LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 9/8 pp. 21-24
  • Meta l-Lejl Jiġi f’Nofs il-Ġurnata

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta l-Lejl Jiġi f’Nofs il-Ġurnata
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Preparazzjonijiet għall-​Ġrajja
  • Il-​Ġurnata Mistennija Tasal
  • X’Nitgħallmu mill-​Eklissi
  • “Meta Dalam bi Nhar”
    Stenbaħ!—2008
  • In-Natura Eċċezzjonali tax-Xemx Tagħna
    Stenbaħ!—2001
  • Is-Sistema Solari Unika Tagħna—Kif Bdiet Teżisti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2007
Stenbaħ!—2002
g02 9/8 pp. 21-24

Meta l-​Lejl Jiġi f’Nofs il-​Ġurnata

MINN KITTIEBA GĦAL STENBAĦ! FL-​ANGOLA U Z-​ZAMBJA

‘IL-​LEJL f’nofs il-​ġurnata? Impossibbli!’ jistgħu jgħidu xi wħud. Mhux biss hija possibbli, imma tiġri diversi drabi kull għaxar snin​—kulmeta jkun hemm eklissi solari totali. X’jikkawża eklissi solari, u għalfejn hija xena daqshekk spettakolari? Nibdew insibu t-​tweġiba billi l-​ewwel nikkunsidraw il-​qamar.

Familjari int mal-​mod kif id-​dehra tal-​qamar tinbidel hekk kif dan idur maʼ l-​art? Meta l-​qamar u x-​xemx ikunu oppost taʼ xulxin fis-​sema, naraw dak li nsejħulu qamar kwinta tielaʼ mil-​lvant hekk kif ix-​xemx tinżel fil-​punent. Hekk kif igerbu l-​ġranet, il-​qamar idum daqsxejn iktar ma jitlaʼ kull lejl, waqt li jimxi bil-​mod fis-​sema lejn in-​naħa minfejn titlaʼ x-​xemx. In-​naħa mdawla tal-​qamar tibda dejjem tiċkien, sakemm fl-​aħħar issir felli ċkejken ħafna. Meta l-​qamar ikun fis-​sema matul il-​ġurnata flimkien max-​xemx, lanqas dak il-​felli ċkejken ma jidher u l-​qamar, bin-​naħa mdallma tiegħu tħares lejn l-​art, tistaʼ tgħid li jkun inviżibbli. Dan jissejjaħ qamar ġdid. Imbagħad il-​proċess jerġaʼ jibda bil-​kontra, bil-​qamar li jibda jitbiegħed mix-​xemx sakemm fl-​aħħar jerġaʼ jsir kwinta. Dan iċ-​ċiklu jirrepeti ruħu bejn wieħed u ieħor kull 28 ġurnata.

Fattur importanti għal eklissi solari huwa l-​qamar ġdid. Normalment dan sempliċement jgħaddi minn ħdejn ix-​xemx fis-​sema taʼ matul il-​ġurnata mingħajr ma nindunaw bih minħabba li l-​orbiti ma jkunux f’linja maʼ xulxin. Xi drabi però, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​art jiġu f’linja eżatt maʼ xulxin. Imbagħad, id-​dell tal-​qamar jaqaʼ fuq wiċċ l-​art u b’hekk joħloq l-​eklissi.

Eklissi solari jirriżulta minn relazzjoni unika bejn ix-​xemx, il-​qamar, u l-​art. Ix-​xemx hija enormi fid-​daqs, b’dijametru taʼ madwar 400 darba daqs dak tal-​qamar. Taʼ min jinnota wkoll li x-​xemx hija ’l bogħod minna madwar 400 darba iżjed milli qiegħed il-​qamar. Bħala riżultat, ix-​xemx u l-​qamar f’għajnejna jkunu jidhru daqs xulxin. Għalhekk, xi drabi l-​qamar jistaʼ jidher li jgħatti perfettament lix-​xemx.

Biex eklissi solari totali bħal dan ikun jistaʼ jsir, ix-​xemx, il-​qamar, u l-​art mhux biss iridu jkunu f’linja eżatt maʼ xulxin, imma jridu jkunu hekk meta l-​qamar ikun qiegħed f’dik il-​parti taʼ l-​orbita tiegħu li hija qrib l-​art.a F’dawn l-​okkażjonijiet it-​tarf tad-​dell tal-​qamar, li ġej għal ponta, idallam biċċa żgħira mill-​wiċċ taʼ l-​art.

Fil-​każ taʼ l-​eklissi totali tal-​21 taʼ Ġunju, 2001, id-​dell kellu jkun wiesaʼ sa 200 kilometru. Il-​mogħdija tad-​dalma kellha tibda maʼ tlugħ ix-​xemx ’il barra mix-​xatt tal-​lvant taʼ l-​Amerika t’Isfel u tgħaddi minn fuq l-​Atlantiku t’Isfel, fejn tilħaq l-​iktar ħin twil taʼ kważi ħames minuti. Wara li tgħaddi minn fuq l-​Angola, iz-​Zambja, Żimbabwe, u l-​Możambik kellha tispiċċa f’inżul ix-​xemx ’il barra mill-​kosta tal-​lvant tal-​Madagaskar. Ejja naraw kif dan l-​ispettaklu ċelestjali deher f’għajnejn l-​osservaturi fl-​Angola u z-​Zambja.

Preparazzjonijiet għall-​Ġrajja

Bi stennijiet kbar, riċerkaturi professjonali, u astronomi dilettanti, u ħafna oħrajn, kollha rħewlha lejn l-​Afrika għall-​ewwel eklissi totali tal-​millennju l-​ġdid. Peress li Lusaka, fiz-​Zambja, kienet l-​unika belt kapitali fil-​mogħdija taʼ l-​eklissi, ħafna viżitaturi marru hemm biex josservawh.

Probabbli din kienet l-​akbar attrazzjoni turistika li z-​Zambja qatt gawdiet. Ftit ġranet biss qabel l-​eklissi, Lusaka kienet ippakkjata b’eluf taʼ viżitaturi. Il-​preparazzjonijiet għall-​ġrajja kienu saru xhur qabel. Lukandi, alloġġi, postijiet għall-​ikkampjar, u djar privati kienu kollha bbukkjati biex jakkomodaw lill-​folol kbar taʼ viżitaturi.

Postijiet sabiex il-​pubbliku jkun jistaʼ josserva kienu jinkludu l-​ajruport taʼ Lusaka, fejn il-​viżitaturi setgħu jaslu fil-​għodu, josservaw il-​ġrajja, u jitilqu lura fil-​għaxija. Għal ġimgħat sħaħ, stazzjonijiet fuq it-​televixin u r-​radju ħabbru l-​ispettaklu li kien ġej, u avżaw dwar il-​perikli taʼ meta tħares direttament lejn ix-​xemx. Il-​bejgħ taʼ nuċċalijiet speċjali qabeż kull stennija, u ħafna ħwienet biegħu kulma kellhom.

L-ewwel pajjiż fil-​kontinent Afrikan li kien se jintmess mill-​eklissi kien l-​Angola, fil-​belt kostali taʼ Sumbe. Kien f’dan il-​post li l-​osservaturi kellhom jesperjenzaw eklissi totali taʼ erbaʼ minuti u nofs, l-​itwal perijodu kif deher minn fuq l-​art.

Xhur qabel l-​eklissi, ġo Luanda, il-​belt kapitali taʼ l-​Angola, u fi bliet maġġuri oħra, tpoġġew kartelluni biex javżaw dwar l-​eklissi u jwissu dwar il-​perikli tiegħu. Id-​dell tal-​qamar kellu jgħaddi minn ġo nofs il-​pajjiż, u għalhekk l-​Angola kollha minn taʼ l-​inqas setgħet tara eklissi kważi totali. Luanda kellha tara 96 fil-​mija minn wiċċ ix-​xemx mgħotti. Il-​gvern, billi kkoopera maʼ kumpaniji privati, irranġa biex jimporta miljuni taʼ nuċċalijiet speċjali tax-​xemx sabiex jitqassmu. Ħafna minnhom ngħataw b’xejn lil uħud li ma kellhomx flus.

Iċ-ċentru taʼ l-​attivitajiet taʼ l-​eklissi fl-​Angola kien Sumbe, li qiegħda f’biċċa art dejqa u mill-​isbaħ mal-​kosta bejn in-​naħa t’Isfel taʼ l-​Atlantiku u l-​pjanura ċentrali taʼ l-​Angola. L-​inħawi taʼ Sumbe skappaw l-​agħar konflitti li ħarbtu ’l Angola, għalhekk, il-​viżitaturi jsibu belt mhix mimsusa taʼ madwar 25,000 resident, li huma dħulin, qalbhom tajba, u mintagħna ħafna. Sabiex jakkomodaw lill-​viżitaturi kollha, ġew preparati iktar faċilitajiet għat-​turisti, u ttejbet ukoll is-​sistema lokali taʼ l-​elettriku. Programm edukattiv speċjali dwar l-​eklissi tħejja għax-​xjenzati, ministri tal-​gvern, u ħaddiema umanitarji mill-​Angola u pajjiżi oħra. Palk kbir ittellaʼ fuq xatt il-​baħar għal programm kbir taʼ divertiment li qatt ma kien hemm bħalu ġo Sumbe.

Il-​Ġurnata Mistennija Tasal

Benefiċċju wieħed meta tosserva l-​eklissi mill-​Angola kien illi f’Ġunju ma tantx tagħmel xita. Mela immaġina d-​diżappunt meta, ġurnata qabel l-​eklissi, l-​inħawi taʼ Sumbe kienu miksijin bis-​sħab! Sa fil-​għaxija u l-​għada fil-​għodu, il-​belt kienet mgħottija b’firxa taʼ sħab oħxon. Kienu se jtiru mar-​riħ it-​tamiet kollha biex jidher l-​eklissi? Hekk kif l-​għodwa daħlet sewwa, is-​sħab beda jonqos u sa ftit qabel nofsinhar, is-​sema kien blu u mingħajr sħab. X’serħan! Bl-​istess mod, fiz-​Zambja n-​nies bdew jinkwetaw hekk kif iż-​żerniq taʼ fil-​għodu kixef sema mċajpar kollu sħab. Imma l-​ajru fetaħ għajnu fil-​ħin hemmhekk ukoll. Ismaʼ ftit x’qalu n-​nies li raw b’għajnejhom dawn l-​avvenimenti hekk kif iseħħu wieħed wara l-​ieħor.

L-Angola: “Aħna għażilna li naraw l-​eklissi minn post tajjeb li jagħti għal fuq il-​baħar. Hekk kif qorob il-​ħin, gzuz taʼ nies inġabru fuq ix-​xatt tal-​belt u fil-​postijiet li twarrbu apposta biex wieħed jara l-​eklissi minnhom. F’nofsinhar, meta kien se jibda l-​eklissi, ħafna libsu n-​nuċċalijiet protettivi tagħhom u bdew jgħarrxu għall-​ewwel ‘gidmaʼ tal-​qamar f’wiċċ ix-​xemx. Ftit wara nofsinhar beda l-​eklissi. Permezz taʼ tromba jew taʼ teleskopju, kienu jidhru s-​sunspots​—tbajjaʼ skuri fuq wiċċ ix-​xemx. Dawk li kienu qed josservaw raw dawn it-​tbajjaʼ jinbelgħu mid-​dell waħda wara l-​oħra. Hekk kif l-​eklissi kompla għaddej, it-​temperatura tbaxxiet mhux ħażin u d-​dawl beda jinbidel f’kulur veru stramb. Finalment, hekk kif l-​aħħar felli mix-​xemx inbelaʼ mid-​dell li dejjem jikber, waqgħet dalma.”

Iz-Zambja: “L-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah fiz-​Zambja, li qiegħed f’Makeni, ġo Lusaka, kien qiegħed f’post kważi perfett biex wieħed jara l-​eklissi totali tax-​xemx. Fit–3:07 p.m., il-​qamar beda jimblokka lix-​xemx. Strixxi taʼ dell li waqgħu fuq il-​ħitan tal-​bini bdew jagħmlu effett qishom mewġ tad-​dawl. Ir-​riħ batta, u l-​għasafar siktu. L-​annimali salvaġġi bdew jippreparaw għall-​irqad taʼ bil-​lejl. Fit–3:09 p.m., ftit sekondi qabel it-​totalità, mill-​wiċċ tax-​xemx li kien qed jgħib baqgħu jidhru biss ftit tikek ileqqu taʼ dawl, imbagħad tikka waħda biss. Dawn il-​fenomeni huma magħrufin bħala ż-​żibeġ taʼ Baily u l-​ieħor bħala ċ-​ċurkett tad-​djamanti.b Imbagħad kien hemm dehra tal-​kromosfera, leħħa dawl kulur roża fl-​aħmar, li ġiet segwita mit-​totalità u d-​dlam!”

L-Angola: “L-​effett taċ-​ċurkett tad-​djamanti li jibbrilla ġagħal lil ħafna jwerżqu u jibqgħu b’ħalqhom miftuħ. Imbagħad, fis–1:48 p.m. ħin lokali, bdiet it-​totalità. Kien hemm diversi reazzjonijiet. Min kien mitluf jieħu r-​ritratti filwaqt li oħrajn għollew leħinhom f’daqqa, ‘Totali! Totali! Totali!’ Jerġaʼ oħrajn bdew isaffru u jgħajtu bi stagħġib hekk kif kien riesaq il-​lejl f’nofs il-​ġurnata. Faxxi taʼ dawl mill-​atmosfera tax-​xemx taʼ miljun grad dehru ħerġin f’kull direzzjoni u fformaw il-​kuruna taʼ dawl [corona]. Mat-​tarf mudlam tal-​qamar stajna naraw qishom arkati taʼ gass jaqbad. F’daqqa waħda, bħallikieku l-​ħin ġera ’l quddiem, it-​totalità spiċċat u raġġ taʼ dawl mix-​xemx leħħ min-​naħa l-​oħra tad-​dell.

“Hekk kif wiċċ ix-​xemx beda jfeġġ, rajna t-​tbajjaʼ tax-​xemx, li qabel kienu nbelgħu, jitfaċċaw waħda wara l-​oħra mid-​dlam hekk kif ix-​xemx bil-​mod il-​mod bdiet terġaʼ tieħu s-​sura tonda tagħha kif normalment tidher.”

Iz-Zambja: “L-​eklissi totali hawnhekk dam 3 minuti u 14-il sekonda, u għalhekk kien hemm ħin biżżejjed biex wieħed igawdi din il-​ġrajja tant taʼ l-​għaġeb. Kien id-​dlam, imma madwar ix-​xefaq kien hemm ftit dawl bħal taʼ l-​għabex. Minkejja li baqaʼ blu, fis-​sema kienu jidhru pjaneti li s-​soltu ma jkunux jidhru minħabba x-​xemx​—Ġove u Saturnu, per eżempju, kienu jidhru ċari. Forsi l-​iktar aspett spettakolari taʼ l-​eklissi kienet il-​kuruna tad-​dawl max-​xemx. Din dehret bħal dija taʼ lewn abjad fir-​roża madwar ċirku iswed. L-​osservaturi, imsaħħrin, iddeskrivew dan bħala ‘ħaġa sempliċement taʼ l-​għaġeb u meraviljuża.’ Bil-​mod il-​mod wiċċ il-​qamar mexa lejn il-​ġenb biex b’hekk wiċċ ix-​xemx jibda’ jinkixef u r-​raġġi tax-​xemx jilħqu l-​art bla tfixkil taʼ xejn. Sa l–4:28 p.m. l-​eklissi kien spiċċa!”

X’Nitgħallmu mill-​Eklissi

Wara din l-​esperjenza, ħafna qalu kemm ħassewhom emozzjonati biha. Waħda mara fl-​Angola qalet li kważi bdiet tibki. Mara oħra bdiet tirrifletti fuq ir-​rigal li kien ipprovda Alla. Jerġaʼ oħra qalet li Ħallieq kollu mħabba biss setaʼ jipprovdi dan l-​ispettaklu sabiex in-​nies ikunu jistgħu japprezzaw is-​sbuħija inkredibbli tax-​xemx, is-​sors li jagħti enerġija lill-​art.

Kien jidher ċar li ħafna nies fl-​Afrika għandhom rispett kbir għall-​Ħallieq u għall-​Bibbja. Hekk kif ix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​belt taʼ Sumbe tkellmu m’oħrajn dwar l-​eklissi u semmew li dan kien biss wieħed mill-​għeġubijiet taʼ Jehovah, il-​Ħallieq tagħna, ir-​residenti wrew interess kbir biex jiddiskutu s-​suġġett. B’entużjażmu, ħafna aċċettaw kopji taʼ rivista reċenti tat-​Torri taʼ l-​Għassa li kien jittratta dwar dawn l-​għeġubijiet.

Din il-​ġrajja ċelestjali għenet lil miljuni taʼ nies jinsew il-​problemi tagħhom għal ftit minuti u jikkonċentraw fuq xi ħaġa tassew inkuraġġanti u li tqanqal l-​istagħġib. Wara li raw ċerti aspetti glorjużi tax-​xemx li s-​soltu ma jidhrux, xi wħud ħasbu dwar il-​glorja li ma tidhirx imma li hija ħafna iktar taʼ l-​għaġeb tal-​Ħallieq tagħha, Alla Jehovah.

[Noti taʼ taħt]

a Ladarba l-​orbiti tal-​qamar u l-​art huma ovali, id-​daqs tax-​xemx u l-​qamar jidher differenti skond fejn ikunu jinsabu fuq l-​orbiti. Meta l-​qamar ikun fuq l-​iktar post imbiegħed mill-​art fuq l-​orbita tiegħu, l-​iktar parti skura mid-​dell tal-​qamar għandu mnejn bilkemm jilħaq wiċċ l-​art. Meta jiġri hekk, osservaturi fuq l-​art li jkunu f’linja maʼ dak id-​dell jesperjenzaw eklissi annulari, bix-​xemx li tidher bħala ċirku jixgħel madwar dell skur.

b L-effett magħruf bħala ż-​żibeġ taʼ Baily huwa kaġunat mid-​dawl tax-​xemx li jgħaddi minn widien fuq wiċċ il-​qamar eżatt qabel it-​totalità. L-​espressjoni “ċurkett tad-​djamanti” tiddeskrivi d-​dehra tax-​xemx eżatt qabel it-​totalità, meta biċċa żgħira mix-​xemx tkun għadha tidher, u tkun qisha ċurkett abjad, b’biċċa minnu tibbrilla, bħalma jkun ċurkett tad-​djamanti.

[Dijagramma f’paġna 21]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-​test, ara pubblikazzjoni)

→ →

Ix-​Xemx → Il-​Qamar ⇨ Parti mdallma ⇨ L-​Art

→ →

[Sors]

© 1998 Visual Language

[Stampi f’paġna 23]

Iż-​żibeġ taʼ Baily

Totalità

Iċ-​ċurkett tad-​djamanti

[Sors]

Courtesy Juan Carlos Casado, www.skylook.net

[Stampa f’paġna 23]

Osservaturi taʼ l-​eklissi f’Lusaka, iz-​Zambja

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja