SUĠĠETT PRINĊIPALI
Tmiem għall-Vjolenza Domestika
L-1 Xena: Il-ġenituri taʼ Isabela qed iżuru lil binthom u lil żewġha. Huma jqattgħu lejla pjaċevoli flimkien u jkollhom konversazzjoni sabiħa. Liema ġenituri ma jħossuhomx kburin bir-raġel tat-tifla? Kemm hu qalbu tajba magħha!
It-2 Xena: Frank jinsab imbaqbaq. Għal darb’oħra, hu se jisfoga bħas-soltu—li għalih ifisser li lil martu jagħtiha bil-ponn f’wiċċha, jagħtiha bis-sieq, jiġbdilha xagħarha, jew ripetutament isabbtilha rasha mal-ħajt.
FORSI tinħasad meta ssir taf li dawn iż-żewġ xeni huma dwar l-istess koppja.
Dawk li jikkommettu l-vjolenza domestika normalment juru żewġ personalitajiet
Bħal ħafna minn dawk li jikkommettu l-vjolenza domestika, Frank jaf kif jilgħabha tal-qaddis meta oħrajn ikunu qed jarawh jew meta jkun mal-kunjati. Imma meta jkun waħdu maʼ martu, Frank ikun kattiv immens.
Bosta rġiel bħal Frank trabbew f’familji vjolenti, u bħala adulti jaħsbu li l-imġiba tagħhom hi aċċettabbli—saħansitra normali. Imma l-vjolenza domestika xejn mhi normali. Huwa għalhekk li l-biċċa l-kbira min-nies jitkexkxu meta jsiru jafu li raġel ikun sawwat lil martu.
Minkejja dan, il-vjolenza domestika hi komuni b’mod allarmanti. Pereżempju, fl-Istati Uniti, stħarriġ wera li matul ġurnata waħda, aġenziji li jaħdmu kontra l-vjolenza domestika madwar il-pajjiż jirċievu medja taʼ iktar minn 16-il telefonata kull minuta. Il-vjolenza domestika hi epidemija mifruxa mad-dinja kollha li tistaʼ tinstab f’kull grupp kulturali, ekonomiku, u soċjali. Ladarba ħafna inċidenti ma jiġux rapportati, bla dubju s-sitwazzjoni hi agħar milli juru l-istatistiki.b
Rapporti tal-vjolenza domestika jqajmu dawn il-mistoqsijiet: Kif jistaʼ raġel jasal sal-punt li jittratta lil xi ħadd—aħseb u ara lil martu—b’mod daqstant ħażin? Jistgħu l-irġiel li jsawtu lin-nisa tagħhom jingħataw għajnuna?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova, il-pubblikaturi taʼ din ir-rivista, jemmnu li l-pariri prattiċi tal-Bibbja jistgħu jgħinu lill-irġiel vjolenti jbiddlu l-imġiba tagħhom. Huwa faċli li jagħmlu dan? Le. Huwa possibbli? Iva! L-edukazzjoni tal-Bibbja għenet lil ħafna jbiddlu karattru vjolenti maʼ wieħed taʼ qalb tajba u rispett. (Kolossin 3:8-10) Ikkunsidra l-esperjenza taʼ Tony u Valerie.
Kif kienet ir-relazzjoni tagħkom fil-bidu?
Valerie: Fil-lejla li tgħarrasna, Tony fajjarli daqqa taʼ ħarta li ħallietni mbenġla għal ġimgħa sħiħa. Hu skuża ruħu fuq li skuża ruħu u wiegħed li qatt ma kien se jerġaʼ jagħmel hekk. Matul il-bosta snin li ilna miżżewġin, dan il-kliem smajtu kemm-il darba.
Tony: Kollox kien itellagħhomli, bħal jekk marti ma kinitx tlestili l-ikel xħin irrid jien. Darba użajt pistola biex insawwat lil Valerie. Darb’oħra tant sawwattha li ħsibtni qtiltha. Imbagħad, ipprovajt inbeżżagħha billi heddidtha li se noqtol lit-tifel tagħna hekk kif għamilt sikkina m’għonqu.
Valerie: Kont dejjem beżgħana. Kultant kien ikolli naħrab mid-dar sakemm Tony jikkalma. Minkejja dan kollu, jien sibtha saħansitra iktar diffiċli biex inkampa mal-abbuż verbali milli mal-vjolenza fiżika.
Tony, int minn dejjem kont vjolenti?
Tony: Iva, minn tfuliti. Jien trabbejt f’ambjent vjolenti. Missieri spiss kien isawwat ’l ommi quddiemi u quddiem ħuti. Wara li telaq, ommi bdiet tgħix maʼ raġel ieħor, u hu wkoll kien isawwatha. Hu wkoll stupra lil oħti—u lili. Għal dan weħel il-ħabs. Naturalment, naf li xejn minn dan ma jiskuża l-imġiba tiegħi.
Valerie, għala bqajt miegħu?
Valerie: Għax bżajt. Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘X’nagħmel jekk jiġi jfittixni u joqtol lili jew lill-ġenituri tiegħi? X’nagħmel jekk nirrapportah u s-sitwazzjoni tmur għall-agħar?’
L-affarijiet meta bdew jinbidlu?
Tony: Marti bdiet tistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Għall-ewwel, kont ngħir għall-ħbieb ġodda tagħha, u ħsibt li kelli bżonn insalvaha minn din is-“setta” stramba. Allura sirt saħansitra iktar vjolenti, mhux biss maʼ Valerie imma wkoll max-Xhieda. Imma ġurnata minnhom, it-tifel tagħna Daniel li kellu erbaʼ snin u li kien ibati b’deni għoli, iddaħħal l-isptar għal kważi tliet ġimgħat. Matul dak iż-żmien, ix-Xhieda għenuna ħafna—saħansitra sal-punt li ħadu ħsieb it-tifla tagħna Desiree, li kellha sitt snin. Wara li Valerie ħadmet taʼ bil-lejl, wieħed Xhud qattaʼ l-ġurnata maʼ Daniel sabiex hi tkun tistaʼ torqod ftit. Il-qalb tajba li wrew dawn in-nies—l-istess nies li kont tant insultajt—effettwatni bil-kbir. Sa fl-aħħar fhimt li dawn in-nies jaġixxu bħal Kristjani veri, u allura tlabt lix-Xhieda biex jagħmluli studju tal-Bibbja. Waqt l-istudju, tgħallimt kif raġel għandu jittratta lil martu u kif m’għandux jittrattaha. Warrabt l-imġiba vjolenti u abbużiva tiegħi darba għal dejjem. Eventwalment, sirt Xhud taʼ Ġeħova.
Liema prinċipji Bibliċi għenuk tinbidel?
Tony: Hemm ħafna! Fl-1 Pietru 3:7, il-Bibbja tgħid li għandi ‘nonoraha’ lil marti. Galatin 5:23 jinkuraġġixxi “l-ħlewwa” u ‘r-rażan.’ Efesin 4:31 jikkundanna t-“tgħajjir.” Ebrej 4:13 jgħid li “kollox hu . . . mikxuf beraħ quddiem” Alla. Allura Alla jara l-kondotta tiegħi, anki jekk ma jarawhiex il-ġirien. Tgħallimt ukoll li kelli nbiddel il-ħbieb tiegħi, ladarba “kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.” (1 Korintin 15:33) Sħabi tal-passat kienu fil-fatt iħeġġuni nkun vjolenti. Huma ħassew li jkun xieraq li ssawwat mara biex iżżommha “kontrollata.”
Kif tħossukom dwar iż-żwieġ tagħkom issa?
Valerie: Għaddew 25 sena mindu Tony sar wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova. Minn dak iż-żmien ’l hawn, hu ġenwinament wera mħabba, qalb tajba, u konsiderazzjoni lejja.
Tony: Ma nistax inbiddel il-ħsara, l-uġigħ, u t-tbatija li ġibt fuq familti, u marti żgur li ma kienx jistħoqqilha l-mod kif trattajtha. Imma nħares ’il quddiem għat-twettiq taʼ Isaija 65:17, meta dan il-perijodu ikrah mill-passat tagħna ma nibqgħux niftakruh.
Liema pariri tagħtu lil familji li qed iġarrbu l-vjolenza domestika?
Tony: Jekk int vjolenti fiżikament jew verbalment maʼ familtek, ammetti li għandek bżonn l-għajnuna, u iksibha. Hemm ħafna għajnuna disponibbli. Għalija, l-istudju tal-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova u s-sħubija magħhom għenuni negħleb it-tendenzi vjolenti tiegħi li kienu saru parti minni.
Valerie: Tgħaġġilx biex tqabbel is-sitwazzjoni tiegħek maʼ dik taʼ xi ħadd ieħor jew biex issegwi l-parir tan-nies li jaħsbu li jafu x’inhu l-aħjar għalik. Għalkemm mhux kulħadd se jkollu l-istess riżultat, jien ferħana li ma tlaqtx lil żewġi, għax issa ġejna mberkin b’relazzjoni tajba.
IT-TMIEM TAL-VJOLENZA DOMESTIKA
Studju tal-Bibbja għen lil ħafna rġiel jagħmlu l-bidliet meħtiġin
Il-Bibbja tgħid: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi.” (2 Timotju 3:16) Bħal Tony, li l-esperjenza tiegħu hi rakkontata f’dan l-artiklu, ħafna wħud li kienu abbużivi maʼ marthom jew maʼ żewġhom applikaw il-pariri tal-Bibbja u rnexxielhom ibiddlu l-ħsib u l-kondotta tagħhom.
Tixtieq titgħallem iktar dwar kif il-Bibbja tistaʼ tgħin liż-żwieġ tiegħek? Għal iktar informazzjoni kkuntattja lix-Xhieda taʼ Ġeħova lokalment, jew idħol fuq is-sit www.jw.org/mt.
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
b Huwa minnu li għadd kbir taʼ rġiel jiġu msawtin min-nisa. Però, fil-biċċa l-kbira tal-każi li jiġu rapportati, l-irġiel ikunu l-uħud li qed jikkommettu l-vjolenza.