Id-Dritt li Għandu Pazjent Biex Jagħżel
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ITALJA
◼ Ix-Xhieda taʼ Ġeħova ma jaċċettawx it-trasfużjonijiet tad-demm. Huma jirrifjutaw minħabba l-kmandi li hemm fil-Bibbja, li l-ewwel wieħed minnhom kien jgħid: “Huwa biss il-laħam b’ruħu—demmu—li ma tistgħux tieklu.” Lill-Kristjani taʼ l-ewwel seklu ntqalilhom sempliċement: ‘Ibqgħu tbiegħdu mid-demm.’—Ġenesi 9:4; Atti 15:29; Levitiku 17:14.
F’Monterenzio, l-Italja, studenti taʼ l-iskola sekondarja ntalbu jiktbu komponiment dwar l-importanza taʼ li jingħata d-demm. Fost dawk l-istudenti kien hemm Benedetta, waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova, li kitbet dan li ġej:
“Huwa fatt magħruf sew li x-Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw it-trasfużjonijiet tad-demm minħabba li jżommu mal-prinċipji tal-Bibbja, imma dan ma jfissirx li ma jaċċettawx kuri oħrajn. Fil-fatt, ix-Xhieda taʼ Ġeħova jibżgħu għal saħħithom. Huma jistinkaw biex isibu l-aqwa kura medika disponibbli għalihom infushom u għal uliedhom. Huma jixtiequ verament jikkooperaw mat-tobba, bil-kundizzjoni li t-twemmin tagħhom jiġi rispettat.”
Imbagħad, Benedetta żiedet: “Kull pazjent għandu d-dritt li jagħżel il-kura li jemmen li hi l-aqwa għalih, id-dritt li jiġi rispettat, u d-dritt li jkun jaf ir-riskji u l-benefiċċji tal-kura li se jieħu.”
Il-fergħa taʼ l-AVIS (Assoċjazzjoni tad-Donaturi tad-Demm Taljani) f’Monterenzio premjat lill-istudenti li esprimew ruħhom bl-aħjar mod dwar kif iħossuhom personalment dwar is-suġġett. Rapport fir-rivista Monterenzio Vivace qal: “Irreferew b’mod speċjali għal Benedetta Barbi minħabba l-komponiment tagħha li kien jesprimi opinjoni differenti minn tal-maġġuranza—il-kontenut kien l-oppost tal-pożizzjoni li tieħu l-AVIS—imma li permezz tiegħu l-istudenta setgħet tesprimi t-twemmin tagħha b’mod moderat u bl-edukazzjoni kollha.”
Avolja l-waqfa tax-Xhieda taʼ Ġeħova dwar id-demm “hija differenti minn tal-maġġuranza,” ħafna tobba issa jaraw il-valur tal-pożizzjoni tagħhom. Il-waqfa tax-Xhieda inkuraġġiet l-użu t’għadd taʼ proċeduri mediċi ġodda li jnaqqsu t-telf tad-demm waqt l-operazzjoni. Dan irriżulta f’benefiċċji kemm għall-pazjenti li huma Xhieda u kemm għal dawk li m’humiex. M’għandniex xi ngħidu, ir-raġuni prinċipali għala x-Xhieda taʼ Ġeħova jirrifjutaw id-demm għandha bażi soda fil-Bibbja, bħalma ġie notat fl-introduzzjoni.
Meta x-Xhieda taʼ Ġeħova jerġgħu jżuruk f’darek, għala ma tistaqsihomx dwar il-ħarsa tal-Ħallieq lejn id-demm? Huma se jkunu ħerqanin jiddiskutu miegħek, u dan se jagħmluh “b’rispett profond.”—1 Pietru 3:15.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 30]
GĦAL IKTAR INFORMAZZJONI
Bl-għajnuna taʼ ħafna esperti rikonoxxuti, id-DVD Transfusion Alternatives jesplora l-prinċipji mediċi, legali, u etiċi rigward l-alternattivi għat-trasfużjonijiet tad-demm. Dan hu disponibbli mingħand ix-Xhieda taʼ Ġeħova.