LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w00 12/1 pp. 29-31
  • Għandek Temmen Bilfors?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għandek Temmen Bilfors?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Esperti Dejjem Għandhom Raġun?
  • “L-​Għerf Falz”
  • Il-​Bibbja​—Gwida Mnebbħa
  • Il-​Qawwa tar-​Raġuni
  • Aristotele
    Stenbaħ!—2016
  • Ix-Xjenza u l-Bibbja—Veru li Jikkontradixxu lil Xulxin?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Irraġuna Sew—Aġixxi bil-Għaqal
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Oqgħod Attent għall-“Arti tat-Tagħlim” Tiegħek
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
w00 12/1 pp. 29-31

Għandek Temmen Bilfors?

L-​ISTUDENT taʼ 12-il sena kien qed jitħabat biex jifhem il-​prinċipji bażiċi taʼ l-​alġebra. L-​għalliem ġab eżempju quddiem il-​klassi taʼ kalkolu bl-​alġebra li kien jidher sempliċi u ċar.

“Ejja ngħidu li ‘x=y’ u li t-​tnejn li huma għandhom valur taʼ 1,” beda jgħidilhom l-​għalliem.

‘S’issa kollox sew,’ ħaseb l-​istudent.

Madankollu, wara erbaʼ linji taʼ kalkolu li kien jidher loġiku, l-​għalliem ħareġ b’riżultat li jaħsdek: “Mela, 2=1!”

Lill-istudenti li baqgħu mbellhin sfidahom: “Agħtuni prova li dan mhux veru.”

Peress li l-​għarfien tiegħu taʼ l-​alġebra kien limitat, l-​istudent żagħżugħ ma setax jara kif jistaʼ jagħti prova li dan ma kienx veru. Kull pass fil-​kalkolu kien jidher validu għall-​aħħar. Kellu, allura, jemminha din il-​konklużjoni stramba? Wara kollox, l-​għalliem tiegħu kien ferm iktar intiż fil-​matematika milli kien hu. Dażgur li ma kellux jemminha! ‘M’għandix għalfejn inġib prova li dan mhux veru,’ ħaseb bejnu u bejn ruħu. ‘Is-​sens komun jgħidlek li din ħaġa assurda.’ (Proverbji 14:​15, 18) Kien jaf li la l-​għalliem tiegħu u lanqas ħadd minn sħabu tal-​klassi ma kien se jpartat żewġ liri maʼ lira!

Maż-żmien dak l-​istudent taʼ l-​alġebra sab x’kien l-​iżball fil-​kalkolu. Sadanittant, l-​esperjenza għallmitu lezzjoni li tiswa ħafna. Anki meta xi ħadd li jkun jaf ferm iktar minnek iġiblek b’sengħa kbira xi argument li jidher li ma tistax twaqqgħu, m’għandekx bilfors temmnu jekk joħroġ b’xi konklużjoni assurda sempliċement għaliex dak il-​ħin ma tistax tinduna fejn qiegħed l-​iżball. L-​istudent kien fil-​fatt qed isegwi prinċipju prattiku mill-​Bibbja li nsibuh fl-​1 Ġwann 4:​1, biex ma ngħaġġlux u nemmnu kulma nisimgħu, anki meta forsi jidher li jkun ġej mingħand xi ħadd t’awtorità.

Dan ma jfissirx li għandek tkun rasek iebsa u żżomm biss maʼ l-​ideat li tkun paspart f’moħħok. Ikun żball jekk iżżomm moħħok magħluq għal informazzjoni li tistaʼ tgħinek tbiddel xi fehma żbaljata. Imma lanqas m’għandek ‘titħawwad malajr’ meta tħabbat wiċċek maʼ xi ħadd li jagħmel pressjoni fuqek għax jgħid li jifhem jew għandu awtorità iktar minnek. (2 Tessalonikin 2:2) L-​għalliem, m’għandniex xi ngħidu, kien qed jilgħab ċajta fuq l-​istudenti tiegħu. Madankollu, xi drabi l-​affarijiet ma jkunux daqshekk innoċenti. Ċerti nies jafu tajjeb kif iqarrqu “bl-​ingann tagħhom biex iwasslu lil ħaddieħor fl-​iżball.”​—Efesin 4:​14; 2 Timotju 2:​14, 23, 24.

L-​Esperti Dejjem Għandhom Raġun?

Bravi kemm huma bravi, l-​esperti fi kwalunkwe qasam jistgħu jkollhom ideat li ma jaqblux bejniethom u opinjonijiet li jinbidlu. Per eżempju, ejja nieħdu d-​dibattitu li għadu għaddej fix-​xjenza medika dwar xi ħaġa hekk bażika bħal, X’inhu li jikkaġuna l-​mard. “L-​importanza relattiva fil-​mard bejn il-​karatteristiċi li writna u l-​effett taʼ l-​ambjent li trabbejna fih hija l-​bażi għal argument jaħraq fost ix-​xjenzati,” jikteb wieħed professur tal-​mediċina fl-​Università taʼ Harvard. Dawk li qegħdin fl-​hekk imsejjaħ kamp determinista jemmnu bil-​qawwa kollha li l-​ġeni għandhom sehem deċiżiv dwar kemm nistgħu nirreżistu ċertu mard. Madankollu, oħrajn isostnu li l-​ambjent u l-​istil tal-​ħajja li wieħed ikollu huma l-​fatturi prinċipali li jiddeterminaw ċertu mard fil-​bniedem. Iż-​żewġ naħat malajr isemmu studji u statistiċi biex jappoġġaw l-​argument tagħhom. Imma xorta waħda, id-​dibattitu għadu sejjer.

L-iktar filosfi magħrufa wkoll ħarġu taʼ ħmir kemm-il darba, avolja fi żmienhom dak li għallmu huma kien jidher donnu li ma tistax tmerih. Il-​filosfu Bertrand Russell iddeskriva lil Aristotele bħala wieħed “mill-​iktar filosfi li influwenzaw id-​dinja.” Madankollu, Russell juri wkoll li ħafna mid-​duttrini taʼ Aristotele kienu “foloz għalkollox.” “Fiż-​żminijiet tal-​lum,” huwa kiteb, “tistaʼ tgħid li kull avvanz fix-​xjenza, fil-​loġika jew fil-​filosofija kellu jħabbat wiċċu maʼ oppożizzjoni mingħand id-​dixxipli taʼ Aristotele.”​—History of Western Philosophy.

“L-​Għerf Falz”

Il-​Kristjani tal-​bidu x’aktarx li kienu jiltaqgħu maʼ ħafna nies li kienu dixxipli tal-​filosfi Griegi magħrufa, bħal Sokrate, Platun, u Aristotele. In-​nies li kienu taʼ skola f’dak iż-​żmien kienu jqisu lilhom infushom bħala li kienu iktar intelliġenti mill-​biċċa l-​kbira tal-​Kristjani. Ma kienx hemm ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù li kienu jitqiesu bħala “għorrief skond il-​qjies tad-​dinja.” (1 Korintin 1:​26) Fil-​fatt, dawk li kienu mgħallmin fil-​filosofiji taʼ dak iż-​żmien kienu jaħsbu li dak li kienu jemmnu l-​Kristjani kien “bluha.”​—1 Korintin 1:23.

Kieku int kont fost dawk il-​Kristjani tal-​bidu, kont int tibqaʼ impressjonat bl-​argumenti persważivi tal-​fjur intellettwali taʼ dak iż-​żmien u kont tibqaʼ mbellah bit-​turija taʼ għerf tagħhom? (Kolossin 2:4) Bħalma juri l-​appostlu Pawlu, ma kien ikun hemm ebda raġuni għal dan. Hu fakkar lill-​Kristjani li Jehovah jqis “l-​għerf taʼ l-​għorrief” u “d-​dehen tad-​dehnin” taʼ dak iż-​żmien bħala bluha. (1 Korintin 1:​19) Staqsa: “Fejn hu l-​għaref? Fejn hu l-​iskriba? Fejn hu l-​filosfu taʼ din id-​dinja? Forsi Alla ma bellahx l-​għerf tad-​dinja?” (1 Korintin 1:​20) Kienu kemm kienu intellettwali, il-​filosfi, il-​kittieba u l-​kritiċi fi żmien Pawlu ma taw ebda tweġiba vera għall-​problemi tal-​bniedem.

Allura l-​Kristjani tgħallmu jevitaw dawk li l-​appostlu Pawlu sejħilhom “kontradizzjonijiet taʼ l-​għerf falz.” (1 Timotju 6:​20) Ir-​raġuni għala Pawlu sejjaħlu “falz” lil dan l-​għerf hi għaliex kien nieqes minn fattur kruċjali. Ma kellux sors jew referenza mingħand Alla li biha setgħu jiġu testjati t-​teoriji tagħhom. (Ġob 28:12; Proverbji 1:7) Ladarba ma kellhomx din il-​ħaġa, u peress li Satana, dak il-​qarrieq il-​kbir, kien fl-​istess ħin qed jagħmihom, dawk li baqgħu jiggranfaw maʼ għerf taʼ dik ix-​xorta qatt ma setgħu jittamaw li jsibu l-​verità.​—1 Korintin 2:​6-8, 14; 3:​18-​20; 2 Korintin 4:4; 11:14; Apokalissi 12:9.

Il-​Bibbja​—Gwida Mnebbħa

Il-​Kristjani tal-​bidu qatt ma ddubitaw li Alla kien irrivela r-​rieda, l-​iskop u l-​prinċipji tiegħu fl-​Iskrittura. (2 Timotju 3:​16, 17) Din il-​ħaġa pproteġiethom milli ‘jiġu mjassrin b’filosofija u kliem qarrieq u fieragħ skond dak li hu ġej mill-​bnedmin.’ (Kolossin 2:8) Is-​sitwazzjoni hi l-​istess illum. F’kuntrast maʼ l-​opinjonijiet imħawdin tan-​nies li ma jaqblux bejniethom, il-​Kelma mnebbħa t’Alla tipprovdi pedament stabbli li fuqu nistgħu nibbażaw il-​fidi tagħna. (Ġwann 17:17; 1 Tessalonikin 2:​13; 2 Pietru 1:21) Mingħajrha nispiċċaw f’sitwazzjoni impossibbli fejn nipprovaw nibnu xi ħaġa stabbli fuq ir-​ramel taʼ teoriji u filosofiji umani.​—Mattew 7:​24-​27.

‘Imma stenna ftit,’ forsi jgħid xi ħadd. ‘M’huwiex veru li l-​fatti tax-​xjenza wrew li l-​Bibbja hi żbaljata u allura ma tistax torbot fuqha daqskemm ma tistax toqgħod fuq il-​filosofiji li dejjem jinbidlu tan-​nies?’ Per eżempju, Bertrand Russell sostna li “Copernicus, Kepler u Galileo kellhom jikkumbattu lil Aristotele kif ukoll lill-​Bibbja biex jistabbilixxu l-​idea li l-​art mhix iċ-​ċentru taʼ l-​univers.” (Korsiv tagħna.) U per eżempju, m’huwiex veru li llum nies li jieħdu l-​Bibbja letteralment jinsistu li din tgħallem li l-​art inħolqot f’sitt ijiem taʼ 24 siegħa l-​wieħed, meta l-​fatti kollha juru li l-​art infisha ilha teżisti għal biljuni taʼ snin?

Attwalment, il-​Bibbja mkien ma tgħid li l-​art hija ċ-​ċentru taʼ l-​univers. Dak kien it-​tagħlim taʼ xi mexxejja tal-​knisja li huma nfushom ma kinux iżommu mal-​Kelma t’Alla. Ir-​rakkont tal-​ħolqien f’Ġenesi jagħti lok għall-​art li ilha teżisti għal biljuni taʼ snin u ma jillimitax kull ġurnata kreattiva għal 24 siegħa. (Ġenesi 1:1, 5, 8, 13, 19, 23, 31; 2:​3, 4) Eżami onest taʼ dak li tgħid il-​Bibbja juri li, għalkemm din m’hijiex xi ktieb għal studju xjentifiku, ċertament li m’hijiex “bluha.” Hija fil-​fatt fi qbil għalkollox max-​xjenza provata.a

Il-​Qawwa tar-​Raġuni

Għalkemm ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù kienu rġiel u nisa sempliċi, u forsi ma kinux taʼ ħafna skola, kellhom fil-​fatt xi ħaġa oħra għad-​dispożizzjoni tagħhom li kienet mogħtija lilhom minn Alla. Kien x’kien l-​ambjent li kienu ġejjin minnu, kollha kienu mogħnijin bil-​qawwa tar-​raġuni u bil-​kapaċità li jużaw moħħhom. L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lil sħabu l-​Kristjani biex jagħmlu użu sħiħ mill-​qawwa tar-​raġuni biex ‘jagħrfu x’inhi r-​rieda taʼ Alla, x’inhu t-​tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.’​—Rumani 12:1, 2.

Bil-qawwa tar-​raġuni li tahom Alla, il-​Kristjani tal-​bidu raw ċar u tond li kull filosofija jew tagħlim li ma kinux fi qbil mal-​Kelma mnebbħa t’Alla kienu kollha fil-​vojt. Kien hemm każi fejn l-​għorrief tad-​dinja, fil-​fatt, kienu qed ‘iżommu l-​verità mjassra’ u jinjoraw l-​evidenza taʼ madwarhom li jeżisti Alla. “Waqt li riedu jagħmluha taʼ għorrief, bliehu,” kiteb l-​appostlu Pawlu. Peress li ċaħdu l-​verità dwar Alla u dwar l-​iskop tiegħu, “moħħhom intilef fil-​bluha, u qalbhom bla dehen iddallmet.”​—Rumani 1:​18-​22; Ġeremija 8:8, 9.

Dawk li jsostnu li huma għorrief spiss joħorġu b’konklużjonijiet bħal li “Alla ma jeżistix” jew li “Il-​Bibbja ma tistax tafdaha” jew li “M’aħniex qegħdin fl-​‘aħħar jiem.’” Ideat bħal dawn huma bluha f’għajnejn Alla l-​istess bħal meta wieħed jikkonkludi li “2=1.” (1 Korintin 3:​19) Tkun xi tkun l-​awtorità li n-​nies jgħidu li għandhom, int mhux bilfors għandek taċċetta l-​konklużjonijiet tagħhom jekk dawn jikkontradixxu lil Alla, jinjoraw il-​Kelma tiegħu u jmorru kontra s-​sens komun. Fl-​aħħar mill-​aħħar, it-​triq għaqlija dejjem hi li “jkun jaf kulħadd li Alla hu sinċier u kull bniedem giddieb.”​—Rumani 3:4.

[Nota taʼ taħt]

a Għal iktar dettalji, ara l-​pubblikazzjoni Il-​Bibbja​—Il-​Kelma t’Alla jew tal-​Bniedem? u l-​ktieb Is There a Creator Who Cares About You?, pubblikati mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Stampi f’paġna 31]

F’kuntrast maʼ l-​opinjonijiet li dejjem jinbidlu tan-​nies, il-​Bibbja tipprovdi bażi soda biex wieħed jemmen

[Sorsi taʼ l-​istampi]

Xellug, Epikuru: Ritratt meħud bil-​korteżija tal-​British Museum; fuq fin-​nofs, Platun: Mużew Arkeoloġiku Nazzjonali, Ateni, il-​Greċja; lemin, Sokrate: Ruma, Musei Capitolini

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja