LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 5/15 pp. 8-9
  • Al-Khwarizmi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Al-Khwarizmi
  • Stenbaħ!—2015
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “EROJ TAL-​MATEMATIKA GĦARBIJA”
  • IL-​MATEMATIKA GĦARBIJA TINFIREX
  • Esperti Medjevali tal-Mediċina
    Stenbaħ!—2012
  • Għandek Temmen Bilfors?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Il-Kelma t’Alla ssir magħrufa fi Spanja medjevali
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
Stenbaħ!—2015
g 5/15 pp. 8-9
Statwa taʼ al-Khwarizmi

TITWILLA LEJN Il-PASSAT

Al-Khwarizmi

META n-​nies jintiżnu jew jaraw kemm ġiethom ix-​xirja, ħafna jużaw in-​numerali Ħindu-​Għarab. Għala “Ħindu-​Għarab”? Il-​bażi tas-​sistema moderna tan-​numri li tuża n-​numri żero sa disgħa tidher li żviluppat fl-​Indja u rnexxielha tidħol fil-​Punent permezz taʼ studjużi medjevali li kitbu bl-​Għarbi. Wieħed minn taʼ quddiem fosthom kien raġel jismu Muhammad ibn-​Musa al-​Khwarizmi. Dan ir-​raġel, li x’aktarx twieled f’dak li issa jissejjaħ l-​Uzbekistan madwar is-​sena 780 WK, jissejjaħ l-​“eroj kbir tal-​matematika Għarbija.” Għala kien imfaħħar daqshekk?

“EROJ TAL-​MATEMATIKA GĦARBIJA”

Al-​Khwarizmi kiteb dwar l-​użu prattiku tad-​deċimali kif ukoll issimplifika u għamel popolari metodu biex jissolvew ċerti problemi tal-​matematika. Hu spjega l-​metodu fil-​ktieb tiegħu The Book of Restoring and Balancing. It-​terminu al-​jabr fit-​titlu tiegħu bl-​Għarbi Kitab al-​jabr wa’l-​muqabala huwa s-​sors tal-​kelma Maltija alġebra. Il-​kittieb tax-​xjenza Ehsan Masood jgħid li l-​alġebra hi meqjusa bħala “l-​iktar għodda importanti tal-​matematika li qatt inħolqot, u waħda li tappoġġa kull qasam tax-​xjenza.”a

Biex nuru s-​sempliċità taʼ numri Għarab, in-​numru 188 hu CLXXXVIII b’numerali Rumani.

“Ġenerazzjonijiet bla għadd taʼ studenti tal-​iskola sekondarja jixtiequ li [al-​Khwarizmi] ma qagħadx iħabbel rasu,” iċċajta ċertu awtur. Minkejja dan, al-​Khwarizmi qal li l-​iskop tiegħu kien li jispjega metodi sabiex jissimplifika l-​kalkulazzjonijiet fin-​negozju, fil-​qsim tal-​wirt, fl-​istħarriġ, u nibqgħu sejrin.

Sekli wara, matematiċi mill-​Punent, inkluż Galileo u Fibonacci, kellhom stima kbira lejn al-​Khwarizmi minħabba l-​ispjegazzjonijiet ċari tiegħu rigward l-​użu tal-​ekwazzjonijiet. Id-​deskrizzjonijiet taʼ al-​Khwarizmi wittew it-​triq għal iżjed studji fl-​alġebra, fl-​aritmetika, u fit-​trigonometrija. Din tal-​aħħar għenet lil studjużi tal-​Lvant Nofsani biex jikkalkulaw l-​angoli u t-​tul tal-​ġnub taʼ trijangli u biex javanzaw l-​istudji fl-​astronomija.b

L-​alġebra: “L-​iktar għodda importanti tal-​matematika li qatt inħolqot”

Dawk li bnew fuq ix-​xogħol taʼ al-​Khwarizmi żviluppaw metodi ġodda biex jużaw frazzjonijiet deċimali u sabu tekniki ġodda biex jiddeterminaw l-​erja u l-​volum. Periti u bennejja tal-​Lvant Nofsani użaw metodi avanzati bħal dawn ħafna qabel l-​istudjużi tal-​Punent, li saru midħla tagħhom matul il-​Kruċjati. Iktar tard, huma ħadu dan l-​għarfien pajjiżhom, bl-​għajnuna taʼ priġunieri u immigranti Musulmani edukati.

IL-​MATEMATIKA GĦARBIJA TINFIREX

Maż-​żmien, ix-​xogħlijiet taʼ al-​Khwarizmi ġew tradotti għal-​Latin. Il-​matematiku Taljan Fibonacci (c. 1170-​1250), magħruf ukoll bħala Leonardo taʼ Pisa, ġeneralment jingħata l-​krettu talli introduċa n-​numerali Ħindu-​Għarab fil-​Punent. Hu tgħallem dwarhom matul il-​vjaġġi tiegħu fid-​dinja Mediterranja u mbagħad kiteb il-​ktieb tiegħu Book of Calculation.

L-​ispjegazzjonijiet taʼ al-​Khwarizmi ħadu s-​sekli biex isiru magħrufin tajjeb. Iżda issa l-​metodi tiegħu u l-​matematika li għandha x’taqsam magħhom huma l-​essenza tax-​xjenza u t-​teknoloġija, biex ma nsemmux il-​kummerċ u l-​industrija.

a Fl-​alġebra moderna, numri mhux magħrufin huma rappreżentati bl-​ittri, bħal x jew y. Eżempju taʼ dan hu l-​ekwazzjoni x + 4 = 6. Meta nnaqqsu 4 miż-​żewġ naħat tal-​ekwazzjoni naraw li x hi ekwivalenti għal 2.

b Astronomi Griegi kienu minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ kalkulazzjoni tal-​ġnub u l-​angoli taʼ trijangli. Studjużi Iżlamiċi użaw it-​trigonometrija biex jiddeterminaw id-​direzzjoni lejn Mekka. Meta jitolbu, il-​Musulmani jħobbu jduru lejn Mekka. It-​tradizzjoni titlob li l-​mejtin jindifnu fid-​direzzjoni taʼ Mekka u li l-​biċċiera Musulmani jduru lejn Mekka meta joqtlu l-​annimali għal-​laħam.

FATTI FIL-QOSOR

  • L-​ewwel ma bdew jiġu użati n-​numerali moderni fl-​Indja kien sa mit-​tielet seklu QK.

  • Studjużi Ħindu iktar tard għaddew l-​għarfien matematiku tagħhom lill-​Kalif al-​Mansur f’Bagdad.

  • Il-​ktieb taʼ al-​Khwarizmi Calculation With Indian Numerals ippromwova s-​sistema deċimali. Hu elabora fuq konċetti misjubin f’sorsi iktar antiki, inkluż xogħlijiet bil-​Grieg, l-​Ebrajk, u l-​Ħindu.

Wirt imprezzabbli

“Meta nikkunsidraw in-​numri u l-​matematika, il-​wirt [li ħallew l-​istudjużi tal-​Lvant Nofsani] hu kbir ħafna u ma tistax tmerih.”—Science and Islam, minn Ehsan Masood.

“In-​numri moderni tal-​Punent jistgħu jkunu ġabra minn sorsi differenti. Madankollu, sa fejn hu magħruf, il-​pajjiż li l-​ewwel uża l-​ikbar numru taʼ dawn il-​forom numerali hu l-​Indja.”—Britannica Online Encyclopedia.

Fl-​Ewropa, in-​numerali Ħindu-​Għarab “saru magħrufin b’mod ġenerali fis-​seklu 15.”—Encyclopedia of Society and Culture in the Medieval World.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja