LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 4/8 pp. 30-31
  • Il-Ġenna taʼ l-Art Idea taʼ Kif se Tkun

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġenna taʼ l-Art Idea taʼ Kif se Tkun
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Minn Art Qisha Wiċċ il-​Qamar għal Pajsaġġ Sabiħ
  • “Narawkom fil-Ġenna tal-art!”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ġenna fuq l-art—Ħolma jew realtà?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
  • Għandek Għalxiex Tittama f’Ġenna?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Stenbaħ!—2001
g01 4/8 pp. 30-31

Il-​Ġenna taʼ l-​Art Idea taʼ Kif se Tkun

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FI SPANJA

ĠENERALMENT, l-​iljunfanti, it-​tigri, u l-​għażżiela ma tarahomx jiġġerrew qalb minjieri abbandunati. It-​tħaffir għall-​metalli huwa magħruf li jħalli warajh ambjent imħarbat u bla ħajja, u m’huwiex post addattat bħala refuġju għal annimali li ma jkunux tal-​post.

Imma fil-​Park Naturali taʼ Cabárceno fil-​provinċja Spanjola taʼ Cantabria, esperiment uniku wera li anki l-​iktar post li m’huwiex addattat jistaʼ jissebbaħ u jitbiddel f’wieħed li qisu ġenna taʼ l-​art.

Għal madwar 3,000 sena, Cabárceno kien magħruf għall-​ħadid mhux maħdum taʼ kwalità tajba. In-​nies Ċeltiċi li kienu jaħdmu fil-​minjieri sabu li l-​ossidu tal-​ħadid, li kien jinsab b’mod naturali f’dawk l-​inħawi, setaʼ faċilment jinħadem f’ħadid—metall indispensabbli għall-​għodod u l-​armi tagħhom. Għal ħafna sekli r-​Rumani wkoll għamlu użu tajjeb minn dawn id-​depożiti minerali.

Peress li dan il-​metall mhux maħdum kien fil-​wiċċ, il-​ħaddiema tal-​qedem kienu jaħdmu iebes bil-​pala u l-​fies biex jaqtgħu dan il-​blat li kien mimli ħadid. Fejn ma kinux iħaffru kienu jħallu warajhom mijiet taʼ turretti taʼ blat li ma kienx ikun fih ħadid. Għaldaqstant, bla ma riedu huma ħolqu b’idejhom pajsaġġ mimli kanali, ħofor, u tumbati, xi ħaġa li ġeneralment jagħmilha l-​ilma u mhux in-​nies, f’postijiet fejn ikun hemm il-​ġebla tal-​franka.

Madankollu, bil-​wasla tar-​Rivoluzzjoni Industrijali, il-​makkinarju modern beda jintuża biex iġarraf dak li kien fadal mill-​muntanja ħalli jinstab il-​ħadid prezzjuż li kien għad baqaʼ. Fl-​aħħar, meta l-​gafef kienu ħarġu l-​ġid minerali kollu li kellha x’toffri l-​muntanja, il-​minjiera ngħalqet fl-​1989. L-​unika evidenza li turi l-​wirt industrijali li kien hemm f’Cabárceno huma xi ftit magni msaddin li hemm fid-​daħla tal-​post.

Minn Art Qisha Wiċċ il-​Qamar għal Pajsaġġ Sabiħ

M’hemmx dubju li huwa iktar faċli li pajsaġġ tirrovinah milli tirrestawrah. Mingħajr ma qatgħu qalbhom, l-​awtoritajiet lokali taʼ Cantabria daħlu għall-​isfida li joħolqu park żooloġiku minn pajsaġġ mimli ħofor qisu wiċċ il-​qamar.

Is-suċċess tagħhom kien jiddependi l-​iktar mill-​ħila naturali taʼ l-​art li ssewwi lilha nfisha jekk titħalla żmien biżżejjed biex tistrieħ u tirkupra. Flimkien maʼ dan, il-​ħaddiema ħadmu iebes biex jirranġaw il-​ħsara li saret matul sekli taʼ traskuraġni u sfruttar. Fi ftit snin, tħawlu eluf taʼ siġar, tpoġġiet ħamrija ġdida fil-​wiċċ, il-​ħofor koroh ġew mibdulin f’għadajjar sbieħ, u l-​linji tal-​ħadid minfejn kienu jgħaddu l-​vaguni bdew jintużaw bħala passaġġi minfejn jgħaddu n-​nies. Fl-​aħħar, intgħażlu diversi annimali partikulari u tpoġġew f’parti magħluqa għalihom sabiex il-​bidla tkun kompluta.

Huwa evidenti li s-​600,000 viżitatur li jżuru l-​Park Naturali taʼ Cabárceno jħossu li l-​isforz li sar kellu riżultati tajbin. Kien hemm ħafna nies li mistagħġbin qalu: “Din ġenna taʼ l-​art!” Il-​kelma “ġenna taʼ l-​art” tassew tixraq, ladarba din kienet tintuża mill-​Persjani u l-​Griegi tal-​qedem biex jirreferu għal ġnien kbir mimli sbuħija naturali u msoqqi tajjeb, fejn l-​annimali setgħu jirgħu b’ċerta libertà.

Fi żmien fejn ħafna pajsaġġi naturali ġew rovinati, żgur li tieħu gost iżżur post fejn is-​sbuħija reġgħet bdiet tirrenja. Iktar minn hekk, dak li twettaq fuq skala żgħira f’Cabárceno juri tajjeb x’inhi kapaċi tagħmel din id-​dinja meraviljuża li ngħixu fiha.

Issa l-​orsijiet kannella jitilgħu maʼ rdumijiet li qabel tħaffru mill-​ħaddiema Rumani tal-​minjieri. L-​iljunfanti u l-​għażżiela jirgħu fi pjanuri li jħaddru, li qabel kienu jitħammlu u jitħallew vojta. Frieħ tat-​tigri jimirħu ’l hemm u ’l hawn qalb blat ippontat tal-​granit li naqqxu, bla ma riedu, in-​nies Ċeltiċi bil-​pala u l-​fies. U din il-​bidla seħħet f’temp taʼ ftit snin biss!

Il-Bibbja twiegħed li xi darba, fi qbil maʼ l-​iskop oriġinali t’Alla għall-​umanità, l-​art kollha se ssir ġenna. (Ġenesi 1:28; 2:15; Isaija 65:17, 22-25; Luqa 23:42, 43) Ġonna naturali bħal dak taʼ Cabárceno mhux talli jagħtuna idea taʼ kif se tkun il-​ġenna taʼ l-​art fil-​futur, imma wkoll ifakkruna li din il-​wegħda se sseħħ għax il-​Ħallieq tagħna kapaċi jwettaqha.

[Stampa taʼ paġna sħiħa f’paġna 31]

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 30]

L-​istampi kollha: Parque de la Naturaleza de Cabárceno

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja