LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 4/8 pp. 27-29
  • Jistgħu Jisirqulek l-Identità Tiegħek!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Jistgħu Jisirqulek l-Identità Tiegħek!
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Epidemija taʼ Frodi
  • Jisirqulek Ismek Stess
  • Jisirqulek l-​Isem Tajjeb Tiegħek
  • X’Għandek Tagħmel
  • Jidher li Hemm Xi Soluzzjonijiet fil-​Qrib?
  • Għandu Jkolli Credit Card?
    Stenbaħ!—2000
  • Inħarsu l-Identità Kristjana Tagħna
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kif Tipproteġi Ruħek mill-Frodi
    Stenbaħ!—2004
  • Provvedimenti biex Jgħinuna Nitbiegħdu mid-Demm
    Il-Ministeru tas-Saltna—2003
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 4/8 pp. 27-29

Jistgħu Jisirqulek l-​Identità Tiegħek!

IŻ-​ŻAGĦŻUGĦA bdiet tirċievi messaġġi koroh minn diversi rġiel fuq l-​apparat tagħha li jirrekordja t-​telefonati. Imbagħad wieħed raġel ċemplilha bit-​telefon, u qalilha li kien qed iwieġeb għall-​istediniet indiċenti li kienet għamlet fuq l-​Internet. Imma hi lanqas biss kellha kompjuter. Ħadet ftit żmien sakemm indunat li xi ħadd kien ħa l-​identità tagħha fis-​sistema tal-​kompjuter u kien qed jibgħat dawn ir-​reklami fuq l-​Internet. Mhux hekk biss, imma dan l-​impostur misterjuż kien qed iqassam l-​indirizz tagħha, jagħti d-​direzzjonijiet taʼ fejn kienet toqgħod, u anki jagħti pariri fuq kif wieħed jevita s-​sistema tagħha taʼ l-​allarm!

Il-biċċa l-​kbira minna nafu fiċ-​ċert li aħna għandna identità. Aħna nafu min aħna, u jekk xi ħadd imerina, nistgħu nuruh bil-​provi. Imma l-​affarijiet li taʼ spiss nużaw bħala evidenza taʼ l-​identità tagħna—iċ-​ċertifikat tat-​twelid, in-​numru taʼ l-​identità,a il-​liċenzja tas-​sewqan, il-​passaport, il-​karta taʼ l-​identità, u affarijiet simili—tant qed isir faċli li jiġu falsifikati jew misruqin li sar hemm terminu ġdid għal dan ir-​reat, “serq taʼ l-​identità.”

Epidemija taʼ Frodi

Dan it-​tip taʼ reat huwa komplikat, perikoluż u sottili, u jistaʼ jagħmel ħsara kbira. Il-​vittmi f’daqqa waħda jiskopru li xi ħadd qed itellgħalhom kontijiet kbar, jidħaq bil-​kredituri, u jikkaġuna ħsara oħra f’isimhom. F’xi pajjiżi l-​liġi tipproteġi lill-​vittmi milli jkollhom għalfejn iħallsu dawn il-​kontijiet, imma jistgħu jispiċċaw b’reputazzjoni ħażina u ma jkunux fdati li jħallsu lura d-​dejn tagħhom.

L-aġenziji li jinforzaw il-​liġi, gruppi taʼ konsumaturi, u professjonisti li jkollhom aċċess għar-​rapporti dwar il-​kreditu taʼ xi individwi biex jagħtu parir lill-​kredituri, jirrikonoxxu b’mod ġenerali li s-​serq taʼ l-​identità qed jikkaġuna telf taʼ eluf taʼ miljuni taʼ liri kull sena. M’hemm l-​ebda mezz kif wieħed isir jaf eżattament kemm nies jiġu mqarrqin permezz tas-​serq taʼ l-​identità. Waħda mill-​akbar problemi hija li għandhom mnejn jgħaddu bosta xhur qabel ma individwu jinduna li l-​identità tiegħu tkun insterqet. Għal xi awtoritajiet li jinforzaw il-​liġi, is-​serq taʼ l-​identità jitqies bħala l-​iktar reat li qed jikber malajr fl-​Istati Uniti. F’pajjiżi oħrajn hemm rapporti taʼ problemi simili.

Biex tkompli tgħaxxaqha, il-​ħallelin jafu li s-​serq taʼ l-​identità huwa diffiċli biex jiġi investigat u rari tittieħed azzjoni legali kontrih. Cheryl Smith, investigatriċi speċjali, tgħid kif il-​kriminali ma jqisux dan ir-​reat bħala li jolqot lil xi ħadd b’mod persunali. Il-​vittma tkun xi bank jew ħanut kbir. Huma ma jkunx bi ħsiebhom jagħmlu ħsara lill-​individwu.

Jisirqulek Ismek Stess

Il-​ħallelin taʼ l-​identità ġeneralment jisirqu xi parti importanti jew iktar mill-​informazzjoni persunali dwarek, bħan-​numru taʼ l-​identità jew il-​liċenzja tas-​sewqan. Imbagħad jużaw din l-​informazzjoni biex jagħmluha li taʼ bir-​ruħhom int u jiftħu kontijiet taʼ kreditu f’ismek. Fl-​istess ħin, jagħmlu ċert li kwalunkwe dokumenti li jkollhom x’jaqsmu mal-​kreditu jaslu għandhom flok għand il-​vittma. Huma jonfqu kemm jifilħu flus u kemm jistaʼ jkun malajr. Ma tkunx taf x’inhu jiġri sakemm jibdew iċemplulek l-​aġenziji li jiġbru l-​flus mingħand id-​debituri.

Dawn l-​individwi bla skruplu kif jisirquha din l-​informazzjoni? Faċli ħafna. Taʼ spiss huma jibdew billi jiġbru informazzjoni persunali li ħafna nies jagħtu regolarment meta japplikaw għal xi kreditu jew lil dawk li jipprovaw ibigħulhom xi ħaġa minn fuq it-​telefon. Xi ħallelin saħansitra jipprovaw ifittxu fiż-​żibel—billi jfittxulek fil-​barmil taż-​żibel għal xi karti tal-​bank, tal-​ħlas tad-​dar, jew tal-​kreditu. Xi oħrajn jisirqu l-​posta li jkollha x’taqsam mal-​finanzi mill-​kaxxi taʼ l-​ittri. Xi ħallelin iħufu għall-​informazzjoni minn wara dahrek. Dawn jużaw kameras jew trombi biex jaraw x’numri se jużaw il-​vittmi tagħhom fil-​magni awtomatiċi taʼ ħdejn il-​banek (imsejħin ATMs) jew fit-​telefons pubbliċi. F’xi pajjiżi ħafna mill-​informazzjoni persunali tkun diġà teżisti fil-​qrati, f’dokumenti pubbliċi, jew fuq l-​Internet.

Jisirqulek l-​Isem Tajjeb Tiegħek

Ladarba l-​ħalliel ikollu n-​numru taʼ l-​identità tiegħek, jistaʼ jkollu bżonn jikseb iktar informazzjoni li tidentifikak, bħad-​data tat-​twelid u l-​indirizz u n-​numru tat-​telefon tiegħek. B’din l-​informazzjoni, u forsi b’liċenzja tas-​sewqan falza li jkollha r-​ritratt tiegħu fiha, il-​ħalliel jistaʼ jibda r-​reat tiegħu. Ħalliel jistaʼ jmur hu stess jew jinqeda bil-​posta biex japplika għal kreditu mill-​ewwel, billi jagħmilha taʼ bir-​ruħu li jkun int. Taʼ spiss hu jipprovdi l-​indirizz tiegħu, billi jgħid li jkun mar joqgħod xi mkien ieħor. Peress li jkollhom ġenn biex joħorġu l-​kreditu, dawk li jiċċekkjaw dan mhux dejjem jivverifikaw l-​informazzjoni jew l-​indirizzi.

Għalhekk, ladarba l-​impostur jiftaħ l-​ewwel kont, hu jkun jistaʼ juża l-​kont ġdid tiegħu flimkien maʼ informazzjoni oħra taʼ identifikazzjoni biex ikompli juri kemm hu taʼ min jafdah. B’hekk, ikompli jsir iktar faċli li s-​serqa tikber. Issa dan il-​ħalliel jistaʼ jsir sinjur, u fl-​istess ħin se jirrovina l-​kreditu tiegħek kif ukoll l-​isem tajjeb tiegħek.

Biex tissewwa l-​ħsara li ssir jistaʼ jkun diffiċli, jieħu ż-​żmien, u jkun taʼ dwejjaq għal dak li jkun. Mari Frank, avukata minn Kalifornja, skopriet kemm din tistaʼ tkun ħaġa diffiċli meta impostur kien għamel xi Lm45,000 dejn f’isimha. “Kelli nikteb 90 ittra u nqattaʼ 500 siegħa xogħol biex neħles ismi mit-​tmaqdir,” tgħid hi. Hi kompliet tgħid li kellha ġlieda biex tikseb l-​isem tajjeb tagħha u turi li hi f’sensiha. Tispjega wkoll li tul dan iż-​żmien kollu ma tkunx taf min ikun qed jagħmillek dan, u dawn qatt ma jinqabdu.

X’Għandek Tagħmel

Jekk tispiċċa vittma taʼ xi ħadd li jisraqlek l-​identità tiegħek, hemm ċerti passi li tistaʼ tieħu. L-​ewwelnett, l-​aħjar li tagħmel hu li ċċempel u tavża lid-​diviżjoni tal-​frodi taʼ l-​aġenziji tal-​kreditu fl-​inħawi tiegħek. Imbagħad, ibagħtilhom ukoll stqarrija bil-​miktub, u itlobhom biex jikkuntattjawk ħalli jivverifikaw miegħek meta fil-​futur ikun hemm kredituri li jkunu se jiftħulek kont ġdid magħhom.

Imbagħad, mur agħmel rapport lill-​pulizija. Kun ċert li jkollok kopja tiegħu għax forsi jkollok bżonnha biex tinforma lill-​kredituri.

Trid ukoll tinforma lill-​banek u lill-​kumpaniji tal-​credit cards li għandek x’taqsam magħhom. Anki jekk il-​ħalliel juża informazzjoni misruqa biex jipproduċi credit cards ġodda, ikun jaqbillek jekk terġaʼ tagħmel il-​credit cards tiegħek mill-​ġdid. Ukoll, jekk xi ħadd użalek il-​kontijiet kurrenti u taʼ tfaddil, forsi jkollok tiftaħ kontijiet ġodda. Flimkien maʼ dan, forsi jkollok bżonn tagħmel kards ġodda taʼ l-​ATM u tikseb numri persunali ġodda taʼ identifikazzjoni.

Jidher li Hemm Xi Soluzzjonijiet fil-​Qrib?

Il-​gvernijiet, l-​aġenziji li jinforzaw il-​liġi, u l-​istituzzjonijiet taʼ kreditu qed jipprovaw isibu modi kif jevitaw is-​serq taʼ l-​identità. F’xi nħawi jgħaddu liġijiet biex dan ir-​reat jagħmluh wieħed serju ħafna u liġijiet oħrajn biex jipproteġu aħjar l-​informazzjoni persunali. Ġew proposti li jittieħdu miżuri permezz taʼ teknoloġija sofistikata. Dawn jinkludu li l-​kards ikollhom il-​marki tas-​swabaʼ diġitali fuqhom, u l-​kards taʼ l-​ATM ikunu jagħrfu l-​marki tal-​palma taʼ l-​id jew ir-​ritmu tal-​vuċi. Ukoll, ikun hemm kards kompjuterizzati li jkun fihom informazzjoni persunali li tidentifikak, bħat-​tip taʼ demm u l-​marki tas-​swabaʼ, u kards oħra li jkollhom il-​parti fejn tiffirma ma titħassarx.

Barra minn metodi sofistikati bħal dawn li jintużaw biex jevitaw is-​serq, hemm affarijiet prattiċi li tistaʼ tagħmel biex tipproteġi ruħek. (Ara l-​kaxxa “Kif Tipproteġi Ruħek mis-​Serq taʼ l-​Identità.”) Bi ftit ħsieb minn qabel u jekk tippjana bir-​reqqa, tkun tistaʼ tnaqqas ir-​riskju taʼ serq taʼ l-​identità!

[Nota taʼ taħt]

a F’ħafna pajjiżi ċ-​ċittadini u r-​residenti jkollhom xi tip taʼ numru taʼ l-​identità. Dan ma jintużax biss biex jidentifika lill-​persuni imma wkoll għall-​ħlas tat-​taxxi u għall-​kura medika. Fl-​Istati Uniti ċ-​ċittadini jkollhom in-​numru tas-​Sigurtà Soċjali. It-​termini għal dawn in-​numri taʼ identifikazzjoni jvarjaw minn pajjiż għall-​ieħor.

[Kaxxa f’paġna 29]

Kif Tipproteġi Ruħek mis-​Serq taʼ l-​Identità

● Agħti biss in-​numru taʼ l-​identità meta jkun hemm assolutament il-​bżonn.

● Iġġorrx credit cards żejda, il-​karta taʼ l-​identità, iċ-​ċertifikat tat-​twelid, jew il-​passaport fil-​basket jew fil-​portmoni, ħlief meta jkollok bżonnhom.

● Qabel ma tarmi l-​applikazzjonijiet taʼ kreditu li jkunu diġà ġew aċċettati qattagħhom f’biċċiet żgħar. Agħmel l-​istess bl-​istqarrijiet li tirċievi mill-​bank, il-​kontijiet tat-​telefon, l-​irċivuti tal-​credit card, eċċetra.

● Meta tkun qed tuża xi waħda mill-​magni awtomatiċi taʼ ħdejn il-​banek jew tkun qed tagħmel xi telefonata għal barra bil-​kard tat-​telefon, għatti b’idek. Dawk li jħufu għall-​informazzjoni minn wara dahrek jistgħu jkunu fil-​qrib b’xi tromba jew kamera.

● Ixtri kaxxa taʼ l-​ittri li tissakkar biex tnaqqas ir-​riskju li tinsteraqlek il-​posta.

● Iġbor iċ-​ċekkijiet ġodda mill-​bank flok ma tirċivihom bil-​posta.

● Żomm lista jew fotokopja tan-​numri kollha tal-​kontijiet taʼ kreditu, u żommhom f’post fiż-​żgur.

● Qatt tagħti n-​numru tal-​credit card tiegħek jew informazzjoni persunali oħra fuq it-​telefon sakemm tkun ċert li tistaʼ tafda b’għajnejk magħluqa lill-​kumpanija u tkun int li ċempilt.

● Tgħallem il-​kliem jew in-​numru t’aċċess bl-​amment. Iżżommhomx miktubin fil-​basket jew fil-​portmoni.

● Jekk jistaʼ jkun ara li tikseb regolarment kopja tar-​rapport tiegħek taʼ kreditu.

● Neħħi ismek minn fuq listi promozzjonali mmexxijin minn aġenziji li jagħtu rapporti dwar kreditu u dawk li jagħtu l-​kreditu.

[Stampa f’paġna 28]

Xi ħallelin iħufu għall-​informazzjoni minn wara dahrek. Dawn jaraw x’numri se jużaw il-​vittmi tagħhom fit-​telefons pubbliċi jew fil-​magni awtomatiċi taʼ ħdejn il-​banek

[Stampa f’paġna 29]

Hemm dawk li jfittxu fiż-​żibel biex jisirqu informazzjoni persunali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja