Minn Uffiċjal tal-SS Għal Qaddej tal-Alla l-Veru
Kif rakkontata minn Gottlieb Bernhardt
Jien kont naqdi bħala uffiċjal fl-SS tal-Ġermanja. Kont wieħed mill-gwardji taʼ grad għoli taʼ Hitler fil-Kastell taʼ Wewelsburg. F’April tal-1945, irċivejt ordni biex noqtol xi priġunieri f’kamp tal-konċentrament fil-qrib. Dawn kienu Xhieda taʼ Ġeħova. L-SS kienu jesiġu ubbidjenza assoluta lejn l-awtorità. Bla mistenni, sibt ruħi bejn ħaltejn jekk nobdix din l-ordni jew jekk nagħmilx dak li kont naf li hu tajjeb. Ħa nispjega għalfejn.
JIEN twilidt fl-1922, f’raħal viċin ix-Xmara Renu fil-Ġermanja. Għalkemm f’dawn l-inħawi kien hemm ħafna nies Kattoliċi ferventi, il-familja tagħna kienet tagħmel parti minn moviment reliġjuż imsejjaħ Pjetiżmu li oriġina fis-seklu 17. Fl-1933, meta kelli 11-il sena, Hitler telaʼ fil-gvern fil-Ġermanja. Ftit snin wara, minħabba li kont nispikka fl-istudji akkademiċi kif ukoll fl-isports, ġejt magħżul biex nattendi akkademja qrib il-belt taʼ Marienburg, illum Malbork, fil-Polonja. Hawnhekk, mijiet taʼ kilometri ’l bogħod mid-dar, kont involut sew fl-ideoloġija tas-Soċjalisti Nazzjonali, jew tan-Nazisti. L-istudenti kienu jiġu mgħallmin affarijiet bħall-unur, il-bżulija, il-lealtà, l-ubbidjenza, is-sens taʼ dmir, u r-rispett riverenzjali għall-wirt Ġermaniż tagħna.
It-Tieni Gwerra Dinjija u l-SS
Meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija fl-1939, jien inktibt fil-Leibstandarte SS Adolf Hitler, diviżjoni militari speċjali taħt il-kmand persunali taʼ Hitler. Din id-diviżjoni kienet tipprovdi gwardji persunali għall-uffiċjali tal-gvern, u kienet tintuża għal ħidmiet militari speċjali. Jien rajt battalji jiġu miġġielda fil-Belġju, fi Franza, fl-Olanda, fir-Rumanija, fil-Bulgarija, u fil-Greċja. Waqt li kont il-Bulgarija, attendejt funzjoni reliġjuża li tmexxiet minn qassis tal-armata. Jien għedt bejni u bejn ruħi, ‘Tgħid l-għadu qed jagħmel l-istess funzjonijiet?’ Ukoll, staqsejt lili nnifsi: ‘Alla jitfaʼ l-barka tiegħu fuq il-gwerer? Hu jżomm maʼ xi naħa jew m’oħra?’
Wara ftit, ġejt magħżul biex nattendi l-Junkerschule, akkademja għal irġiel żgħażagħ li fil-futur kienu se jokkupaw karigi għoljin fil-militar. Imbagħad, ġejt inkarigat f’diviżjoni li tgħasses il-kwartieri ġenerali tar-Reich f’Berlin, fejn darba rajt lil Hitler jgħajjat kemm jiflaħ quddiem in-nies maʼ politikant f’kariga għolja. Jien għedt bejni u bejn ruħi, ‘X’għarukaża, kif qed jaġixxi!’ Iżda ma ssograjtx ngħid hekk b’leħen għoli.
F’Berlin, iltqajt maʼ Inge, li wkoll kienet taħdem fil-kwartieri ġenerali. Il-ġurnata tat-tieġ tagħna kienet qed toqrob. Kien proprju f’dan iż-żmien li bħala diviżjoni ntbgħatna ħabta u sabta bl-ajru għall-gwerra fir-Russja mingħajr lanqas biss kellna ħwejjeġ adattati għax-xitwa! Minħabba din is-sitwazzjoni, aħna s-suldati bqajna xxokkjati għax fix-xitwa tal-1941/1942, it-temperaturi niżlu iktar minn 30 grad Celsius taħt iż-żero. Kien hawnhekk li ngħatajt it-tieni Salib tal-Ħadid. Imbagħad, wara li ġejt ferut serjament, intbgħatt lura l-Ġermanja bl-ajru. Jien u Inge żżewwiġna fl-1943.
Għall-inkarigu li kien imiss intbgħatt fil-kwartieri ġenerali taʼ Hitler f’Obersalzberg, fil-muntanji tal-Bavarja. F’dawn il-kwartieri kien hemm ukoll Heinrich Himmler, il-kap tal-SS li rranġali biex inkun taħt il-kura taʼ Felix Kersten, li kien it-tabib persunali tiegħu u li kien ukoll jagħmillu l-massaġġi. Iktar tard, sirt naf li Kersten kellu proprjetà bl-isem taʼ Hartzwalde, qrib Berlin. Lejn l-aħħar tal-gwerra, hu talab lil Himmler biex iħalli lix-Xhieda taʼ Ġeħova li kienu f’kamp tal-konċentrament fil-qrib biex imorru jaħdmu fil-proprjetà tiegħu. Himmler qabel, u Kersten ittratta lix-Xhieda b’rispett. Xhud li kien jaħdem għal Kersten fl-Isvezja dejjem kien ipoġġi kopja tat-Torri tal-Għassa fil-bagalja taʼ Kersten għax-Xhieda fil-Ġermanja.a
Meta ltqajt max-Xhieda taʼ Ġeħova
Lejn tmiem is-sena 1944, Himmler inkarigani bħala l-assistent persunali taʼ ġeneral tal-SS li kien kmandant tal-Kastell taʼ Wewelsburg. Dan il-kastell kien fortizza li nbniet 400 sena ilu, qrib il-belt taʼ Paderborn. Himmler ippjana li jagħmel Wewelsburg ċentru għall-ideoloġija tal-SS. Maġenb il-fortizza kien hemm kamp tal-konċentrament żgħir imsejjaħ Niederhagen, li kien jilqaʼ kategorija speċjali taʼ priġunieri—ix-Xhieda taʼ Ġeħova, li kienu jissejħu wkoll Studenti tal-Bibbja.
Priġunier jismu Ernst Specht kien jiġi diversi drabi biex idewwili l-ġrieħi. “L-għodwa t-tajba Sir,” kien jgħidli.
“Għalfejn ma tgħidx ‘Heil Hitler!’?” Staqsejtu jien b’leħen sod.
Hu wiġibni bit-tattika billi staqsieni, “Int ġejt imrobbi bħala Kristjan?”
“Iva,” għedtlu. “Jien trabbejt bħala Pjetist.”
Hu ssokta jgħidli, “Allura int taf li l-Bibbja twiegħed salvazzjoni (heil) permezz taʼ persuna waħda biss—Ġesù Kristu. Huwa għalhekk li ma nistax ngħid ‘Heil Hitler!’”
Bqajt skantat u impressjonat, u b’hekk staqsejtu, “Int għaliex qiegħed hawn?”
“Jien Student tal-Bibbja,” qalli hu.
Il-konversazzjonijiet maʼ Ernst u maʼ Xhud ieħor, Erich Nikolaizig, li kien jaħdem bħala parrukkier, messewli qalbi. Imma diskussjonijiet bħal dawn kienu projbiti, u l-fizzjal kmandant ordnali biex nieqaf. Madankollu, ħassejt li kieku kulħadd fil-Ġermanja—l-hekk imsejjaħ pajjiż Kristjan fejn miljuni taʼ nies huma membri tal-knisja—ġab ruħu bħax-Xhieda, ma kienx ikun hemm gwerra. Jien kont tal-fehma li dawn huma nies li għandhom jiġu ammirati u mhux persegwitati.
Matul dan iż-żmien, ċemplet armla li ma kinitx taf fejn se taqbad tagħti rasha biex titlob trasport għal binha li kien jeħtieġ li ssirlu operazzjoni tal-appendiċite b’urġenza. Minnufih ordnajt it-trasport iżda l-fizzjal kmandant tiegħi kkanċella l-ordni. Għala? Għax żewġha kien ngħata l-mewt peress li kien membru taʼ grupp taʼ nies li f’Lulju tal-1944 ipprovaw jassassinaw lil Hitler. It-tifel miet u jien ma stajt nagħmel xejn dwar dan. Din il-ġrajja għadha fuq il-kuxjenza tiegħi sal-ġurnata tal-lum.
Għalkemm kelli ftit iktar minn 20 sena, bdejt nara l-ħajja kif tassew hi u mhux bħalma pinġewha n-Nazisti fil-propaganda tagħhom. Fl-istess ħin, l-ammirazzjoni tiegħi lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova u lejn it-tagħlim tagħhom żdiedet. Din imbagħad wasslitni biex nieħu l-iktar deċiżjoni drammatika taʼ ħajti.
F’April tal-1945, kienu resqin l-armati tal-Alleati, u l-uffiċjal taʼ fuqi ħarab minn Wewelsburg. Imbagħad waslet diviżjoni b’ordnijiet mingħand Himmler biex tinqered il-fortizza u biex jinqatlu l-priġunieri. Il-kmandant tal-kamp tal-konċentrament fil-qrib tani lista tal-priġunieri li kellhom jingħataw il-mewt—kollha Xhieda. Għala? Kien jingħad li dawn kienu jafu fejn jinsabu t-teżori tal-arti misruqin mit-Tielet Reich, xogħlijiet tal-arti li mid-dehra kienu nħbew f’xi ftit mill-bini. Dan is-sigriet ma setax jinkixef! Allura x’kelli nagħmel dwar l-ordni biex jingħataw il-mewt?
Jien avviċinajt lill-kmandant tal-kamp u għedtlu: “Ġejjin it-truppi Amerikani. Ma taħsibx li jkun għaqli għalik u għan-nies tiegħek li titilqu?” Ma tantx dam jaħsibha! Imbagħad, jien għamilt xi ħaġa li uffiċjal tal-SS lanqas biss għandha tgħaddilu minn rasu li jagħmel—m’obdejtx ordni. B’hekk, ix-Xhieda baqgħu ħajjin.
Onorat li Nkun Ħuhom
Wara l-gwerra, jien u Inge kkuntattjajna lix-Xhieda taʼ Ġeħova u bdejna nistudjaw il-Bibbja bis-serjetà. Xhud jisimha Auguste, flimkien maʼ xi wħud oħrajn, għenuna nagħmlu dan. Kemm minħabba li kont ġejt ferut fil-gwerra u kemm minħabba l-perijodu iebes taʼ wara l-gwerra, il-ħajja kienet diffiċli. Jien u marti xorta waħda ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova u tgħammidna—jien fl-1948, u Inge fl-1949.
Fis-snin 50, bosta Xhieda li kienu f’Wewelsburg matul il-gwerra marru lura hemmhekk għal riunjoni. Dawn kienu jinkludu lil Ernst Specht, Erich Nikolaizig, u priġunier leali ieħor, Max Hollweg. Jien inħossni tassew onorat li nissejjaħ ħuhom, għax dawn l-irġiel qalbenin li jaqdu lil Alla kienu ssograw ħajjithom biex jagħtuni xhieda. Preżenti wkoll għar-riunjoni kien hemm Martha Niemann li kienet taqdi bħala segretarja f’Wewelsburg. Anki hi kienet baqgħet tassew impressjonata bil-kondotta tax-Xhieda u kienet saret qaddejja dedikata taʼ Ġeħova.
Meta nħares lura lejn is-snin, nara bosta evidenza li “d-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa taʼ [Satana x-Xitan]”—xi ħaġa li ma kontx nifhem bħala żagħżugħ bla esperjenza u li kelli l-ideali tiegħi. (1 Ġwanni 5:19) Ukoll, nara ċar id-differenza bejn li naqdi lil reġimi tiranniċi, bħalma kien taʼ Hitler, u li naqdi lil Ġeħova. Dawn tal-ewwel jesiġu li nobduhom b’għajnejna magħluqin, filwaqt li Ġeħova jridna naqduh sforz l-imħabba bbażata fuq l-għarfien eżatt dwar il-personalità u l-iskopijiet tiegħu, bħalma huwa rivelat fil-Bibbja. (Luqa 10:27; Ġwanni 17:3) Tabilħaqq, Ġeħova huwa l-wieħed li se naqdi sakemm indum ħaj.
[Nota taʼ taħt]
a Ara It-Torri tal-Għassa bl-Ingliż, tal-1 taʼ Lulju, 1972, paġna 399.
[Stampa f’paġna 27]
Ritratt tat-tieġ tagħna fi Frar tal-1943
[Stampa f’paġna 27]
Il-Kastell taʼ Wewelsburg kellu jiġu mibdul f’ċentru għall-ideoloġija tal-SS
[Stampa f’paġna 28]
Maʼ marti Inge llum