In-Natura Eċċezzjonali tax-Xemx Tagħna
WAQT li qed taqra dan l-artiklu, ix-xemx tkun telgħet jew int taf li se titlaʼ ma ddumx. Importanti dan? Iva, għaliex mingħajr ir-raġġi tax-xemx, il-biljuni taʼ biljuni t’affarijiet ħajjin li hawn fuq l-art, inkluż int, ma kinux ikunu hawn. Ma kienx ikun hawn iktar dik il-varjetà taʼ ħajja mqassma fost il-miljuni taʼ speċi li hawn, li jvarjaw minn batterji b’ċellola waħda sa balieni immensi.
Huwa minnu li l-pjaneta tagħna tintlaħaq biss minn madwar nofs wieħed minn kull biljun taʼ l-enerġija li toħroġ mix-xemx. Xorta waħda, anki dawk il-ftit “loqom” mill-“mejda” solari huma biżżejjed biex ifornu u jsostnu l-ħajja fuq l-art. Mhux hekk biss, imma kieku din il-qatra żgħira li tasal għandna kellha tintuża b’mod effiċjenti, tkun tistaʼ tipprovdi faċilment l-enerġija kollha li hi meħtieġa mis-soċjetà moderna, u jkun hemm ferm iktar minn biżżejjed.
Il-biċċa l-kbira tal-kotba fuq l-astronomija jgħidu li x-xemx tagħna hija kewkba ordinarja, “oġġett ċelestjali li hu xi ftit jew wisq komuni.” Imma hija x-xemx ‘oġġett ċelestjali komuni’ minn kull aspett? Guillermo Gonzalez, astronomu fl-Università taʼ Washington f’Seattle, issuġġerixxa li x-xemx tagħna hija eċċezzjonali. Għandu dan jeffettwa t-tfittxija għall-ħajja fuq pjaneti oħrajn? Gonzalez iwieġeb: “Hemm inqas kwiekeb li kapaċi jsostnu l-ħajja intelliġenti minn kemm jaħsbu ħafna nies.” Iżid: “Jekk l-astronomi ma jillimitawx it-tfittxija tagħhom għal kwiekeb li huma eċċezzjonali daqskemm hi x-Xemx, allura jkunu qed jaħlu ħafna mill-ħin tagħhom.”
X’inhuma xi wħud mill-karatteristiċi li lix-xemx jagħmluha addattata biex issostni l-ħajja? Hekk kif neżaminaw dawn il-fatturi, għandna nżommu f’moħħna li ħafna mill-istqarrijiet li jsiru dwar il-fiżika taʼ l-univers huma bbażati fuq it-teorija fin-natura tagħhom.
Karatteristiċi Interessanti Ferm
● Kewkba waħedha: L-astronomi jikkalkulaw li 85 fil-mija mill-kwiekeb li jinsabu ġirien tax-xemx qegħdin fi gruppi taʼ tnejn jew iktar kwiekeb li jduru madwar xulxin. Kwiekeb bħal dawn jintrabtu flimkien b’forzi tal-gravità.
Madankollu, ix-xemx hija kewkba waħedha. “Il-każ tax-xemx bħala kewkba waħedha jidher, allura, li hu kemxejn mhux tas-soltu,” jikteb l-astronomu Kenneth J. H. Phillips fil-ktieb tiegħu Guide to the Sun. Il-fatt li x-xemx hija kewkba waħedha lill-art jagħtiha orbita iktar stabbli u din, imbagħad, toħloq kundizzjonijiet li jikkontribwixxu għall-ħajja fuq dan il-globu, jgħid Gonzalez.
● Kewkba massiva: Stramberija oħra li għandha x’taqsam max-xemx, skond Gonzalez, hi li “hija fost l-10 fil-mija mill-kwiekeb l-iktar massivi fl-inħawi taʼ madwarha,” tirrapporta r-rivista New Scientist. Phillips jinnota: “Ix-xemx fiha 99.87 fil-mija mill-massa tas-sistema solari u minħabba f’hekk, permezz tal-gravità, tikkontrolla l-pjaneti, il-qmura u l-kwiekeb kollha fis-sistema solari.”
Din il-karatteristika tippermetti li l-art tkun relattivament ’il bogħod mix-xemx, b’150 miljun kilometru, u xorta waħda ma titbigħedx minnha. Din id-distanza komparattivament kbira, mill-banda l-oħra, tipproteġi l-ħajja fuq l-art milli tkun mikwija bix-xemx.
● Elementi tqal: Gonzalez jinnota li l-elementi tax-xemx—il-karbonju, in-nitroġenu, l-ossiġnu, il-manjesju, is-silikon, u l-ħadid—huma 50 fil-mija itqal minn dawk taʼ stilel oħrajn li huma taʼ età u tip simili. F’din il-ħaġa, ix-xemx tagħna tispikka fuq dawk kollha taʼ mparha. “L-abbundanzi taʼ l-elementi tqal fix-xemx huma ftit ferm,” jgħid Phillips, “imma xi stilel . . . għandhom saħansitra inqas abbundanzi taʼ elementi tqal.” Fil-fatt, il-kwiekeb li għandhom abbundanzi taʼ elementi tqal bħal dik tax-xemx huma parti minn kategorija speċifika msejħa l-istilel taʼ l-Ewwel Popolazzjoni.
Dan x’għandu x’jaqsam maʼ l-eżistenza tal-ħajja fuq l-art? Sewwa, l-elementi tqal huma neċessarji biex isostnu l-ħajja. Imma dawn huma rari, u jagħmlu inqas minn wieħed fil-mija mill-univers. L-art tagħna, iżda, tikkonsisti kważi għalkollox fl-elementi li huma itqal. Għala? Għaliex, skond ma jgħidu l-astronomi, l-art iddur madwar kewkba li hi tant mhix tas-soltu—ix-xemx tagħna.
● Orbita inqas ovali: Vantaġġ ieħor joħroġ mill-fatt li x-xemx hija stilla taʼ l-Ewwel Popolazzjoni. “Stilel taʼ l-Ewwel Popolazzjoni ġeneralment iwettqu orbiti kważi tondi madwar iċ-ċentru tal-galassja,” jgħid il-ktieb Guide to the Sun. L-orbita tax-xemx hija inqas ovali minn dik taʼ stilel oħrajn taʼ l-istess tip u età. Dan għala jeffettwa l-eżistenza tal-ħajja fuq l-art? Għaliex il-fatt li x-xemx iddur fit-tond iżommha milli tidħol fil-ġewwieni tal-galassja fejn hemm is-supernovi (kwiekeb li jisplodu).
● Varjazzjoni fid-dija: Hawn insibu fatt interessanti ieħor rigward l-istilla tas-sistema solari tagħna. Meta mqabbla maʼ stilel simili, huwa sinifikanti li x-xemx tvarja ferm inqas fid-dija tagħha. Fi kliem ieħor, id-dawl li tixħet huwa iktar stabbli u kostanti.
Huwa indispensabbli għall-ħajja fuq l-art li t-tfigħ taʼ dawl ikun daqshekk relattivament stabbli. “Il-preżenza nfisha tagħna fuq il-pjaneta,” jgħid il-kittieb taʼ l-istorja tax-xjenza Karl Hufbauer, “hija evidenza li d-dawl tax-xemx huwa wieħed mill-fatturi iktar stabbli taʼ l-ambjent.”
● Ix-Xaqliba taʼ l-orbita: L-orbita tax-xemx hija biss inklinata kemm kemm lejn il-pjan galattiku tat-Triq tal-Ħalib. Dan ifisser li l-angolu bejn il-pjan taʼ l-orbita tax-xemx u l-pjan tal-galassja tagħna hu żgħir ħafna. Dan kif jikkontribwixxi għall-ġid tal-ħajja fuq l-art?
Ferm ’il bogħod minn tarf is-sistema solari tagħna, hemm madwarna bħal ħażna sferika vasta mimlija kometi, imsejħa s-sħaba Oort.a Aħseb ftit x’kien jiġri kieku l-orbita tax-xemx kienet imxaqilba iktar lejn il-pjan galattiku. Kieku kien hekk, ix-xemx kienet taqsam ħesrem il-pjan tal-galassja tagħna u dan kien jiddisturba s-sħaba Oort. X’kien ikun ir-riżultat? L-art kienet tiġi bombardjata b’xita katastrofika taʼ kometi, jgħidu l-astronomi.
L-Eklissijiet Solari X’Jistgħu Jgħidulna?
Hemm minn taʼ l-inqas 60 qamar fis-sistema solari tagħna. Dawn iduru madwar sebgħa mid-disaʼ pjaneti tas-sistema. Madankollu, l-art milli jidher hija l-unika pjaneta fis-sistema solari li tgawdi l-ispettaklu taʼ eklissijiet totali. Dan għala jiġri?
Eklissi solari jseħħ meta l-qamar jiġi bejn ix-xemx u l-art. Biex ix-xemx titgħatta preċiż, id-daqsijiet tax-xemx u tal-qamar skond kif jidhru fl-għajn iridu jkunu bejn wieħed u ieħor l-istess, biex il-qamar ikun jistaʼ jgħatti x-xemx kważi għalkollox. U hekk preċiż jiġri! Għalkemm ix-xemx hi 400 darba akbar mill-qamar fid-dijametru tagħha, hija wkoll kważi 400 darba iktar ’il bogħod mill-art milli hu l-qamar.
Imma d-distanza taʼ l-art mix-xemx, li minħabba fiha x-xemx tidher id-daqs li hi, hija ferm iktar minn sempliċi fattur li bis-saħħa tiegħu jkollna eklissi totali. Hija wkoll kundizzjoni vitali għall-eżistenza tal-ħajja fuq l-art. “Kieku konna xi ftit eqreb jew iktar imbegħdin mix-Xemx,” jgħid Gonzalez, “il-pjaneta Art kienet tkun taħraq wisq jew kiesħa wisq, u b’hekk xejn u ħadd ma kien ikun jistaʼ jgħix fuqha.”
Hemm iktar x’ngħidu. Il-qamar tagħna, li hu kbir mhux ħażin ħdejn l-oħrajn, jgħin il-ħajja fuq din il-pjaneta peress li l-ġibda tal-gravità tagħha żżomm l-art milli tixxengel iżżejjed fuq l-assi tagħha. Xengil bħal dan kieku kien joħloq bidliet esaġerati u katastrofiċi fil-klima. Mela biex ikun hemm il-ħajja fuq l-art, il-ħtieġa hi li jkun hemm distanza xierqa bejn ix-xemx u l-art flimkien maʼ qamar taʼ daqs xieraq; u dan kollu minbarra l-konsiderazzjonijiet l-oħrajn kollha rigward in-natura tax-xemx. X’inhuma l-possibbiltajiet li dan kollu ġara b’kumbinazzjoni?
Kumbinazzjoni?
Ejja ngħidu li int tieħu l-karozza tiegħek għand xi mekkanik tas-sengħa u taʼ l-esperjenza biex jissettjalek il-magna. Dan jagħmel xogħlu b’reqqa kbira, u int toħroġ sodisfatt b’kulma għamel. Kif taħseb li jħossu jekk iktar tard tmur tgħid li l-issettjar tal-magna tal-karozza tiegħek sar b’ċikka jew b’kumbinazzjoni?
Nagħmlu tajjeb jekk nistaqsu l-istess mistoqsija dwar in-natura eċċezzjonali tax-xemx tagħna. Xi xjenzati jridu jbellgħuhielna li l-kompożizzjoni tax-xemx tagħna, l-orbita tagħha, id-distanza tagħha mill-art, u l-karatteristiċi l-oħrajn tagħha ġew kollha sempliċement b’kumbinazzjoni u b’xorti tajba. Jagħmel sens dan? Taħseb int li din hija konklużjoni loġika?
Sewwa sew bħalma l-magna taʼ karozza li tkun kalibrata b’sengħa kbira tgħidilna xi ħaġa dwar it-taħriġ u l-esperjenza tal-mekkanik li jkun ħadem fuqha, hekk ukoll ix-xemx tagħna, fost pjaneti oħrajn li hemm fis-sema, qed tgħidilna xi ħaġa. Il-kwalitajiet eċċezzjonali tal-kewkba l-kbira tagħna, li bis-saħħa tagħhom hawn il-ħajja fuq l-art, iwasslu l-messaġġ ċar li din il-kewkba hija xogħol idejn Disinjatur u Ħallieq li hu intelliġenti u potenti. L-appostlu Pawlu poġġieha hekk: “Il-kobor tiegħu li ma jidhirx, jiġifieri s-setgħa tiegħu taʼ dejjem, u d-divinità tiegħu, huma setgħu jagħrfuh sa mill-ħolqien tad-dinja, permezz tal-ħlejjaq.”—Rumani 1:20.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar tagħrif dwar is-sħaba Oort, ara l-Awake! tat-22 taʼ Lulju, 1999, paġna 26.
[Kumment f’paġna 25]
Huwa biss madwar nofs wieħed minn kull biljun taʼ l-enerġija li toħroġ mix-xemx li jasal sal-pjaneta tagħna
[Stampa f’paġna 24]
Id-distanza taʼ l-art mix-xemx tipproteġiha minn splużjonijiet solari qerrieda bħal din
[Sors]
Paġni 2, 15, u 16: Ritratt tan-NASA
[Stampa f’paġna 25]
Kumbinazzjoni? Id-daqs li jaqbel bejn ix-xemx u l-qamar joħloq eklissijiet spettakolari
[Stampa f’paġna 26]
Kieku l-orbita tax-xemx kienet differenti, xita katastrofika taʼ kometi kienet tkun tistaʼ tibbombardja l-art