LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • fy kap. 8 pp. 90-102
  • Ipproteġi lill-Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ipproteġi lill-Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi
  • Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • MIN SE JGĦALLEM LIT-TFAL TIEGĦEK?
  • IL-ĦARSA T’ALLA LEJN IS-SESS
  • IL-ĦOWMWERK LI GĦANDHOM IL-ĠENITURI
  • IL-ĦBIEB TAT-TFAL TIEGĦEK
  • LIEMA TIP TAʼ RIKREAZZJONI?
  • IL-FAMILJA TIEGĦEK TISTAʼ TIKKONKWISTA LID-DINJA
  • Tistaʼ l-Bibbja Tgħinek Tħarreġ lil Uliedek?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Kif Jistgħu l-Ġenituri u t-Tfal Ikunu Ferħanin?
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Ġenituri—Għinu lit-Tfal Tagħkom Iħobbu lil Ġeħova
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Ġenituri—Kunu t’Eżempju mill-Aħjar għal Uliedkom
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
Ara Iżjed
Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
fy kap. 8 pp. 90-102

KAPITLU TMIENJA

Ipproteġi lill-Familja Tiegħek Minn Influwenzi Distruttivi

1-3. (a) Minn liema sorsi jiġu influwenzi distruttivi li jheddu lill-familja? (b) Il-ġenituri liema bilanċ jeħtieġu f’li jipproteġu lill-familja tagħhom?

WASALT biex tibgħat lit-tifel ċkejken tiegħek l-iskola, u nieżla xita bil-qliel. Kif tittrattaha s-sitwazzjoni? Tħallih joħroġ jaqbeż mill-bieb ’il barra mingħajr ebda għata għax-xita? Jew tant tlibbsu saffi taʼ ħwejjeġ protettivi li bil-kemm ikun jistaʼ jiċċaqlaq? M’għandniex xi ngħidu, int la tagħmel waħda u lanqas l-oħra. Tagħtih preċiż dak li huwa meħtieġ biex ma jixxarrabx.

2 B’mod simili, il-ġenituri jridu jsibu mod ibbilanċjat biex jipproteġu lill-familja tagħhom mill-influwenzi distruttivi li jiġu fuqhom bħal xita minn ħafna sorsi—l-industrija tad-divertiment, il-mezzi taʼ komunikazzjoni, it-tfal taʼ mparhom, u kultant saħansitra l-iskejjel. Xi ġenituri jagħmlu ftit jew xejn biex jipproteġu lill-familja tagħhom. Oħrajn, billi jqisu kważi l-influwenzi kollha taʼ barra bħala taʼ ħsara, huma tant restrittivi li t-tfal iħossuhom bħal li kieku qegħdin jifgaw. Huwa bilanċ possibbli?

3 Iva, huwa. Li wieħed ikun estrem huwa ineffettiv u jistaʼ jistieden diżastru. (Koħelet 7:16, 17) Imma ġenituri Kristjani kif isibu l-bilanċ xieraq f’li jipproteġu lill-familja tagħhom? Ikkunsidra tliet aspetti: l-edukazzjoni, is-sħubija, u r-rikreazzjoni.

MIN SE JGĦALLEM LIT-TFAL TIEGĦEK?

4. Ġenituri Kristjani kif għandhom iħarsu lejn l-edukazzjoni?

4 Ġenituri Kristjani jpoġġu valur għoli fuq l-edukazzjoni. Huma jafu li l-iskola tgħin lit-tfal biex jaqraw, jiktbu, u jikkomunikaw, kif ukoll biex isolvu l-problemi. Għandha wkoll tgħallimhom kif jitgħallmu. Il-kapaċitajiet li t-tfal jiksbu fl-iskola jistgħu jgħinuhom biex jirnexxu minkejja l-isfidi tad-dinja tal-lum. Iżjed minn hekk, edukazzjoni tajba tistaʼ tgħinhom biex iwettqu xogħol superjuri.—Proverbji 22:29.

5, 6. It-tfal fl-iskola kif jistgħu jkunu esposti għal informazzjoni mgħawġa dwar kwistjonijiet sesswali?

5 Madankollu, l-iskola ġġib ukoll tfal flimkien maʼ tfal oħrajn—li ħafna minnhom għandhom ideat mgħawġin. Per eżempju, ikkunsidra l-ideat tagħhom dwar is-sess u l-morali. Fi skola sekondarja fin-Niġerja, tfajla promiskwa sesswalment kienet tagħti pariri dwar is-sess lill-istudenti sħabha. Huma tawha widen bil-ħerqa, avolja l-ideat tagħha kienu mimlijin ħmerijiet li kienet ġabret minn letteratura pornografika. Xi wħud mit-tfajliet esperimentaw bil-parir tagħha. Bħala riżultat, waħda minnhom ħarġet tqila mingħajr ma kienet miżżewġa u mietet kaġun t’abort li wettqet fuqha nfisha.

6 B’dispjaċir, ftit mill-informazzjoni sesswali żbaljata fl-iskola tiġi, mhux mingħand it-tfal, imma mingħand l-għalliema. Ħafna ġenituri jħossuhom urtati meta l-iskejjel jgħallmu lit-tfal dwar is-sess mingħajr ma jippreżentaw informazzjoni fuq livelli morali u responsabbiltà. Omm tifla taʼ 12-il sena qalet: “Aħna ngħixu f’inħawi reliġjużi u konservattivi ferm, u madankollu preċiż fl-iskola sekondarja lokali, qegħdin iqassmu l-kontraċettivi lill-istudenti!” Hi u żewġha inkwetaw meta saru jafu li binthom kien qed ikollha proposti sesswali mingħand subjien taʼ l-età tagħha. Il-ġenituri kif jistgħu jipproteġu lill-familja tagħhom minn influwenzi żbaljati bħal dawn?

7. Informazzjoni sesswali żbaljata kif l-aħjar li tistaʼ tiġi rribattuta?

7 Hija l-aħjar ħaġa li lit-tfal ma tħallihom jisimgħu xejn dwar kwistjonijiet sesswali? Le. Huwa aħjar li tgħallem lit-tfal tiegħek dwar is-sess int stess. (Proverbji 5:1) Veru, f’partijiet taʼ l-Ewropa u taʼ l-Amerka taʼ Fuq, ħafna ġenituri jevitawh dan is-suġġett. Bl-istess mod, f’xi pajjiżi Afrikani, il-ġenituri rari jiddiskutu s-sess mat-tfal tagħhom. “M’hijiex parti mill-kultura Afrikana li wieħed jagħmel hekk,” jgħid missier fi Sierra Leone. Xi ġenituri jħossu illi li tgħallem lit-tfal dwar is-sess ifisser li tagħtihom ideat li se jwassluhom biex jikkommettu l-immoralità! Imma x’inhi l-ħarsa t’Alla?

IL-ĦARSA T’ALLA LEJN IS-SESS

8, 9. Liema informazzjoni mill-aħjar dwar kwistjonijiet sesswali tinsab fil-Bibbja?

8 Il-Bibbja tagħmilha ċara li m’hemm xejn taʼ mistħija dwar li wieħed jiddiskuti s-sess f’kuntest xieraq. F’Israel, lin-nies t’Alla ntqalilhom biex jinġabru flimkien, inklużi “t-tfal” tagħhom, biex jisimgħu l-qari b’leħen għoli tal-Liġi Mosajka. (Dewteronomju 31:10-12; Ġożwè 8:35) Il-Liġi semmiet bla tlaqliq għadd taʼ kwistjonijiet sesswali, inklużi l-menstruwazzjoni, l-emissjonijiet seminali, il-fornikazzjoni, l-adulterju, l-omosesswalità, l-inċest, u l-bestjalità. (Levitiku 15:16, 19; 18:6, 22, 23; Dewteronomju 22:22) Wara qari bħal dan il-ġenituri bla dubju kellhom ħafna x’jispjegaw liż-żgħażagħ inkwiżittivi tagħhom.

9 Hemm siltiet fil-ħames, fis-sitt, u fis-sebaʼ kapitli taʼ Proverbji li jwasslu pariri kollha mħabba tal-ġenituri dwar il-perikli taʼ l-immoralità sesswali. Dawn il-versi juru li l-immoralità kultant tistaʼ tkun taʼ tentazzjoni. (Proverbji 5:3; 6:24, 25; 7:14-21) Imma jgħallmu li hija ħażina u għandha konsegwenzi diżastrużi, u joffru gwida biex tgħin liż-żgħażagħ jevitaw modi immorali. (Proverbji 5:1-14, 21-23; 6:27-35; 7:22-27) Iżjed minn hekk, l-immoralità titqiegħed f’kuntrast mas-sodisfazzjon tal-pjaċir sesswali fil-post xieraq tiegħu, ġewwa l-limiti taż-żwieġ. (Proverbji 5:15-20) X’mudell mill-aħjar taʼ tagħlim għall-ġenituri biex isegwuh!

10. Li wieħed jagħti lit-tfal għarfien divin dwar is-sess għala m’għandux iwassalhom biex jikkommettu l-immoralità?

10 Iwassal tagħlim bħal dan lit-tfal biex jikkommettu l-immoralità? Għall-kuntrarju, il-Bibbja tgħallem: “[I]l-ġusti bil-għaqal jinħelsu.” (Proverbji 11:9) Ma tridx int teħles lit-tfal tiegħek mill-influwenzi taʼ din id-dinja? Wieħed missier qal: “Minn mindu t-tfal kienu żgħar ħafna, ipprovajna nkunu ċari għalkollox magħhom rigward is-sess. B’dak il-mod, meta jisimgħu lil tfal oħrajn jitkellmu dwar is-sess, ma titqajmilhomx il-kurżità. M’hemm ebda misteru kbir.”

11. It-tfal kif jistgħu jiġu mgħallmin progressivament dwar il-kwistjonijiet intimi tal-ħajja?

11 Bħalma ġie nnotat f’xi kapitli taʼ qabel, l-edukazzjoni sesswali għandha tibda kmieni. Meta tkun qiegħed tgħallem lit-tfal ċkejknin isemmu l-partijiet tal-ġisem, tinjorax il-partijiet privati tagħhom bħal li kieku dawn b’xi mod kienu taʼ mistħija. Għallimhom l-ismijiet xierqa għal dawn il-partijiet. Hekk kif jgħaddi ż-żmien, lezzjonijiet dwar il-privatezza u l-limiti huma essenzjali. Preferibilment iż-żewġ ġenituri għandhom jgħallmu lit-tfal li dawn il-partijiet tal-ġisem huma speċjali, li ġeneralment m’għandhomx jintmessu minn jew jiġu esposti għal oħrajn, u li qatt m’għandhom jiġu diskussi b’mod ħażin. Hekk kif it-tfal jikbru iktar, għandhom ikunu informati inkwantu għal kif raġel u mara jiġu flimkien biex inisslu tarbija. Sa meta l-iġsma tagħhom stess jibdew deħlin fil-pubertà, għandhom ikunu diġà konxji dwar il-bidliet li wieħed irid jistenna. Bħalma ġie diskuss f’Kapitlu 5, edukazzjoni bħal din tistaʼ tgħin ukoll biex tipproteġi lit-tfal minn abbuż sesswali.—Proverbji 2:10-14.

IL-ĦOWMWERK LI GĦANDHOM IL-ĠENITURI

12. Liema ideat mgħawġin huma spiss mgħallmin fl-iskejjel?

12 Il-ġenituri jeħtieġ li jkunu lesti biex jikkumbattu ideat foloz oħrajn li jistgħu jiġu mgħallmin fl-iskola—filosofiji dinjin bħalma huma l-evoluzzjoni, in-nazzjonaliżmu, jew l-idea li ebda verità m’hija assoluta. (1 Korintin 3:19; qabbel Ġenesi 1:27; Levitiku 26:1; Ġwann 4:24; 17:17.) Ħafna uffiċjali sinċieri taʼ l-iskola jagħtu importanza żejda lill-edukazzjoni terzjarja. Waqt li l-kwistjoni t’edukazzjoni supplimentarja hija għażla persunali, xi għalliema jsostnu li hija l-unika rotta għal kwalunkwe suċċess persunali.a—Salm 146:3-6.

13. It-tfal li jattendu l-iskola kif jistgħu jiġu protetti minn ideat żbaljati?

13 Jekk il-ġenituri jridu jikkumbattu t-tagħlim żbaljat jew mgħawweġ, iridu jkunu jafu sewwa sew liema struzzjoni qegħdin jirċievu t-tfal tagħhom. Mela ġenituri, ftakru li intom għandkom il-ħowmwerk ukoll! Uru interess ġenwin f’dak li t-tfal jitgħallmu fl-iskola. Tkellmu magħhom wara l-iskola. Staqsuhom x’qegħdin jitgħallmu, x’jogħġobhom l-iktar, x’isibu l-iktar taʼ sfida. Iċċekkjaw il-ħowmwerk li jkollhom, in-noti, u r-riżultati taʼ l-eżami. Ipprovaw siru afu lill-għalliema tagħhom. Ħalli l-għalliema jkunu jafu li intom tapprezzaw ix-xogħol tagħhom u li tridu tkunu t’għajnuna bi kwalunkwe mod li tistgħu.

IL-ĦBIEB TAT-TFAL TIEGĦEK

14. Għala huwa vitali li tfal devoti jagħżlu ħbieb tajbin?

14 “Dak minfejn il-mniefaħ tgħallimtu?” Kemm ġenituri staqsew dik il-mistoqsija, imkexkxin b’xi ħaġa li t-tifel tagħhom qal jew għamel u li tidher għalkollox mhix tas-soltu? U kemm-il darba t-tweġiba tinvolvi xi ħabib ġdid fl-iskola jew fl-akkwati? Iva, sħabna jeffettwawna profondament, kemm jekk aħna żgħażagħ u kemm jekk xjuħ. L-appostlu Pawlu wissa: “La titqarrqux: il-ħbiberija ħażina tħassar id-drawwiet tajba.” (1 Korintin 15:33; Proverbji 13:20) Iż-żgħażagħ b’mod partikulari huma suxxettibbli għall-pressjoni minn dawk taʼ mparhom. Għandhom it-tendenza li ma jkunux ċerti dwarhom infushom u jistgħu kultant iħossuhom maħkumin minn xewqa biex jogħġbu u jimpressjonaw lil sħabhom. Kemm huwa vitali, allura, li jagħżlu ħbieb tajbin!

15. Il-ġenituri kif jistgħu jiggwidaw lit-tfal tagħhom f’li jagħżlu l-ħbieb?

15 Bħalma jaf kull ġenitur, it-tfal m’humiex se jagħmlu dejjem l-għażla t-tajba; jeħtieġu xi gwida. Din m’hijiex kwistjoni taʼ li tagħżlilhom il-ħbieb tagħhom. Minflok, hekk kif jikbru, għallimhom id-dixxerniment u għinhom jaraw liema kwalitajiet għandhom japprezzaw fil-ħbieb. Il-kwalità prinċipali hija mħabba lejn Jehovah u lejn li jagħmlu dak li huwa sewwa f’għajnejh. (Mark 12:28-30) Għallimhom iħobbu u jirrispettaw lil dawk li jippossiedu onestà, qalb tajba, ġenerożità, diliġenza. Matul l-istudju tal-familja għin lit-tfal biex jirrikonoxxu kwalitajiet bħal dawn f’karattri Bibliċi u mbagħad biex isibu l-istess karatteristiċi f’oħrajn fil-kongregazzjoni. Agħti l-eżempju billi tuża l-istess kriterju f’li tagħżel il-ħbieb tiegħek stess.

16. Il-ġenituri kif jistgħu jiċċekkjaw l-għażla taʼ ħbieb mit-tfal tagħhom?

16 Taf int min huma l-ħbieb tat-tfal tiegħek? Għax ma tgħidx lit-tfal tiegħek biex iġibuhom id-dar sabiex tkun tistaʼ tiltaqaʼ magħhom? Tistaʼ wkoll tistaqsi lit-tfal tiegħek x’jaħsbu tfal oħrajn dwar dawn il-ħbieb. Huma magħrufin għal li juru integrità persunali jew għal li jgħixu ħajja doppja? Jekk dan taʼ l-aħħar huwa veru, għin lit-tfal tiegħek jirraġunaw dwar għala sħubija bħal din tistaʼ tweġġagħhom. (Salm 26:4, 5, 9-12) Jekk tinnota bidliet mhux mixtiqin fl-imġiba, fl-ilbies, fl-attitudni, jew fid-diskors tat-tifel jew tifla tiegħek, jistaʼ jkollok bżonn tiddiskuti dwar il-ħbieb tiegħu jew tagħha. It-tifel tiegħek għandu mnejn qiegħed iqattaʼ ħin maʼ ħabib li qiegħed jeżerċita influwenza negattiva.—Qabbel Ġenesi 34:1, 2.

17, 18. Minbarra li jwissu kontra kumpanija ħażina, il-ġenituri liema għajnuna prattika jistgħu jagħtu?

17 Madankollu m’huwiex biżżejjed li sempliċement tgħallem lit-tfal tiegħek biex jevitaw kumpanija ħażina. Għinhom isibu wħud tajbin. Wieħed missier jgħid: “Aħna dejjem nipprovaw nissostitwixxu. Għalhekk meta l-iskola riedet li t-tifel tagħna jidħol fit-tim tal-futbol, marti u jien poġġejna bil-qiegħda miegħu u ddiskutejna għala dik ma tkunx idea tajba—minħabba l-ħbieb ġodda li kellhom ikunu involuti. Imma mbagħad issuġġerejna li nġibu ftit mit-tfal l-oħrajn tal-kongregazzjoni u neħduhom kollha kemm huma lejn il-park biex jilagħbu l-ballun. U dan irnexxa.”

18 Ġenituri għaqlin jgħinu lit-tfal tagħhom biex isibu ħbieb tajbin u mbagħad biex igawdu rikreazzjoni bnina magħhom. Għal ħafna ġenituri, iżda, din il-kwistjoni tar-rikreazzjoni tippreżenta sfidi tagħha stess.

LIEMA TIP TAʼ RIKREAZZJONI?

19. Liema eżempji Bibliċi juru li m’huwiex xi dnub li l-familji jieħdu gost?

19 Tikkundanna l-Bibbja l-fatt li wieħed jieħu gost? Ċertament li le! Il-Bibbja tgħid li hemm “żmien li tidħak . . . u żmien li tiżfen.”b (Koħelet 3:4) In-nies t’Alla f’Israel tal-qedem gawdew mużika u żfin, logħob, u xaradi. Ġesù Kristu attenda tieġ kbir ħafna u “laqgħa sabiħa ħafna” li Mattew Levi organizza għalih. (Luqa 5:29; Ġwann 2:1, 2) Jidher ċar li Ġesù ma kienx wieħed li jħassar il-festi. Jalla d-daħk u l-gost qatt ma jitqiesu bħala dnubiet f’darek!

Rikreazzjoni magħżula bil-għaqal, bħalma hija din il-mawra tal-familja biex jikkampjaw, tistaʼ tgħin lit-tfal biex jitgħallmu u biex jikbru spiritwalment

20. Il-ġenituri x’għandhom iżommu f’moħħhom f’li jipprovdu r-rikreazzjoni għall-familja?

20 Jehovah hu “dak Alla hieni.” (1 Timotju 1:11, NW) Mela l-qima lejn Jehovah għandha tkun sors t’għaxqa, mhux xi ħaġa li tneħħi l-ferħ mill-ħajja. (Qabbel Dewteronomju 16:15.) It-tfal huma b’mod naturali fuq tagħhom u mimlijin enerġija li tistaʼ tiġi sfogata fil-logħob u fir-rikreazzjoni. Rikreazzjoni magħżula bil-għaqal hija iktar minn gost. Hija mod biex tifel jitgħallem u jimmatura. Kap taʼ familja hu responsabbli biex jipprovdi għall-ħtiġijiet tan-nies taʼ daru f’kollox, inkluża r-rikreazzjoni. Madankollu, huwa meħtieġ bilanċ.

21. Liema nases jeżistu fir-rikreazzjoni llum?

21 F’dawn l-“aħħar jiem” (NW) mimlijin inkwiet, is-soċjetà umana hija mimlija nies li ‘jħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla,’ sewwa sew bħalma kien ipprofetizzat fil-Bibbja. (2 Timotju 3:1-5) Għal ħafna, ir-rikreazzjoni hija l-ħaġa prinċipali fil-ħajja. Hemm tant divertiment disponibbli li jistaʼ faċilment jieħu post l-affarijiet iktar importanti. Iżjed minn hekk, ħafna mid-divertiment modern jikkonsisti f’immoralità sesswali, vjolenza, abbuż taʼ drogi, u prattiċi oħrajn li jagħmlu ħsara kbira ħafna. (Proverbji 3:31) X’jistaʼ jsir biex wieħed jissalvagwardja liż-żgħażagħ minn divertiment li jagħmel ħsara?

22. Il-ġenituri kif jistgħu jħarrġu lit-tfal tagħhom biex jieħdu deċiżjonijiet għaqlin inkwantu għar-rikreazzjoni?

22 Il-ġenituri jeħtieġ li jistabbilixxu limiti u restrizzjonijiet. Imma iktar minn hekk, jeħtieġ li jgħallmu lit-tfal tagħhom kif jiġġudikaw liema rikreazzjoni hija taʼ ħsara u biex ikunu jafu kemm minnha huwa żżejjed. Taħriġ bħal dan jirrikjedi ħin u sforz. Ikkunsidra eżempju. Missier taʼ żewġ subjien innota li l-iben il-kbir tiegħu kien qiegħed jismaʼ stazzjon ġdid tar-radju taʼ spiss wisq. Għalhekk ġurnata minnhom, waqt li kien qiegħed isuq it-trakk tiegħu hu u sejjer għax-xogħol, il-missier fetaħ ir-radju fuq l-istess stazzjon. Minn ħin għal ħin kien jieqaf u jikteb il-kliem taʼ ċerti kanzunetti. Iktar tard poġġa bil-qiegħda mat-tfal tiegħu u ddiskuta dak li kien semaʼ. Staqsa mistoqsijiet indikattivi, billi beda b’“X’taħsbu?” u qagħad jismaʼ bil-paċenzja t-tweġibiet tagħhom. Wara li rraġunaw fuq il-kwistjoni billi wżaw il-Bibbja, is-subjien qablu li ma jisimgħuhx dak l-istazzjon.

23. Il-ġenituri kif jistgħu jipproteġu lit-tfal tagħhom minn rikreazzjoni mhix bnina?

23 Ġenituri Kristjani għaqlin jiċċekkjaw il-mużika, programmi tat-TV, vidjos, kotba tal-komiks, logħob fuq il-vidjo, u films li jinteressaw lit-tfal tagħhom. Iħarsu lejn l-arti fuq il-qoxra, il-kliem, u l-ippakkjar, u jaqraw artikli fil-gazzetti u jiflu siltiet minnhom. Ħafna huma xxokkjati b’xi “divertiment” dirett lejn it-tfal illum. Dawk li jixtiequ jipproteġu lit-tfal tagħhom minn influwenzi mhux nodfa jpoġġu bil-qiegħda mal-familja u jiddiskutu l-perikli, billi jużaw il-Bibbja u pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja, bħalma huma l-ktieb Questions Young People Ask—Answers That Work u artikli fir-rivisti Torri Taʼ L-Għassa u Awake!c Meta l-ġenituri jistabbilixxu limiti sodi, billi jkunu konsistenti u raġonevoli, huma ġeneralment jaraw riżultati tajbin.—Mattew 5:37; Filippin 4:5.

24, 25. Liema huma xi forom bnini taʼ divertiment li l-familji jistgħu jgawdu flimkien?

24 M’għandniex xi ngħidu, li wieħed jirrestrinġi forom taʼ rikreazzjoni li jagħmlu l-ħsara huwa biss parti mill-battalja. Il-ħażin irid jiġi kkumbattut bit-tajjeb, inkella t-tfal jistgħu jintelqu mal-kurrent għal ġo korsa żbaljata. Bosta familji Kristjani għandhom memorji sbieħ u henjin bla għadd taʼ li jgawdu rikreazzjoni flimkien—imorru xi piknik, jimxu fit-tul, jikkampjaw, jilagħbu logħob u sport ieħor, jivvjaġġaw biex iżuru lil qraba jew ħbieb. Xi wħud sabu illi li sempliċement jaqraw flimkien b’leħen għoli għal mistrieħ huwa sors kbir taʼ pjaċir u kuntentizza. Oħrajn jieħdu pjaċir jirrakkontaw stejjer umoristiċi jew interessanti. Jerġaʼ oħrajn żviluppaw passatempi flimkien, per eżempju, xogħol taʼ l-injam u snajjaʼ oħrajn, kif ukoll idoqqu strumenti mużikali, ipinġu, jew jistudjaw il-ħolqien t’Alla. Tfal li jitgħallmu jgawdu passatempi bħal dawn huma protetti minn ħafna divertiment mhux nadif, u jitgħallmu li r-rikreazzjoni hija iktar milli wieħed sempliċement joqgħod bil-qiegħda b’mod passiv u jiġi divertit. Li wieħed jipparteċipa huwa spiss iktar taʼ gost milli joqgħod josserva.

25 Laqgħat soċjali jistgħu wkoll ikunu forma premjanti taʼ rikreazzjoni. Meta jkun hemm superviżjoni tajba u ma jkunux kbar iżżejjed jew jieħdu ħafna ħin, jistgħu jagħtu lit-tfal tiegħek iktar minn sempliċi gost. Jistgħu jgħinu biex japprofondixxu r-rabtiet taʼ mħabba fil-kongregazzjoni.—Qabbel Luqa 14:13, 14; Ġuda 12.

IL-FAMILJA TIEGĦEK TISTAʼ TIKKONKWISTA LID-DINJA

26. Rigward il-protezzjoni tal-familja minn influwenzi mhux bnini, liema hija l-kwalità l-iktar importanti?

26 Mingħajr dubju, li tipproteġi lill-familja tiegħek mill-influwenzi distruttivi tad-dinja jirrikjedi ħafna xogħol iebes. Imma hemm ħaġa waħda li, iktar minn kwalunkwe ħaġa oħra, se tagħmel is-suċċess possibbli. Hija l-imħabba! Rabtiet tal-familja mill-qrib u kollhom imħabba se jagħmlu lil darek menqa taʼ salvezza u se jippromwovu l-komunikazzjoni, li hija protezzjoni kbira minn influwenzi ħżiena. Iktar minn hekk, li wieħed jikkultiva tip ieħor taʼ mħabba huwa saħansitra iktar importanti—imħabba lejn Jehovah. Meta mħabba bħal din timla l-familja, huwa iktar probabbli li t-tfal jikbru jobogħdu lill-istess idea taʼ li ma jogħġbux lil Alla billi jċedu għall-influwenzi dinjin. U ġenituri li jħobbu lil Jehovah mill-qalb se jfittxu li jimitaw il-personalità tiegħu kollha mħabba, raġonevoli, u bbilanċjata. (Efesin 5:1; Ġakbu 3:17) Jekk il-ġenituri jagħmlu hekk, it-tfal tagħhom ma se jkollhom ebda raġuni li jħarsu lejn il-qima taʼ Jehovah bħala biss lista t’affarijiet li m’humiex permessi jagħmlu jew bħala mod taʼ ħajja priv mill-gost jew daħk, u li minnu jridu jaħarbu malli jkun possibbli. Minflok, se jaraw illi li jqimu lil Alla huwa l-mod taʼ ħajja l-iktar hieni u sħiħ possibbli.

27. Kif tistaʼ familja tikkonkwista lid-dinja?

27 Familji li jibqgħu magħqudin f’servizz hieni u bbilanċjat lejn Alla, billi jagħmlu ħilithom b’qalbhom kollha biex jibqgħu “bla tebgħa u bla dnub” mill-influwenzi li jikkorrompu taʼ din id-dinja, huma sors taʼ ferħ għal Jehovah. (2 Pietru 3:14; Proverbji 27:11) Familji bħal dawn isegwu l-passi taʼ Ġesù Kristu, li rreżista kull sforz tad-dinja taʼ Satana biex tikkorrompih. Qrib it-tmiem tal-ħajja umana tiegħu, Ġesù kellu l-ħila jgħid: “Jiena rbaħt id-dinja.” (Ġwann 16:33) Jalla l-familja tiegħek bl-istess mod tikkonkwista lid-dinja u tgawdi l-ħajja għal dejjem!

a Għal diskussjoni dwar edukazzjoni supplimentarja, ara l-browxer Jehovah’s Witnesses and Education, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc., paġni 4-7.

b Il-kelma Ebrajka hawn tradotta “tidħak” tistaʼ, f’forom oħrajn, tiġi tradotta “tilgħab,” “toffri xi xalar,” “tiċċelebra,” jew saħansitra “tieħu gost.”

c Ippubblikati mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

DAWN IL-PRINĊIPJI TAL-BIBBJA KIF JISTGĦU JGĦINU . . . BIEX JIPPROTEĠU LILL-FAMILJA TIEGĦEK?

L-għarfien iwassal għall-għerf, li jistaʼ jżomm lil persuna ħajja.—Koħelet 7:12.

“Il-għerf taʼ din id-dinja hu bluha quddiem Alla.”—1 Korintin 3:19.

Sħubijiet ħżiena jridu jiġu evitati.—1 Korintin 15:33.

Waqt li r-rikreazzjoni għandha l-post tagħha, għandha tkun ikkontrollata.—Koħelet 3:4.

MA ĦASSUX IMĊAĦĦAD

Il-ġenituri Kristjani Paul u martu, Lu-Ann, jorganizzaw laqgħat soċjali fid-dar tagħhom minn żmien għal żmien. Huma jkunu ċerti li l-laqgħat huma superviżjonati sewwa u taʼ daqs maniġġabbli. Għandhom raġuni tajba għala jemmnu li t-tfal tagħhom jibbenefikaw.

Lu-Ann tirrakkonta: “Omm wieħed tifel fil-klassi taʼ Eric, ibni taʼ sitt snin, avviċinatni biex tgħidli li ħassitha ddispjaċuta għal Eric għaliex kien jinqataʼ għalih waħdu u ma kienx jieħu sehem f’pârtis t’għeluq is-snin fil-klassi. Għedtilha: ‘Tassew napprezza li jimpurtak minn ibni b’dak il-mod. Dan jindika t-tip taʼ persuna li int. U x’aktarx li m’hemm xejn li nistaʼ ngħid li se jikkonvinċik li Eric ma jħossx li qiegħed jiġi mċaħħad.’ Hi qablet. Għalhekk jien għedt: ‘Allura jekk jogħġbok, għall-benefiċċju tiegħek stess, serraħ moħħok u staqsi lil Eric int innifsek kif iħossu.’ Meta ma kontx ħdejha, hi staqsiet lil Eric, ‘Ma jimpurtakx int li titlef dawn il-pârtis sbieħ t’għeluq is-snin?’ Hu ħares ’il fuq lejha, sorpriż, u qal: ‘Taħseb int li għaxar minuti, ftit pasti, u kanzunetta huma pârti? Imissek tiġi d-dar tiegħi u tara kif ikun pârti veru!’” L-entużjażmu innoċenti tat-tifel għamilha ċara—ma ħassux li kien imċaħħad jew li qiegħed jitlef xi ħaġa!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja