LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 5/8 pp. 13-15
  • Se Nsir Raġel Jekk Inkun Missier?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Se Nsir Raġel Jekk Inkun Missier?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kaġun taʼ Din l-​Epidemija
  • Il-​Ħarsa t’Alla
  • “Kunu Rġiel”
  • Jistaʼ Wieħed Jaħrab Għalkollox mir-Responsabbiltà Tiegħu Bħala Missier?
    Stenbaħ!—2000
  • X’Fih Ħażin is-Sess Qabel iż-Żwieġ?
    Stenbaħ!—2004
  • Kif Nistaʼ Ma Nċedix Biex Nagħmel is-​Sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Nistaʼ Nevita s-Sess Qabel iż-Żwieġ?
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 5/8 pp. 13-15

Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Se Nsir Raġel Jekk Inkun Missier?

“Naf lil xi ftit [ġuvintur] li jgħidu, ‘Għandi tifla li toqgħod hawn u tifel li joqgħod hemm,’ u l-​mod kif jgħiduha, qishom lanqas jimpurtahom xejn.”—Harold.

KULL sena, kważi miljun tfajla adolexxenti fl-​Istati Uniti jinqabdu tqal. Il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​ommijiet li jwelldu dawn it-​trabi ma jkunux miżżewġin. Minn dawn l-​ommijiet adolexxenti, waħda minn kull 4 tispiċċa jkollha tarbija oħra fis-​sentejn taʼ wara. Ir-​rivista Atlantic Monthly tgħid: “Jekk inkomplu sejrin hekk, inqas min-​nofs it-​tfal li jitwieldu llum se jkunu jgħixu m’ommhom u missierhom matul tfulithom kollha. Il-​biċċa l-​kbira tat-​tfal Amerikani se jqattgħu ħafna snin ġo familja bl-​omm biss.”

Fl-Istati Uniti r-​rata tat-​tqala fost l-​adolexxenti hija ferm ogħla minn dik taʼ pajjiżi żviluppati oħrajn. Madankollu, il-​problema taʼ trabi mweldin barra miż-​żwieġ hija waħda globali. F’ċerti pajjiżi Ewropej, bħall-​Ingilterra u Franza, ir-​rati taʼ trabi mweldin hekk jistgħu jitqabblu maʼ dawk taʼ l-​Istati Uniti. F’xi pajjiżi Afrikani jew fl-​Amerka t’Isfel, ir-​rata tat-​twelid fost tfajliet adolexxenti hija kważi d-​doppju taʼ dik fl-​Istati Uniti. X’qed jinkuraġġixxi din l-​epidemija?

Il-​Kaġun taʼ Din l-​Epidemija

Din is-​sitwazzjoni tirrifletti ħafna l-​fatt li l-​morali qed jitbaxxew f’dan iż-​“żmien iebes” li ngħixu fih. (2 Timotju 3:​1-5) Fi snin reċenti r-​rati tad-​divorzju telgħu m’ogħla s-​sema. Stili taʼ ħajja omosesswali u modi differenti oħrajn saru normali. Il-​mezzi tax-​xandir ipprovaw jinfluwenzaw liż-​żgħażagħ, b’mużika u vidjos tad-​diski li jqanqlu sesswalment, artikli fir-​rivisti u reklami li jġibulek għajnejk wara widnejk, u programmi televiżivi u films li jigglorifikaw is-​sess bla rażan. Tant hu faċli li tinkiseb għajnuna biex isir abort u li jinkisbu kontraċettivi, illi ħafna żgħażagħ saru jemmnu li s-​sess ma jġib l-​ebda konsegwenzi. Missier mhux miżżewweġ qal: “Irrid is-​sess mingħajr ir-​responsabbiltà.” Ieħor qal li s-​sess huwa sempliċement logħba.

Attitudnijiet bħal dawn jistgħu jkunu l-​iktar popolari fost żgħażagħ foqra. Elijah Anderson, riċerkatur, għamel intervisti dettaljati maʼ żgħażagħ li jgħixu fiċ-​ċentru tal-​bliet u osserva li għal ħafna ġuvintur, is-​sess huwa importanti għax juri l-​pożizzjoni tagħhom fis-​soċjetà taʼ madwarhom, bħallikieku kull konkwista sesswali hi xi kapulavur. Fil-​fatt, wieħed missier mhux miżżewweġ qal lil Stenbaħ! li ħafna jqisu dawn il-​konkwisti sesswali bħala trofej għal fuq l-​ixkaffa. Għala għandhom din l-​attitudni daqshekk indifferenti? Anderson jispjega li f’ħafna każi l-​iktar nies importanti fil-​ħajja taʼ żagħżugħ miċ-​ċentru tal-​bliet “huma membri tal-​grupp li jagħmilha magħhom. Huma jpoġġu l-​livelli għall-​imġiba tiegħu, u hu importanti għalih li jgħix skond dawk il-​livelli.”

Anderson b’hekk josserva li għal ħafna ġuvintur, il-​konkwisti sesswali m’humiex ħlief logħba, li l-​iskop taʼ din hu li tidħaq bil-​persuna l-​oħra, speċjalment bit-​tfajla. Hu jkompli jgħid li “l-​logħba tikkonsisti fil-​mod kif jippreżenta ruħu l-​ġuvni, inkluż ħwejġu, il-​maxta tax-​xagħar, id-​dehra tiegħu, kliemu, u kemm jaf jiżfen.” Ħafna ġuvintur huma bravi biex jirbħu din il-​“logħba.” Imma Anderson jinnota: “Meta tfajla toħroġ tqila, il-​ġuvni x’aktarx li jitlaqha.”—Young Unwed Fathers—Changing Roles and Emerging Policies, imħejji minn Robert Lerman u Theodora Ooms.

Il-​Ħarsa t’Alla

Imma veru li jekk wieħed isir missier isir raġel? Is-​sess huwa biss logħba? Il-​Ħallieq tagħna, Alla Jehovah, ma jaħsibhiex hekk. Fil-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, Alla jgħid ċar li s-​sess għandu skop nobbli. Wara li tirrakkonta dwar il-​ħolqien taʼ l-​ewwel raġel u mara, il-​Bibbja tgħid hekk: “Berikhom Alla u qalilhom: ‘Nisslu u oktru, u imlew l-​art.’” (Ġenesi 1:​27, 28) Qatt ma kienet l-​intenzjoni t’Alla li l-​missirijiet jabbandunaw lil uliedhom. Hu għaqqad lill-​ewwel raġel u mara fir-​rabta dejjiema taż-​żwieġ. (Ġenesi 2:24) Għalhekk, hu ried li kull tifel u tifla jkollhom kemm omm u kemm missier.

Iżda, ma tantx għadda żmien qabel ma l-​irġiel bdew ikollhom iktar minn mara waħda. (Ġenesi 4:19) Ġenesi 6:2 jgħidilna li anki xi ħlejjaq anġeliċi “raw . . . li l-​bniet tal-​bnedmin kienu ħelwin.” Wara li ħadu iġsma taʼ bnedmin, dawn l-​anġli “ħaduhom b’nisa tagħhom,” u b’regħba kbira qabdu u ħadu “’l dawk li għoġbuhom.” Korsiv tagħna. Minħabba d-​Dilluvju taʼ żmien Noè, dawn id-​demonji kellhom jerġgħu lura lejn il-​qasam taʼ l-​ispirti. Madankollu, il-​Bibbja tindika li issa huma jistgħu joqogħdu biss qrib taʼ l-​art. (Apokalissi 12:​9-12) B’hekk Satana u d-​demonji tiegħu għandhom influwenza qawwija fuq in-​nies illum. (Efesin 2:2) Xi ġuvintur bla ma jafu jkunu qed jissottomettu ruħhom għal din l-​influwenza ħażina meta jsiru missirijiet taʼ tfal li la jkunu jriduhom u lanqas iħobbuhom.

Għalhekk, għandha raġun l-​Iskrittura tgħid: “Dan irid Alla minnkom: il-​qdusija tagħkom, li titbiegħdu miż-​żína, u li kull wieħed minnkom iżomm ’il ġismu fil-​qdusija u l-​ġieħ, u ma jħallix il-​passjoni tegħelbu bħall-​pagani li ma jagħrfux lil Alla. F’din il-​ħaġa ħadd ma għandu jagħmel tort jew ħsara lil ħuh, għax il-​Mulej jaf jitħallas taʼ dan kollu.”—1 Tessalonikin 4:​3-6.

‘Jitbiegħdu miż-​żína’? Ħafna ġuvintur ma tantx togħġobhom din l-​idea. Fuq kollox, għadhom żgħar, u x-​xewqat tagħhom huma qawwijin! Imma nnota li ż-​żína tinvolvi li wieħed “jagħmel tort jew ħsara” lil oħrajn u lid-​drittijiet tagħhom. Ma jkunx taʼ ħsara għal tfajla jekk titħalla b’tarbija imma mingħajr l-​appoġġ taʼ żewġha? U xi ngħidu għar-​riskju li tlaqqat xi marda trasmessa sesswalment, bħall-​herpes ġenitali, is-​sifilide, il-​gonorrea, jew l-​AIDS? Veru, xi drabi dawn il-​konsegwenzi jistgħu jiġu evitati. Minkejja dan, is-​sess qabel iż-​żwieġ xorta waħda jħassar id-​dritt li għandha tfajla biex iżżomm reputazzjoni tajba u tiżżewweġ bħala verġni. Mela wieħed ikun qed jagħmel ħaġa bis-​sens u juri maturità jekk jitbiegħed miż-​żína. Veru, hemm bżonn taʼ kontroll fuqek innifsek u taʼ determinazzjoni sabiex ‘iżżomm lil ġismek’ ’il bogħod mis-​sess qabel iż-​żwieġ. Imma kif jgħid Isaija 48:​17, 18, permezz tal-​liġijiet tiegħu, Alla qed ‘jgħallimna għall-​ġid tagħna.’

“Kunu Rġiel”

Imma, kif jistaʼ żagħżugħ ikun tassew  raġel? Żgur li mhux billi jsir missier taʼ tfal illeġittimi. Il-​Bibbja tħeġġeġ: “Ishru, żommu sħiħ fil-​fidi, kunu rġiel, kunu qawwijin. Qisu li kollox fostkom isir bl-​imħabba.”—1 Korintin 16:​13, 14, Saydon.

Innota li biex wieħed ‘ikun raġel’ irid joqgħod b’sebaʼ għajnejn, ikun sod fil-​fidi u kuraġġuż, u juri mħabba. M’għandniex xi ngħidu, dawn il-​prinċipji jgħoddu sew għall-​irġiel u sew għan-​nisa. Imma jekk tiżviluppa kwalitajiet spiritwali bħal dawn, in-​nies se jkollhom għalfejn jirrispettawk u jammirawk taʼ raġel li int! Tgħallem mill-​aqwa bniedem li qatt għex—Ġesù Kristu. Aħseb ftit dwar kemm ġab ruħu taʼ raġel u kemm wera qlubija waqt li kien qed jiffaċċja t-​torturi u saħansitra l-​mewt. Imma Ġesù kif ġab ruħu maʼ dawk tas-​sess oppost?

Żgur li Ġesù kellu l-​opportunità li jgawdi l-​kumpanija tan-​nisa. Kellu ħafna segwaċi nisa, u xi wħud minnhom “kienu jaqduhom [lil Ġesù u lill-​appostli tiegħu] minn ġidhom.” (Luqa 8:3) Żewġ nisa li kien jagħmilha ħafna magħhom kienu ħut Lazzru. Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li “Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha.” (Ġwann 11:5) Bla dubju Ġesù, bħala raġel perfett, kien imżejjen bi sbuħija fiżika, intelliġenza u karattru li jiġbdek. Imma użahom hu biex iħajjar lil dawn in-​nisa biex jikkommettu atti immorali? Għall-​kuntrarju, il-​Bibbja tgħid li Ġesù “ma kien għamel ebda dnub.” (1 Pietru 2:22) Ma ġabx ruħu b’mod li ma kienx jixraq, anki meta waħda mara li kienet magħrufa sew bħala midinba, forsi xi prostituta, bdiet “tibki u xxarrablu riġlejh bi dmugħha u tixxuttahomlu b’xuxitha.” (Luqa 7:​37, 38) Ġesù lanqas biss għaddielu minn moħħu li jieħu vantaġġ minn din il-​mara fl-​istat dgħajjef li kienet tinsab! Hu wera li kien kapaċi jikkontrolla s-​sentimenti tiegħu. Din hi l-​kwalità li tagħmel raġel tassew. Lin-​nisa ma kienx jittrattahom bħala oġġetti għas-​sess, imma bħala individwi li jistħoqqilhom l-​imħabba u r-​rispett.

Jekk bħala żagħżugħ Kristjan issegwi l-​eżempju taʼ Kristu—u mhux dak taʼ xi ħadd taʼ mparek—se tevita li ‘tagħmel tort jew ħsara’ lil xi ħadd. Ukoll, m’intix se ġġarrab it-​traġedja taʼ dwejjaq li ssir missier taʼ tarbija illeġittima. Veru, oħrajn jistgħu jinkuk talli titbiegħed miż-​żína. Imma fl-​aħħar mill-​aħħar, se jkunlek iktar taʼ ġid meta Alla jkun ferħan bik milli meta dawk taʼ mparek ikunu ferħanin bik għal ftit taʼ żmien.—Proverbji 27:11.

Xi ngħidu, iżda, jekk żagħżugħ għex ħajja immorali fil-​passat imma diġà waqaf jagħmel hekk u nidem mill-​qalb? F’dan il-​każ jistaʼ jibqaʼ ċert li Alla se jaħfirlu, bħalma ħafer lis-​Sultan David li wkoll ħa sehem f’imġiba immorali u mbagħad nidem. (2 Samwel 11:​2-5; 12:13; Salm 51:​3, 4 [51:​1, 2, NW]) Imma jekk din l-​imġiba rriżultat fi tqala barra miż-​żwieġ, ġuvni għandu mnejn jibqagħlu ċerti deċiżjonijiet serji x’jieħu. Għandu hu jiżżewweġ lit-​tfajla? Għandu xi responsabbiltajiet lejn it-​tarbija tiegħu? Artiklu li se joħroġ fil-​futur se jikkunsidra dawn il-​mistoqsijiet.

[Stampi f’paġna 15]

Ħafna żgħażagħ jemmnu li s-​sess ma jġib l-​ebda konsegwenzi, imma għandhom żball

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja