“Meta Dalam bi Nhar”
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! F’BENIN
“MILJUNI Mibluhin bl-Eklissi tax-Xemx.” Din kienet l-aħbar ewlenija fid-Daily Graphic tal-Gana l-għada taʼ l-eklissi totali tax-xemx fid-29 taʼ Marzu, 2006. L-eklissi, li l-ewwel intlemaħ fil-ponta tal-lvant tal-Brażil, infirex matul l-Atlantiku bi kważi 1,600 kilometru fis-siegħa, u beda jidher fil-pajjiżi taʼ mal-kosta tal-Gana, tat-Togo, u taʼ Benin madwar it-8.00 taʼ fil-għodu. Kif kien se jidher f’dawn il-pajjiżi taʼ l-Afrika tal-Punent?
L-aħħar eklissi totali li deher mill-Gana kien fl-1947. Theodore, li dakinhar kellu 27 sena, jiftakar: “Ħafna nies dak iż-żmien kienu għadhom qatt ma raw eklissi, għalhekk ma kinux jafu eżatt x’kien qed jiġri. Minħabba f’hekk, in-nies iddeskrivew din il-ġrajja bħala ‘meta dalam bi nhar.’”
Kampanji biex in-Nies Joqogħdu Attenti
L-awtoritajiet bdew kampanji estensivi biex iwissu lin-nies minħabba l-perikli involuti jekk iħarsu direttament lejn ix-xemx matul l-eklissi. Fit-Togo, il-kartelluni li jolqtu l-għajn wissew: “Attenti għal għajnejkom! Tinsabu fil-periklu li titilfu d-dawl!”
Uffiċjali tal-gvern enfasizzaw żewġ alternattivi. L-ewwel, ibqgħu ġewwa u araw dan l-ispettaklu fuq it-televixin. It-tieni, jekk tkunu barra, ilbsu nuċċalijiet apposta biex jipproteġukom. Miljuni baqgħu mkaħħlin mat-televixin u l-iskrins tal-kompjuter biex jaraw dawn ix-xeni impressjonanti. Madankollu, l-iskrin qatt ma jistaʼ jittrasmetti dik l-atmosfera eċċitanti li jkun hemm minħabba l-kurżità u l-għagħa taʼ qabel u matul l-eklissi. Ejja naraw x’kien hemm dakinhar.
Tiżdied l-Antiċipazzjoni
Minn kull aspett din kienet tidher għodwa normali oħra tipika għall-Afrika tal-Punent—xemx tiddi u sema bla sħab. Veru li kien se jkun hemm l-eklissi? Hekk kif l-arloġġ beda jdur u joqrob il-ħin mistenni, l-osservaturi li kienu barra bdew jilbsu n-nuċċalijiet tagħhom u jħarsu lejn is-sema. Xi wħud kienu qed iċemplu fuq il-mobile lil xi wħud li jafu u li kien joqogħdu xi mkien ieħor biex jaraw jekk kinux qed jaraw xi ħaġa.
Iktar minn 350,000 kilometru ’l fuq minn dawk l-osservaturi, il-qamar, għalkemm kien għadu mhux qed jidher, kien miexi bla tfixkil lejn il-post fejn kien se jseħħ l-eklissi. F’daqqa waħda, dan deher kulur il-fidda meta tiswied, u beda bil-mod il-mod jgħatti x-xemx. L-eċċitament kompla jiżdied hekk kif l-osservaturi bdew jindunaw bih, wieħed wara l-ieħor.
Matul l-ewwel siegħa, l-osservaturi ma nnotaw l-ebda bidla madwarhom. Madankollu, hekk kif il-qamar kompla jgħatti x-xemx, l-atmosfera nbidlet. Is-sema kaħlani beda jiddallam. It-temperatura niżlet. Malli beda jidlam inxtegħlu d-dwal tat-toroq u tas-sigurtà, li kienu jixegħlu awtomatikament malli jidlam. It-toroq saru baħħ. Il-ħwienet għalqu. L-għasafar ma baqgħux jgħannu, u l-annimali fittxew il-kenn u marru jorqdu. Kien qed jidlam kompletament. Imbagħad seħħ l-eklissi totali, u waqaʼ skiet kbir.
Eklissi Totali Indimentikabbli
Il-kwiekeb bdew iteptpu. Il-kuruna glorjuża tax-xemx (il-parti taʼ barra taʼ l-atmosfera tax-xemx) dehret bħal dijadema bajda kulur il-perla madwar il-qamar iswed. Bħal tikek taʼ dawl ileqqu, imsejħin Baily’s Beads,a bdew jiddu fuq id-dawra taʼ barra tal-qamar hekk kif ix-xemx tefgħet id-dija tagħha fuq il-widien u l-ħotob taʼ wiċċ il-qamar. Kien bħallikieku qed tara ċurkett tad-djamanti jleqq. Spettaklu taʼ kulur roża u kuluri fl-aħmar bdew jiddu fuq il-kromosfera (is-saff taħt il-kuruna tax-xemx). “Dan kien l-iktar spettaklu stupend li qatt rajt—meravilja taʼ ġmiel,” qal wieħed mill-osservaturi.
L-eklissi totali dam madwar tliet minuti. Imbagħad ix-xemx reġgħet bdiet tfiġġ. Ħafna spettaturi bdew jgħajtu u jċapċpu. Is-sema xegħel, u mbagħad il-kwiekeb għabu. L-atmosfera stramba sparixxiet bħan-nida taʼ fil-għodu.
Il-qamar hu “xhud fidil fis-smewwiet.” B’hekk, l-eklissi jistaʼ jiġi kalkulat minn sekli qabel. (Salm 89:37, NW) Fl-Afrika tal-Punent kellhom jistennew kważi 60 sena biex jaraw dan l-eklissi. Eklissi totali ieħor li se jidher mill-Afrika tal-Punent huwa mistenni li jkun matul l-2081. Forsi int ikollok l-opportunità li tara eklissi indimentikabbli fl-inħawi fejn toqgħod ferm qabel dan.
[Nota taʼ taħt]
a Imsemmijin għall-astronomu Britanniku Francis Baily, li ddokumenta għall-ewwel darba d-dehra tagħhom matul eklissi fl-1836.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 29]
Eklissi tax-Xemx Waqt il-Mewt taʼ Ġesù?
Marku 15:33 jgħid: “X’ħin saret is-sitt siegħa waqgħet dalma fuq l-art kollha sad-disaʼ siegħa.” Din id-dalma taʼ tliet sigħat, minn madwar nofsinhar sat-tlieta taʼ wara nofsinhar, kienet miraklu. Dan ma setax kien eklissi tax-xemx. L-ewwel ħaġa, l-itwal eklissi solari li jistaʼ jseħħ f’post wieħed fuq l-art idum madwar sebaʼ minuti u nofs. It-tieni, Ġesù miet fl-14-il jum tax-xahar qamri taʼ Nisan. L-ewwel jum taʼ Nisan jiġi determinat meta jidher il-qamar ġdid, peress li dakinhar il-pożizzjoni tiegħu tkun bejn l-art u x-xemx u jistaʼ jikkaġuna eklissi. Sa ma jasal l-14-il jum taʼ Nisan, il-qamar ikun diġà lesta nofs l-orbita tiegħu. L-art dakinhar tkun qiegħda bejn ix-xemx u l-qamar, u dan minflok ma jimblokka d-dawl mix-xemx, jirriflettih totalment. B’hekk, aħna naraw qamar kwinta, atmosfera perfetta biex tiġi kommemorata t-Tifkira tal-mewt taʼ Ġesù.
[Stampa]
L-14 taʼ Nisan dejjem jaħbat meta l-qamar ikun kwinta jew kważi kwinta
[Dijagramma/Mappa f’paġna 28]
(For fully formatted text, see publication)
Il-mogħdija taʼ l-eklissi
●
⇧
●
⇧
●
⇧ AFRIKA
BENIN ●
⇧
TOGO ●
⇧
GANA ●
⇧
●
⇧
●
⇧
●
⇧
●
⇧
●
[Credit Line]
Mappa: Based on NASA/Visible Earth imagery
[Stampa f’paġna 28]
L-eklissi totali tad-29 taʼ Marzu, 2006
[Stampa f’paġna 28]
Nuċċalijiet apposta li jipproteġu l-għajnejn ippermettew lill-osservaturi jaraw l-eklissi direttament