) Meta raġel jabbanduna lil ibnu, x’aktarx li jistaʼ jġiegħel lit-tifel iħabbat wiċċu maʼ diversi problemi. Skond rapport mid-Dipartiment tas-Servizzi Umani u tas-Saħħa taʼ l-Istati Uniti, tfal żgħar f’familji bl-omm biss ġeneralment iġibu marki baxxi fl-eżamijiet li għandhom x’jaqsmu mal-grammatika u mal-matematika. Tfal taʼ bejn is-sebaʼ u l-għaxar snin, li jitrabbew minn ġenitur wieħed ġeneralment iġibu marki baxxi, ikollhom iktar problemi fl-imġiba tagħhom, u jkollhom rata akbar taʼ problemi kroniċi taʼ saħħa u psikjatriċi. Ir-rapport ikompli jgħid li l-adolexxenti u l-adulti żgħażagħ, li jkunu trabbew f’familja bl-omm biss, x’aktarx jiżdidilhom ir-riskju li jkollhom it-tfal fl-adolexxenza tagħhom, joħorġu mill-iskola qabel iż-żmien, jeħlu l-ħabs, u la jkollhom xogħol u lanqas imorru l-iskola.
Ir-rivista Atlantic Monthly tikkonkludi li issa hemm iktar evidenza soċjali u xjentifika li turi li t-tfal f’familji milqutin mid-divorzju u minn twelid barra ż-żwieġ, f’diversi aspetti jmorru agħar minn tfal li jitrabbew f’familja magħquda. Din tkompli tgħid li t-tfal li jitrabbew f’familji b’ġenitur wieħed għandhom sitt darbiet iktar ċans li jkunu fqar, u x’aktarx jibqgħu fqar.
Tinsiex li dawn ir-riskji huma bbażati fuq studji taʼ statistiċi minn xi gruppi u mhux bilfors li jkunu japplikaw għal kull individwu. Ħafna tfal isiru adulti mill-aħjar u bilanċjati minkejja l-iżvantaġġi li kellhom fit-trobbija tagħhom fil-familja. Xorta waħda, żagħżugħ jistaʼ jibqaʼ jħossu mifni bil-ħtija talli jkun abbanduna lit-tifel tiegħu. “Nibżaʼ li tassew [ħassartlu] ħajtu għal dejjem,” jgħid missier mhux miżżewweġ.—Teenage Fathers.
L-Isfida biex Tipprovdi l-Manteniment
Mhux il-missirijiet żgħar kollha jipprovaw jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom. Xi ġuvintur, bix-xieraq, iħossu obbligu morali lejn uliedhom u b’mod ġenwin ikunu jridu jagħtu daqqa t’id fit-trobbija tagħhom. Iżda, taʼ spiss dan ma jkunx faċli daqskemm jaħsbu huma. L-ewwelnett, missier mhux miżżewweġ ma tantx ikollu drittijiet legali. Għalhekk it-tfajla u l-ġenituri tagħha jkunu jistgħu jikkontrollaw huma l-ammont taʼ ħin, żgħir jew kbir, li hu jkun jistaʼ jqattaʼ maʼ ibnu. Jim, li kkwotajnieh fil-bidu, qal li biex ikollu xi sehem fid-deċiżjonijiet dwar ibnu, il-ħin kollu jrid jara kif se jimmanuvra l-affarijiet. Għalhekk, għandu mnejn li jittieħdu xi deċiżjonijiet li l-missier assolutament ma jaqbilx magħhom, bħall-adozzjoni jew saħansitra l-abort.c Missier żagħżugħ ilmenta hekk: “Diffiċli għalija li nħallihom jagħtuh lil xi ħadd barrani, imma ma naħsibx li għandi għażla oħra.”
Xi ġuvintur joffru li jiżżewġu lil omm it-tarbija tagħhom.d Veru li ż-żwieġ kieku jeħles lit-tfajla minn ftit tal-mistħija, u t-tarbija jkollha ċ-ċans li titrabba minn żewġ ġenituri. Jistaʼ jkun ukoll li minkejja l-imġiba ħażina tagħhom, il-ġuvni u t-tfajla veru jkunu jinħabbu. Madankollu, il-fatt li ġuvni jkun laħaq l-età li jkollu t-tfal ma jfissirx li huwa matur biżżejjed mentalment u emozzjonalment sabiex ikun raġel miżżewweġ u missier. Lanqas ma jfisser li jkun kapaċi jmantni finanzjarjament lill-mara u lit-tarbija tiegħu. L-istudji li saru juru li ż-żwiġijiet li jsiru minħabba t-tqala ġeneralment ikunu għomorhom qasir. Allura mhix soluzzjoni għaqlija li tfittex tiżżewweġ.
Ħafna ġuvintur joffru li jmantnu lil uliedhom finanzjarjament. Bħalma semmejna qabel, missier żagħżugħ irid veru jkollu determinazzjoni qawwija biex ikompli jipprovdi dan il-manteniment fit-tul—forsi għal 18-il sena jew iktar! Imma jekk regolarment jgħin lill-omm u lit-tarbija finanzjarjament ikun jistaʼ jiskansahom minn ħajja taʼ faqar.
U xi ngħidu jekk ikun irid jieħu sehem fit-trobbija taʼ ibnu? Din ukoll tistaʼ tkun sfida diffiċli. Xi kultant il-ġenituri tal-koppja jibżgħu li dawn jistgħu jerġgħu jinvolvu ruħhom sesswalment, u għalhekk jipprovaw jiskuraġġuhom—jew jipprojbulhom—li jaraw lil xulxin. It-tfajla nfisha tistaʼ tiddeċiedi li ma tkunx trid lil binha jorbot qalbu maʼ raġel li ma jkunx żewġha. Jekk għall-inqas il-missier jingħata l-permess li jara lil ibnu regolarment, il-familji tat-tnejn jagħmlu tajjeb li jaraw li meta jmur iżur lil ibnu, hu u omm it-tifel ma jitħallewx waħedhom sabiex ma jerġgħux jaqgħu f’imġiba ħażina.
Billi jkunu jixtiequ jkunu qrib taʼ wliedhom, xi missirijiet mhux miżżewġin tgħallmu kif iwettqu xi xogħlijiet bażiċi bħala ġenituri. Per eżempju tgħallmu kif jaħslu, jitimgħu, jew jaqraw xi storja lit-tfal tagħhom. Żagħżugħ li jkun kiseb apprezzament għal-livelli Bibliċi jistaʼ saħansitra jipprova jgħallem lil ibnu ftit mill-prinċipji tal-Kelma t’Alla. (Efesin 6:4) Imma għalkemm għal tifel ftit attenzjoni bl-imħabba mill-missier bla dubju hija aħjar minn xejn, żgur li m’hijiex l-istess bħal meta tifel ikollu missier li jkun miegħu kuljum. U jekk xi darba omm it-tarbija tiżżewweġ, il-missier żagħżugħ għandu mnejn ikollu jaċċetta bilfors il-fatt li raġel ieħor jiħodlu postu u jrabbilu lil ibnu.
Mela, jidher ċar illi wieħed isir missier barra ż-żwieġ iġib ħafna problemi, kemm għall-ġenituri u kemm għat-tfal. Minbarra l-inkwiet f’affarijiet prattiċi, hemm il-periklu li wieħed jitlef il-favur t’Alla Jehovah, li jikkundanna s-sess illeċitu. (1 Tessalonikin 4:3) Forsi tistaʼ tagħmel ħiltek kollha f’sitwazzjoni kerha bħalma hi t-tqala fl-adolexxenza. Però trid iddaħħalha f’moħħok li l-aħjar ħaġa hi li mill-bidu tevita li tinvolvi ruħek f’imġiba ħażina. Missier żagħżugħ jammetti: “Ladarba tkun sirt missier barra ż-żwieġ, ħajtek ma tibqax l-istess.” Tabilħaqq, missier żagħżugħ jistaʼ jkollu jgħix bil-konsegwenzi taʼ l-iżball tiegħu għal għomru kollu. (Galatin 6:8) Għal darb’oħra l-parir tal-Bibbja wera li hu għaqli meta jgħid: “Aħarbu ż-żína!”—1 Korintin 6:18.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Se Nsir Raġel Jekk Inkun Missier?” fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Mejju, 2000. Għal diskussjoni dwar x’effetti tħalli t-tqala fuq tfajliet mhux miżżewġin, ara l-artiklu “Young People Ask . . . Unwed Motherhood—Could It Happen to Me?” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Lulju, 1985.
c Ara l-artiklu “Young People Ask . . . Abortion—Is It the Answer?” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Marzu, 1995.
d Skond il-liġi Mosajka, raġel li jkun isseduċa verġni kellu jiżżewwiġha. (Dewteronomju 22:28, 29) Madankollu, dawn ma kinux jiżżewġu bilfors, għax missier it-tfajla setaʼ ma jħallihomx. (Eżodu 22:15, 16 [22:16, 17, NW]) Għalkemm illum il-Kristjani m’humiex taħt dik il-Liġi, dan jenfasizza kemm id-dnub taʼ sess qabel iż-żwieġ huwa serju.—Ara l-“Mistoqsijiet mill-Qarrejja” fil-ħarġa taʼ The Watchtower, tal-15 taʼ Novembru, 1989.
[Stampa f’paġna 23]
L-aħjar hu li mill-bidu tevita kondotta immorali