Agħti lil Uliedek Bidu Tajjeb f’Ħajjithom
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-KANADA
◼ “It-televixin jistaʼ jkun għodda meraviljuża taʼ tagħlim,” jgħid rapport f’The New York Times. Madankollu, “it-tfal li għal sigħat sħaħ jgħaddu l-ħin quddiem it-televixin qed jibdew ibatu l-konsegwenzi fiżikament u mentalment,” għaliex dan jisirqilhom l-opportunitajiet li jistgħu jinkuraġġuhom jitgħallmu, jissieħbu m’oħrajn, u jkunu kreattivi.
Wara li r-riċerkaturi fi Sptar tat-Tfal f’Seattle, Washington, l-Istati Uniti, studjaw l-ammont taʼ ħin li 2,500 tifel u tifla jqattgħu jaraw it-televixin, “sabu li iktar mat-tfal taʼ bejn is-sena u t-tliet snin jaraw televixin, iktar għandhom riskju li jkollhom problemi fl-attenzjoni meta jkollhom seba’ snin,” tgħid il-gazzetta. Tfal bħal dawn isiru dejjem iktar aggressivi u bla paċenzja u joqogħdu inqas attenti. Skond Dr. Jane M. Healy, psikologa fil-qasam taʼ l-edukazzjoni, “ħafna ġenituri tat-tfal li nstab li għandhom diżordni fl-attenzjoni tagħhom raw li d-diffikultà tjiebet bil-kbir wara li neħħewlhom il-privileġġi taʼ li jaraw it-televixin.”
X’jistgħu jagħmlu l-ġenituri biex inaqqsu l-ħin li wliedhom iqattgħu jaraw it-televixin? Ir-rapport offra s-suġġerimenti li ġejjin: Poġġi limiti fuq meta u għal kemm ħin it-tfal tiegħek jistgħu jaraw it-televixin kuljum. Tużax it-televixin bħala babysitter. Minflok, involvi lil uliedek fix-xogħol tad-dar kemm jistaʼ jkun. Agħżel il-programmi li jistgħu jaraw uliedek, u itfi t-televixin meta jispiċċaw il-programmi li tkun għażilt. Kulmeta jkun possibbli, ara l-programmi magħżulin ma’ wliedek u tkellmu dwar dak li taraw. Fl-aħħar, illimita kemm tara televixin int stess.
Trid il-ħin, id-determinazzjoni, u d-dixxiplina fuqek innifsek biex tinkuraġġixxi l-kreattività f’uliedek u biex tgħallimhom jingwalawha m’oħrajn. Ir-riżultati pożittivi jagħmlu l-isforz wieħed siewi. Il-verità taʼ dan il-kliem tintwera minn proverbju tal-qedem li jgħid: “Ħarreġ tifel skond it-triq xierqa għalih; lanqas meta jixjieħ ma jwarrab minnha.” (Proverbji 22:6) Parti fundamentali minn taħriġ bħal dan tinvolvi li t-tfal jiġu mgħallmin valuri morali xierqa.
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jużaw b’suċċess il-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir biex jgħallmu sew lil uliedhom dwar l-imġiba li hi aċċettabbli. Tabilħaqq, il-komunikazzjoni tajba u l-attenzjoni bi mħabba mill-ġenituri minn meta t-tfal ikunu għadhom żgħar żgur li jaħsdu barkiet dejjiema. X’jistaʼ jkun iktar sodisfaċenti għall-ġenituri milli jaraw lil uliedhom jikbru f’adulti rispettati u responsabbli?