Il-Qamar Jeffettwalek Ħajtek?
GĦAL eluf taʼ snin, il-bnedmin kienu taʼ l-idea li l-qamar jikkontrolla ċerti aspetti tal-ħajja fuq l-art. Kien maħsub li l-fażijiet tal-qamar għandhom xi effett fuq il-pjanti, l-annimali, u saħansitra fuq in-nies. Xi ideat li fil-passat tant kienu jintogħġbu issa sabu li m’humiex vera permezz tar-riċerka moderna li għamlet ix-xjenza. Madankollu xi ideat oħra għadhom jippersistu sal-lum. Il-fatti x’juru?
Xi nies huma konvinti li hemm xi konnessjoni bejn il-fażijiet tal-qamar u t-tkabbir tal-pjanti. B’hekk, huma jużaw kalendarji u almanakki biex jiddeċiedu meta se jiżirgħu l-fjuri, iferrxu d-demel, iferrgħu l-inbid fil-fliexken, jew jippreservaw il-frott. Dan jagħmluh għax jemmnu li jekk ċertu xogħol isir matul il-fażi l-ħażina tal-qamar, il-kwalità tal-prodott ma tkunx mill-ifjen. Sors minnhom jagħti dan il-parir lill-ġardinara: “Il-ġbir tal-ħaxix li se jittiekel malli jinġabar għandu ġeneralment isir meta l-qamar jimla, filwaqt li l-ħaxix li se jiġi preservat għandu jinġabar meta l-qamar jonqos.” Teżisti xi bażi xjentifika għal din l-użanza?
Donnu li ċerti studji li saru jagħmlu konnessjoni bejn it-tkabbir tal-pjanti u l-bidliet fil-qamar. Madankollu, ħafna xjenzati m’humiex konvinti. Huma jgħidu li l-bidliet fil-qamar huma komplikati. Barra minn hekk dawn il-bidliet m’humiex regulari għalkollox u l-effetti tagħhom ma jidhrux faċilment. Għaldaqstant huwa diffiċli li wieħed jirrepeti l-esperimenti li jiġu bbażati fuqhom l-istudji.
Madankollu, ċerti effetti mill-qamar ġew verifikati. Per eżempju, intwera li l-attività, it-tmigħ, ir-riproduzzjoni, u l-bidliet bijoloġiċi taʼ ħafna forom taʼ ħajja jiġu effettwati skond kemm il-baħar ikun mimli jew fieragħ. Il-livell tal-baħar, mill-banda l-oħra, huwa influwenzat direttament mill-qawwa tal-gravità tal-qamar.
Xi wħud isostnu li jekk il-qamar jinfluwenza l-baħar, dan għandu jeffettwa lill-bnedmin ukoll, ladarba parti kbira mill-ġisem uman huwa ilma. U xi ngħidu għar-relazzjoni li jaħsbu li teżisti bejn il-fażijiet tal-qamar u t-taqlib mentali, il-ħin meta wieħed jitwieled, u anki ċ-ċiklu taʼ kull xahar tal-mara, li bejn wieħed u ieħor huwa twil daqs dak tal-qamar?
Saru studji fl-oqsma tal-psikjatrija, tal-psikoloġija, u tal-ġinekoloġija sabiex jaraw kemm dawn l-affarijiet huma veri. Mir-riżultati ma nstab xejn mija fil-mija. Xi riċerkaturi jsostnu li sabu xi traċċi taʼ konnessjoni bejn attivitajiet umani u l-bidliet fil-qamar, imma oħrajn jistqarru bla tlaqliq li ma teżisti l-ebda relazzjoni bejn it-tnejn. Huma jġibu l-argument li jekk iċ-ċikli tal-qamar kellhom influwenza li tidher ċara fuq it-twelid tat-trabi, il-konnessjoni bejn it-tnejn kienet tkun ovvja minn żmien twil ilu. Iktar minn hekk, l-ebda waħda mit-teoriji li ġew proposti biex jispjegaw l-effett li l-qamar suppost għandu fuq in-nies ma kkonvinċew lix-xjenzati b’mod ġenerali.a
Għalkemm ix-xjenza wriet li l-qamar għandu xi ftit effett fuq id-diversi forom taʼ ħajja fuq l-art, m’huwiex faċli biex wieħed jiddetermina kemm huwa kbir dan l-effett. L-univers fiżiku tagħna huwa komplikat, u għall-inqas għalissa, ħafna mill-mekkaniżmi taʼ l-għaġeb li jirregolawh għadna ma nafux bihom.
[Nota taʼ taħt]
a Xi wħud minn dawn it-teoriji jinvolvu d-dawl tal-qamar, il-gravità, il-forzi ġeomanjetiċi, u l-elettromanjetiżmu.
[Stampa f’paġna 20]
L-alla mara Selene, meqjuma mill-Griegi u r-Rumani tal-qedem bħala l-personifikazzjoni tal-qamar
[Sors]
Musei Capitolini, Roma