LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/10 pp. 24-26
  • Għala Tlaqt Karriera li Trendi l-Flus

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala Tlaqt Karriera li Trendi l-Flus
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Sirt Inħobb lil Ġeħova
  • Bdejt Nagħmel Bidliet f’Ħajti
  • L-​Isfidi u l-​Barkiet
  • Għażla li Qatt Ma Ddispjaċieni li Għamilt
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Hemm Miktub li Ħa Narah
    Stenbaħ!—2005
  • Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
    It-Torri tal-Għassa: Il-Bibbja Tbiddel il-Ħajjiet
  • Kont mimli rabja u vjolenti
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2016
Stenbaħ!—2010
g 10/10 pp. 24-26

Għala Tlaqt Karriera li Trendi l-​Flus

Kif Rakkontata Minn Martha Teresa Márquez

MINN dejjem kont inħobb inkanta, u saħansitra kont inkanta fuq ir-​radju meta kont żgħira. L-​iskola mort għal ftit snin biss, iżda iktar tard kont inħarreġ il-​vuċi tiegħi permezz taʼ lezzjonijiet li kont nieħu f’Mexico City, għand id-​direttur tal-​orkestra sinfonika tal-​pajjiż.

Fl-​1969, meta kelli 24 sena, ħabiba tiegħi li kienet żeffiena stidnitni biex immur għal awdizzjoni fil-​La Rampa Azul, li dak iż-​żmien kien bar u restorant prestiġjuż. Jien kantajt il-​famuża Cucurrucucú Paloma tal-​kompożitur Messikan Tomás Méndez, u ntgħoġbot ferm min-​nies fl-​udjenza. Proprju dan kien il-​bidu tal-​karriera professjonali tiegħi. Kont inkanta bħala solista bl-​isem taʼ Romelia Romel.

Ħdimt maʼ Tomás Méndez, kif ukoll m’awturi u kantanti bravi oħrajn, inkluż Cuco Sánchez u Juan Gabriel. Kemm kien eċċitanti li nara ismi fuq it-​tabelli mdawlin, fil-​gazzetti, u fir-​rivisti. Kont inkanta fid-​diskoteki, fuq ir-​radju, u f’kunċerti li tellajt fil-​Messiku u fil-​Belize. Ħdimt ukoll maʼ Leonorilda Ochoa, kummidjanta popolari Messikana, meta l-​programm televiżiv tagħha kien għadu relattivament ġdid fil-​Messiku.

Maż-​żmien kont ksibt ċertu ammont taʼ fama u kont naqlagħha tajjeb—tant li stajt ingawdi ħafna affarijiet lussużi, bħalma huma l-​ġojjelli, il-​kowtijiet tal-​mink, u appartament lussuż. Kien jidher li kelli kollox, imma ma kontx ferħana. Kont inħoss ċertu vojt f’ħajti. Għalkemm trabbejt bħala Kattolika Rumana, kont nistħi mmur il-​knisja. Kont inħossni maħmuġa wisq minħabba l-​ħajja immorali li kont ngħix.

Kif Sirt Inħobb lil Ġeħova

Waqt li kont qed nirriħersja l-​ewwel kanzunetta tiegħi, ftaħt qalbi maʼ ħabiba, kantanta tar-​ranchera li jisimha Lorena Wong. Għedtilha li xtaqt nidħol soru u ngħin lil dawk inqas ixxurtjati minna. “Soru? Int miġnuna!” qaltli hi mibluha.

Imbagħad staqsietni: “Taf x’inhu l-​isem t’Alla?”

“Il-​Mulej Ġesù Kristu,” wiġibt jien.

“Le, ismu hu Ġeħova,” qaltli. “Ġesù huwa Ibnu.”

“Ġeħova?” staqsejtha. Lanqas qatt ma kont smajt bih dan l-​isem. Lorena tatni Bibbja u wegħditni li se tibgħat lill-​għalliem tagħha, li kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, biex iżurni.a

Kull darba li kont nara lil Lorena kont nistaqsiha, “Meta se tibagħtu għandi l-​għalliem tiegħek?” Kont bil-​ġuħ spiritwalment.

Sadanittant, bdejt naqra l-​Bibbja waħdi u rajt li l-​isem t’Alla kien tassew Ġeħova. (Salm 83:18) Bqajt skantata. Qrajt ukoll l-​Għaxar Kmandamenti u laqatni l-​kmandament li jgħid: “Tagħmilx adulterju.” (Eżodu 20:14) Dak iż-​żmien, kont qed ngħix maʼ raġel miżżewweġ li kien missier it-​tifel tiegħi taʼ tmien xhur. Din it-​tarbija kienet it-​tieni wild tiegħi. Qablu kelli tifel żgħir ieħor minn raġel differenti li, ukoll, qatt ma kien żewġi.

Darba minnhom, waqt li kont qed nirriħersja kanzunetta, smajt taħbita fuq il-​bieb tal-​appartament tiegħi. Kien Mauricio Linares—l-​għalliem taʼ Lorena, flimkien maʼ martu. Dawn urewni x’inhu l-​iskop t’Alla għall-​umanità u ħallewli l-​ktieb Il-​Verità li Twassal għal Ħajja Eterna.b Qrajtu kollu f’lejl wieħed biss, avolja kelli nagħmel sforz biex nifhem il-​kliem li kien iktar diffiċli. Kien proprju minn dakinhar li bdejt inħobb lil Ġeħova.

Bdejt Nagħmel Bidliet f’Ħajti

Hekk kif ix-​Xhieda għenuni nistudja l-​Bibbja u ntejjeb il-​qari tiegħi, irrealizzajt li sabiex nogħġob lil Ġeħova kelli nagħmel bidliet f’ħajti. Bdejt neħles mix-​xbihat, mid-​domni, u mill-​pendenti li jġibu r-​risq, avolja kienu tad-​deheb.

Sibtha diffiċli b’mod speċjali biex naqtaʼ s-​sigaretti u x-​xorb żejjed. Meta kont ngħaddi minn quddiem xi ħanut tax-​xorb kienet tiġini l-​leblieba. Kelli nieqaf nagħmilha maʼ sħabi għax dawn kienu joffruli xorb alkoħoliku u jistidnuni mmur niekol magħhom ikel fin f’restoranti lussużi. Kont naf li bla dubju dan kien se jwassal għall-​abbuż tal-​alkoħol.

Kien ukoll diffiċli għalija li ma nibqax immur parties taʼ nies sinjuri u famużi. Meta ġejt mistiedna għall-​party taʼ għeluq is-​snin taʼ bokser Kuban magħruf sew, bdejt nitlob: “Dan tal-​aħħar u mbagħad daqshekk, Ġeħova. Qatt iktar mhu se nerġaʼ mmur party ieħor bħal dan jew inġib ruħi b’mod li int ma tapprovax.” U qatt iktar m’għamilt hekk.

Temmejt ir-​relazzjoni tiegħi maʼ missier it-​tieni tifel li kelli, minkejja l-​ġid kollu tiegħu u dak kollu li wegħedni li jagħtini jekk ma nitilqux. Kien diffiċli ħafna għalija li nitilqu għax kont inħobbu—u hu kien jaf. Ċert minnu nnifsu u b’arroganza qalli: “Jien Alla tiegħek! Jien il-​Kristu tiegħek!”

Jien wiġibtu: “Forsi veru hekk kont għalija fil-​passat, iżda issa Ġeħova hu Alla tiegħi.” Hu heddidni li jiħodli lil ibni, li kien ibnu wkoll, u li jagħmilli l-​ħsara fiżikament.

Dak iż-​żmien, xi wħud kienu jgħiduli li l-​kant kien sempliċement karriera bħal kwalunkwe karriera oħra, jiġifieri li jien stajt inkun Xhud u kantanta fl-​istess ħin. Madankollu, oħrajn kienu jfakkruni u jgħiduli, “M’intix se jkollok xi ħajt madwarek li jipproteġik mit-​tipjip, mix-​xorb, u mill-​proposti immorali tal-​ammiraturi tiegħek.” Irrealizzajt li dan il-​parir kien wieħed għaqli.

Meta kont kantanta popolari, in-​nies kienu jipprovaw iħallsuni għal skopijiet immorali. Kont determinata li ma nesponix ruħi iktar għal tentazzjonijiet bħal dawn. Għalhekk, fl-​1975 ħassart il-​kuntratt li kelli biex intellaʼ kunċerti fiċ-​Ċina, u sitt xhur wara tgħammidt bħala waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

L-​Isfidi u l-​Barkiet

Kif kont se mmantni lili nnifsi u lill-​familja tiegħi? Tistaʼ tgħid li ftit li xejn kelli skola u ma kont naf nagħmel xejn ħlief inkanta. Oħti Irma, li kienet akbar minni, it-​tliet uliedha, u ż-​żewġ ulied subien tiegħi, kienu kollha jiddependu minni. Kellna nitilqu mill-​appartament lussuż, li kien jiswa ħafna flus, biex immorru noqogħdu f’żewġ gabubi. Il-​bidla drastika minn ħajja taʼ lussu għal ħajja taʼ ċaħda kienet verament taʼ sfida. Għal xi żmien, oħti u t-​tfal kienu jitfgħu t-​tort kollu fuqi u jagħmluli pressjoni biex inkompli nkanta. Iżda jien bqajt determinata li nagħmel dak li kelli bżonn nagħmel biex naqdi lil Ġeħova.

Bdejt inbigħ l-​oġġetti taʼ valur li kelli—il-​ġojjelli, il-​kowtijiet tal-​fer, il-​karozza tiegħi—u konna ngħixu bil-​flus li ġbart minn fuqhom. Maż-​żmien, dawn il-​flus taru. Sabiex naħrab mill-​persekuzzjoni li kien jagħmilli missier it-​tieni iben tiegħi, fl-​1981 morna noqogħdu f’belt li tinsab in-​naħa l-​oħra tal-​pajjiż, u b’hekk hu ma setax isibna.

Hawnhekk, ix-​Xhieda għallmuni kif nagħmel it-​tamales, id-​doughnuts, u xi ikel ieħor li stajt inbigħ. Imbagħad, sibt xogħol ġo fabbrika u kont naħdem bil-​lejl. Iżda dan ix-​xogħol kien qed jeffettwa l-​attendenza tiegħi għal-​laqgħat Kristjani u s-​servizz tiegħi lil Alla. Għalhekk, eventwalment tlaqt mix-​xogħol u bdejt nagħmel it-​tamales id-​dar. Imbagħad, kont inpoġġihom f’basktijiet u mmur inbigħhom fit-​triq. B’dan il-​mod, stajt immantni lili nnifsi fis-​servizz full-​time.

Għażla li Qatt Ma Ddispjaċieni li Għamilt

Meta n-​nies jistaqsuni kif inħossni minħabba li tlaqt il-​karriera promettenti li kelli bħala kantanta, ngħidilhom li l-​għarfien tiegħi dwar Ġeħova u l-​fehma dwar l-​iskopijiet meraviljużi tiegħu ma nbiddilhom maʼ xejn. Kienet l-​għaxqa tiegħi nara lil uliedi jagħmlu progress fl-​għarfien tal-​Bibbja, jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova, u mbagħad jiżżewġu nisa tal-​istess twemmin. Iż-​żewġ uliedi, bl-​għajnuna tan-​nisa tagħhom, qed irabbu lil uliedhom biex jaqdu lil Alla tagħna, Ġeħova.

Ilni naqdi bħala pijuniera, bħalma x-​Xhieda taʼ Ġeħova jsejħu lil dawk li jaqdu fix-​xogħol tal-​ippritkar full-​time, għal kważi 30 sena. Bl-​għajnuna t’Alla stajt ngħin lil bosta nies, inkluż lil Irma u lil bintha, jitgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja u jiddedikaw ħajjithom lil Alla. Huwa taʼ ferħ kbir li tiltaqaʼ maʼ “wlied spiritwali” bħal dawn u tara li għadhom mexjin fil-​verità. Ħafna minnhom jaqdu saħansitra bħala pijunieri. (3 Ġwanni 4) Illum, fl-​età taʼ 64 sena, qed nikkonduċi 18-​il studju tal-​Bibbja m’oħrajn.

Il-​vojt spiritwali li kont inħoss meta kont kantanta żagħżugħa mtela, u x-​xewqa li ngħin lil oħrajn ġiet sodisfata għax obdejt il-​kmand taʼ Ġesù biex ‘immorru u nagħmlu dixxipli.’ (Mattew 28:19, 20) Kemm jien grata li matul dawn is-​snin kollha Ġeħova kien, u għadu, jappoġġani! Tassew ‘doqt u rajt li Ġeħova hu tajjeb.’—Salm 34:8.

[Noti taʼ taħt]

a Iktar tard, Lorena Wong saret waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

b Pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, iżda m’għadux jiġi stampat.

[Stampa f’paġna 25]

Maʼ wliedi, in-​nisa tagħhom, u oħti akbar minni, li magħha għadni naqdi bħala pijuniera

[Stampa f’paġna 26]

Għadni nagħmel it-​“tamales” u nbigħhom fit-​triq biex immantni lili nnifsi fil-​ministeru “full-​time”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja