LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w03 7/15 pp. 21-23
  • Irraġuna Sew—Aġixxi bil-Għaqal

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Irraġuna Sew—Aġixxi bil-Għaqal
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tkunx Kunfidenti Żżejjed
  • Oqgħod Attent mir-​Raġunar Uman
  • Oqgħod Attent mill-​“Qerq tal-​Bnedmin”
  • Tqarraqx Bik Innifsek
  • Ħaffer għat-​“Tagħrif taʼ Alla”
  • Ibqaʼ ‘Itlob lil Alla’
  • ‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Min qed jinfluwenza l-ħsibijiet tiegħek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
  • Ikseb l-Għerf u Aċċetta d-Dixxiplina
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Jehovah Juża l-“Bluha” Biex Isalva lil Dawk li Qegħdin Jemmnu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1993
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
w03 7/15 pp. 21-23

Irraġuna Sew​—Aġixxi bil-​Għaqal

IMMAĠINA din ix-​xena: Ġesù Kristu qed jispjega li l-​għedewwa reliġjużi f’Ġerusalemm se jġagħluh jgħaddi minn uġigħ kbir u mbagħad se joqtluh. Il-​ħabib intimu tiegħu, l-​appostlu Pietru, ma jridx jemmnu dan. Fil-​fatt, jieħu lil Ġesù fil-​ġenb u jċanfru. M’għandna ebda dubju li Pietru kien imħasseb b’mod sinċier u ġenwinament dwar Ġesù. Iżda Ġesù kif iqisha l-​attitudni taʼ Pietru? Ġesù qallu: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-​ħwejjeġ taʼ Alla, imma qiegħed taħsibha taʼ bniedem li int!”—Mattew 16:​21-23.

Min jaf kif inħasad Pietru! Minflok ma kien qed jgħinu u jappoġġah, f’dan il-​każ hu kien taʼ “tfixkil” għall-​Imgħallem maħbub tiegħu. Dan għala? Jistaʼ jkun li Pietru waqaʼ fin-​nassa tad-​difett komuni tar-​raġunar tal-​bniedem—li jemmen biss dak li jrid jemmen.

Tkunx Kunfidenti Żżejjed

Xi ħaġa li thedded l-​abbiltà li nirraġunaw sew hija t-​tendenza li nkunu kunfidenti żżejjed. L-​appostlu Pawlu wissa lill-​Kristjani sħabu f’Korintu tal-​qedem: “Min jidhirlu li hu wieqaf, joqgħod attent li ma jaqax.” (1 Korintin 10:12) Pawlu għala qal hekk? Milli jidher għaliex hu kien jaf kemm hu faċli li r-​raġunar tal-​bnedmin isir mgħawweġ—anki li l-​imħuħ tal-​Kristjani jistgħu “jitħassru mis-​[“sinċerità,” NW] u s-​safa tagħhom fi Kristu.”—2 Korintin 11:3.

Dan ġara lill-​ġenerazzjoni sħiħa taʼ l-​antenati taʼ Pawlu. Dak iż-​żmien, Jehovah qalilhom: “Il-​fehmiet tiegħi m’humiex fehmietkom, u t-​triqat tiegħi m’humiex triqatkom.” (Isaija 55:8) Saru “għorrief f’għajnejhom,” b’riżultati diżastrużi. (Isaija 5:21) Mela, żgur li jagħmel sens li neżaminaw kif aħna nistgħu nibqgħu nirraġunaw sew, u b’hekk nevitaw li nidħlu f’xi diżastru bħal tagħhom.

Oqgħod Attent mir-​Raġunar Uman

Xi wħud f’Korintu ġew effettwati ħażin mir-​raġunar uman. (1 Korintin 3:​1-3) Huma taw iktar importanza lill-​filosofiji tal-​bnedmin milli lill-​Kelma t’Alla. Żgur li l-​filosfi Griegi taʼ dak iż-​żmien kienu rġiel intelliġenti ħafna. Madankollu, f’għajnejn Alla huma kienu boloh. Pawlu qal: “Bħalma hu miktub: ‘Neqred l-​għerf taʼ l-​għorrief; nwarrab id-​dehen tad-​dehnin.’ Fejn hu l-​għaref? Fejn hu l-​iskriba? Fejn hu l-​filosfu taʼ din id-​dinja? Forsi Alla ma bellahx l-​għerf tad-​dinja?” (1 Korintin 1:​19, 20) Dawn l-​uħud intelletwali kienu maħkuma mill-​“ispirtu taʼ din id-​dinja” iktar milli mill-​ispirtu t’Alla. (1 Korintin 2:12) Il-​filosofiji u l-​ideat tagħhom ma kinux fi qbil mal-​ħsibijiet taʼ Jehovah.

Dan il-​ħsieb uman joriġina minn Satana x-​Xitan, li uża s-​serp biex iqarraq b’Eva. (Ġenesi 3:​1-6; 2 Korintin 11:3) Għadu hu taʼ periklu għalina? Iva! Skond il-​Kelma t’Alla, Satana tant ‘dallmilhom moħħhom’ lin-​nies li issa hu sar “il-​qarrieq tad-​dinja kollha.” (2 Korintin 4:4; Apokalissi 12:9) Kemm huwa vitali li ngħassu għall-​makakkeriji tiegħu!—2 Korintin 2:11.

Oqgħod Attent mill-​“Qerq tal-​Bnedmin”

L-​appostlu Pawlu wissa wkoll kontra l-​“qerq tal-​bnedmin.” (Efesin 4:14) Hu ffaċċja “ħaddiema qarrieqa” li għamlu taʼ bir-​ruħhom li kienu qed jippreżentaw il-​verità meta fir-​realtà kienu qed jgħawġuha. (2 Korintin 11:​12-15) Biex jilħqu l-​għanijiet tagħhom, dawn l-​irġiel għandhom mnejn jagħżlu li jużaw ċerta evidenza li tappoġġa l-​ħsieb tagħhom, kliem li jolqot l-​emozzjonijiet, nofs veritajiet u implikazzjonijiet qarrieqa, u saħansitra gideb sfaċċat.

Dawk li jagħmlu l-​propaganda spiss jużaw kliem bħal “setta” biex jimmalafamaw lil oħrajn. F’rakkomandazzjoni lill-​Assemblea Parlamentari tal-​Kunsill taʼ l-​Ewropa, sar suġġeriment biex l-​uffiċjali li jinvestigaw lill-​gruppi reliġjużi ġodda “jkun jaqblilhom jekk ma jużawx dan it-​terminu.” Għala? Ħassew li l-​kelma “kult” tinstemaʼ verament negattiva. Hu kompla jgħid: “Fil-​moħħ taʼ ħafna nies illum, setta hija verament ħażina u perikoluża.” Bl-​istess mod, l-​għorrief Griegi b’mod żbaljat akkużaw lill-​appostlu Pawlu li kien “lablâb,” jew ġabbâr. Dan kien jimplika li hu ma kien xejn iktar ħlief lablâb li ma kellux x’jagħmel, xi ħadd li kien jiġbor u jirrepeti biss biċċiet t’għarfien li jiddobba. Fir-​realtà, Pawlu “kien ixandar lil Ġesù u l-​qawmien mill-​imwiet.”—Atti 17:18.

Jaħdmu l-​metodi taʼ dawn l-​uħud li jagħmlu propaganda? Iva. Dawn kienu fundamentali biex tinħoloq mibegħda etnika u reliġjuża billi għawġu l-​mod kif in-​nies iħarsu lejn ġnus u reliġjonijiet oħra. Oħrajn użawhom biex iwarrbu fil-​ġenb lil xi minorità li ma tkunx popolari. Adolf Hitler uża b’mod effettiv dawn il-​metodi sabiex iġiegħel lil-​Lhud jidhru bħala li huma “baxxi,” “ħżiena,” u taʼ “theddida” għall-​Istat. Qatt tħalli makakkerija bħal din tavvelenalek ir-​raġunar tiegħek.—Atti 28:​19-22.

Tqarraqx Bik Innifsek

Huwa wkoll faċli li nqarrqu bina nfusna. Fil-​fatt, jistaʼ jkun diffiċli ferm għalina li neħilsu minn xi opinjonijiet li jkunu għal qalbna jew saħansitra li niddubitawhom. Għala? Għaliex l-​opinjoni tagħna ssir parti minna. Imbagħad, għandna mnejn inqarrqu bina nfusna billi nibdew nirraġunaw ħażin—nivvintaw raġunijiet biex niġġustifikaw twemmin li fir-​realtà huwa żbaljat u qarrieq.

Hekk ġralhom xi Kristjani taʼ l-​ewwel seklu. Huma kienu jafuha l-​Kelma t’Alla, iżda ma ħallewhiex tiggwidalhom ir-​raġunar tagħhom. Spiċċaw biex ‘qarrqu bihom infushom’ b’raġunar falz. (Ġakbu 1:​22, 26) Xi ħaġa li turi li għandu mnejn sfajna vittma taʼ dan il-​qerq hi li nirrabjaw meta xi ħadd jisfida t-​twemmin tagħna. Minflok ma nirrabjaw, ikun għaqli li nżommu moħħna miftuħ u nisimgħu sew x’għandu xi jgħid ħaddieħor—anki meta nkunu ċerti li l-​opinjoni tagħna hija tajba.—Proverbji 18:17.

Ħaffer għat-​“Tagħrif taʼ Alla”

X’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu nirraġunaw sew? Hemm ħafna għajnuna disponibbli, iżda aħna rridu nkunu lesti li naħdmu għaliha. L-​għaref Sultan Salamun qal: “Ibni, jekk int tilqaʼ kliemi, u taħżen ġo fik il-​kmandamenti tiegħi billi tagħti widen għall-​għerf, u tħalli lil moħħok jifhem sewwa; jekk issejjaħ l-​għerf, u tgħolli leħnek għall-​fehma t-​tajba; jekk tfittex l-​għerf bħall-​fidda, u tħaffer għalih bħal teżor moħbi; mbagħad tifhem il-​biżaʼ tal-​Mulej, u ssib it-​tagħrif taʼ Alla.” (Proverbji 2:​1-5) Iva, jekk aħna personalment nagħmlu l-​isforz biex nimlew moħħna u qalbna bil-​veritajiet tal-​Kelma t’Alla, aħna se niksbu l-​veru għerf, dehen, u fehma tajba. Fil-​fatt, se nkunu qed inħaffru għall-​affarijiet li huma ħafna iktar taʼ valur mill-​fidda jew kwalunkwe teżor materjali ieħor.—Proverbji 3:​13-15.

L-għerf u l-​għarfien żgur li huma vitali biex dak li jkun jirraġuna sew. “Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek. L-​għaqal jgħasses fuqek, il-​fehma tajba tħarsek, teħilsek minn triq il-​ħażen, minn nies taʼ kliem il-​għawġ; li tilfu t-​triq it-​tajba, biex jimxu f’toroq mudlama.”—Proverbji 2:​10-13.

Huwa speċjalment importanti li nħallu l-​ħsibijiet t’Alla jiggwidawna meta nkunu għaddejjin minn xi ansjetà jew periklu. Emozzjonijiet qawwija bħar-​rabja jew il-​biżaʼ jistgħu ma jħalluniex nirraġunaw sew. Salamun jgħid: “Għax il-​moħqrija tħawwad moħħ l-​għaref.” (Koħèlet 7:7) Huwa saħansitra possibbli li dak li jkun jibda “jeħodha kontra l-​Mulej.” (Proverbji 19:3) Kif? Billi jwaħħal f’Alla għall-​problemi u jużahom biex jiġġustifika l-​affarijiet li jagħmel u li ma jkunux fi qbil mal-​liġijiet u l-​prinċipji Tiegħu. Minflok ma nirraġunaw li aħna dejjem nafu x’inhu l-​aħjar, jalla bl-​umiltà kollha nisimgħu minn dawk li jipprovaw jgħinuna bil-​pariri għaqlin li jagħtuna mill-​Iskrittura. U jekk ikun hemm bżonn, ejja nkunu lesti li nabbandunaw opinjonijiet li kienu għal qalbna meta jkun jidher ċar li huma żbaljati.—Proverbji 1:​1-5; 15:22.

Ibqaʼ ‘Itlob lil Alla’

Aħna qed ngħixu fi żminijiet imħawdin u perikolużi. Talb regulari għad-​direzzjoni taʼ Jehovah huwa essenzjali jekk irridu li naġixxu bil-​għaqal u bl-​għerf. L-​appostlu Pawlu kiteb: “Tħabbtu raskom b’xejn. Fit-​talb kollu tagħkom itolbu u uru lil Alla xi jkollkom bżonn, u iżżuh ħajr. U s-​sliem taʼ Alla, sliem li jgħaddi kull ma l-​moħħ jistaʼ jifhem, iżommilkom qalbkom u moħħkom sħaħ fi Kristu Ġesù.” (Filippin 4:​6, 7) Jekk jonqosna l-​għerf biex inkampaw maʼ problemi jew provi diffiċli, jeħtieġ li nibqgħu ‘nitolbu lil Alla, li jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar lil ħadd.’—Ġakbu 1:​5-8.

Peress li kien jaf li sħabu l-​Kristjani kellhom bżonn jużaw l-​għerf, l-​appostlu Pietru fittex li jqajjem il-​fakultajiet tal-​ħsieb ċar tagħhom. Hu riedhom ‘jiftakru fil-​kliem li diġà qalu l-​profeti qaddisa, u wkoll fil-​kmandament tal-​Mulej u s-​Salvatur,’ Ġesù Kristu. (2 Pietru 3:​1, 2) Jekk nagħmlu hekk u nżommu moħħna fi qbil mal-​Kelma taʼ Jehovah, se nirraġunaw sew u naġixxu bil-​għaqal.

[Stampi f’paġna 21]

Il-​Kristjani tal-​bidu ħallew l-​għerf t’Alla, u mhux il-​filosofiji tal-​bniedem, isawwar ir-​raġunar tagħhom

[Sorsi]

Filosfi xellug għal-​lemin: Epikuru: Photograph taken by courtesy of the British Museum; Ċiċerun: Reproduced from The Lives of the Twelve Caesars; Platun: Roma, Musei Capitolini

[Stampi f’paġna 23]

It-​talb u l-​istudju tal-​Kelma t’Alla huma essenzjali

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja