KAPITLU DISGĦA
Familji b’Ġenitur Wieħed Jistgħu Jirnexxu!
1-3. X’wassal għaż-żjieda fin-numru taʼ familji b’ġenitur wieħed, u dawk involuti kif inhuma effettwati?
FAMILJI b’ġenitur wieħed ġew imsejħin “l-istil taʼ familja li l-iktar qiegħed jikber bil-għaġla” fl-Istati Uniti. Is-sitwazzjoni hija simili f’ħafna pajjiżi oħrajn. Numru rekord taʼ divorzji, abbandun, separazzjonijiet, u twelid illeġittimu kellhom konsegwenzi b’effett vast għal miljuni taʼ ġenituri u tfal.
2 “Jien armla taʼ 28 sena b’żewġt itfal,” kitbet waħda omm bla raġel. “Inħossni dipressa ferm għax ma rridx inrabbi t-tfal tiegħi bla missier. Donnu li lanqas ħadd ma jimpurtah minni. Uliedi jarawni nibki spiss u dan jeffettwahom.” Minbarra li jissieltu maʼ sentimenti bħalma huma r-rabja, il-ħtija, u s-solitudni, il-biċċa l-kbira tal-ġenituri waħedhom jiffaċċjaw l-isfida kemm taʼ li jżommu impjieg barra d-dar u kemm taʼ li jwettqu dmirijiet domestiċi. Jgħid wieħed: “Li tkun ġenitur waħdek huwa bħal meta tkun bużullottist. Wara sitt xhur tipprattika, ikollok finalment il-ħila li tilgħab b’erbaʼ blalen f’daqqa. Imma malli jkollok il-ħila tagħmel dan, xi ħadd jixħetlek ballun ġdid!”
3 Żgħażagħ ġo familji b’ġenitur wieħed spiss ikollhom is-sarâr tagħhom stess. Għandhom mnejn ikollhom jitqabdu m’emozzjonijiet intensi bħala riżultat tat-tluq ħabta u sabta jew il-mewt taʼ ġenitur. Għal ħafna żgħażagħ l-assenza taʼ ġenitur tidher li għandha effett profondament negattiv.
4. Kif nafu li Jehovah hu kkonċernat dwar familji b’ġenitur wieħed?
4 Familji b’ġenitur wieħed kienu jeżistu fi żminijiet Bibliċi. L-Iskrittura ripetutament issemmi l-“iltim” u l-“armla.” (Eżodu 22:21 [22:22, NW]; Dewteronomju 24:19-21; Ġob 31:16-22) Alla Jehovah ma kienx indifferenti għall-istat imwiegħer tagħhom. Is-salmista sejjaħ lil Alla “missier l-iltiema u difensur tar-romol.” (Salm 68:6 [68:5, NW]) Żgur li Jehovah għandu l-istess tħassib għal familji b’ġenitur wieħed illum! Tabilħaqq, il-Kelma tiegħu toffri prinċipji li jistgħu jgħinuhom jirnexxu.
NIKKONTROLLAW IR-RUTINA FID-DAR
5. Ġenituri waħedhom liema problema jridu jiffaċċjaw inizjalment?
5 Ikkunsidra l-biċċa xogħol taʼ li timmaniġġa dar. “Hemm ħafna okkażjonijiet meta tkun tixtieq li jkollok raġel ħdejk,” tammetti waħda ddivorzjata, “bħal meta l-karozza tiegħek tibda tagħmel il-ħsejjes u ma tkunx taf minfejn ġejjin.” Irġiel li ddivorzjaw jew saru romol dan l-aħħar jistgħu bl-istess mod jibqgħu mbellhin bil-kotra taʼ xogħlijiet differenti fid-dar li jkollhom issa jwettqu. Għat-tfal, il-konfużjoni domestika żżid maʼ sentimenti taʼ instabilità u nuqqas taʼ sigurtà.
Tfal, ikkoperaw mal-ġenitur tagħkom
6, 7. (a) Liema eżempju mill-aħjar kien stabbilit mill-“mara taʼ ħila” taʼ Proverbji? (b) Li wieħed ikun diliġenti dwar responsabbiltajiet domestiċi kif jgħin fi djar b’ġenitur wieħed?
6 X’jistaʼ jgħin? Innota l-eżempju mogħti mill-“mara taʼ ħila” deskritta fi Proverbji 31:10-31. Il-kobor tat-twettiq tagħha huwa rimarkevoli—tixtri, tbiegħ, tħit, issajjar, tinvesti fil-propjetà, taħdem fir-rabaʼ, u timmaniġġa negozju. X’kien is-sigriet tagħha? Kienet diliġenti, billi taħdem sa tard bil-lejl u tqum kmieni biex tibda l-attivitajiet tagħha. U kienet organizzata tajjeb, billi ddelegat xi xogħlijiet u wżat idejha stess biex tieħu ħsieb t’oħrajn. Mhux taʼ b’xejn li rebħet it-tifħir!
7 Jekk int ġenitur waħdek, kun kuxjenzjuż dwar ir-responsabbiltajiet domestiċi tiegħek. Sib sodisfazzjon f’xogħol bħal dan, għax dan jagħmel ħafna biex iżid maʼ l-hena tat-tfal tiegħek. Madankollu, ippjanar xieraq u organizzazzjoni huma essenzjali. Il-Bibbja tgħid: “Min hu bil-għaqal jaħsibha tajjeb u jirnexxilu.” (Proverbji 21:5) Wieħed missier bla mara ammetta: “Jien inklinat li ma naħsibx dwar l-ikel sakemm jaqbadni l-ġuħ.” Imma ikliet ippjanati għandhom it-tendenza li jkunu iktar nutrittivi u jappellaw minn dawk li jsiru bil-għaġla u kif ġie ġie. Għandek mnejn ukoll li jkollok titgħallem tuża jdejk b’modi ġodda. Billi kkonsultaw maʼ ħbieb intiżi, kotba istruttivi, u professjonisti li tant jgħinu, xi ommijiet bla raġel kellhom il-ħila jmiddu għonqhom għal tibjid, plaming, u tiswijiet sempliċi tal-karozza.
8. Tfal taʼ ġenituri waħedhom kif jistgħu jagħtu daqqa t’id fid-dar?
8 Huwa ġust li titlob lit-tfal jagħtu daqqa t’id? Waħda omm bla raġel irraġunat: “Trid tikkumpensa għall-assenza tal-ġenitur l-ieħor billi tagħmilha faċli għat-tfal.” Wieħed jistaʼ jifhmu dan imma forsi mhux dejjem ikun fl-aħjar interessi tat-tifel. Żgħażagħ li kellhom il-biżaʼ t’Alla fi żminijiet Bibliċi ġew mogħtijin faċendi xierqa. (Ġenesi 37:2; Il-Għanja Tal-Għanjiet 1:6) Mela, għalkemm toqgħod attent li ma tgħabbix iżżejjed lit-tfal tiegħek, tkun għaqli li tagħtihom xogħlijiet differenti bħalma huma li jaħslu l-platti u li jżommu l-kamra tagħhom nadifa. Għala ma tagħmlux xi faċendi flimkien? Dan jistaʼ jkun pjaċevoli ferm.
L-ISFIDA TAʼ LI TAQLAʼ L-GĦIXIEN
Qattaʼ ħin kemm tistaʼ mat-tfal tiegħek
9. Ommijiet bla raġel għala spiss jiffaċċjaw tbatijiet finanzjarji?
9 Il-biċċa l-kbira tal-ġenituri waħedhom isibuha diffiċli biex jissodisfaw il-ħtiġijiet finanzjarji tagħhom, u ommijiet żgħażagħ mhux miżżewġin ġeneralment ikollhom biċċa xogħol iebsa mhux ħażin.a F’pajjiżi fejn assistenza pubblika hija disponibbli, huma jistgħu jkunu għaqlin li jagħmlu użu minnha, taʼ l-inqas sakemm ikunu jistgħu jsibu impjieg. Il-Bibbja tippermetti lill-Kristjani biex jutilizzaw provvedimenti bħal dawn meta jkunu neċessarji. (Rumani 13:1, 6) Ir-romol u n-nisa ddivorzjati jiffaċċjaw sfidi simili. Ħafna, sforzati biex jerġgħu joħorġu jaħdmu wara snin taʼ xogħol fid-dar, jistgħu spiss isibu biss xogħol b’paga baxxa. Xi wħud jirnexxilhom itejbu l-qagħda tagħhom billi jingaġġaw fi programmi taʼ taħriġ fl-impjiegi jew korsijiet qosra fl-iskola.
10. Omm bla raġel kif tistaʼ tispjega lit-tfal tagħha għala jkollha ssib impjieg sekulari?
10 Teħodhiex bi kbira jekk uliedek ma jiħdux pjaċir meta tfittex impjieg, u tħossokx ħatja. Minflok, spjegalhom għala jkollok taħdem, u għinhom jifhmu li Jehovah jirrikjedi minnek li tipprovdi għalihom. (1 Timotju 5:8) Maż-żmien, il-biċċa l-kbira tat-tfal jaġġustaw ruħhom. Madankollu, ipprova qattaʼ ħin magħhom kemm tippermettilek l-iskeda mimlija daqs bajda tiegħek. Attenzjoni bl-imħabba bħal din tistaʼ wkoll tgħin biex jittaffa l-impatt taʼ kwalunkwe limitazzjoni finanzjarja li l-familja tistaʼ tesperjenza.—Proverbji 15:16, 17.
MIN QIEGĦED JIEĦU ĦSIEB TAʼ MIN?
Il-kongregazzjoni ma tinjorax lir-“romol” u lill-“iltiema”
11, 12. Ġenituri waħedhom liema limiti jridu jżommu, u kif jistgħu jagħmlu hekk?
11 Hija ħaġa naturali li ġenituri waħedhom ikunu speċjalment qrib tat-tfal tagħhom, u madankollu trid tingħata attenzjoni li l-limiti mogħtijin minn Alla bejn ġenituri u tfal ma jsirux ineffettivi. Per eżempju, jistgħu jqumu diffikultajiet serji jekk omm bla raġel tippretendi li binha jieħu r-responsabbiltajiet tal-kap tad-dar jew tittratta lil bintha bħala ħabiba tal-qalb, billi tgħabbi lit-tfajla bi problemi intimi. Li tagħmel hekk m’huwiex xieraq, jikkaġuna stress, u forsi jikkonfondi lit-tfal.
12 Assigura lit-tfal tiegħek li int, bħala l-ġenitur, se tieħu ħsiebhom—mhux viċeversa. (Qabbel 2 Korintin 12:14.) Kultant, għandek mnejn ikollok bżonn xi parir jew appoġġ. Fittxu mingħand l-anzjani Kristjani jew forsi mingħand nisa Kristjani maturi, mhux mingħand it-tfal żgħar tiegħek.—Titu 2:3.
INŻOMMU D-DIXXIPLINA
13. Liema problema rigward id-dixxiplina tistaʼ omm bla raġel tiffaċċja?
13 Raġel jistaʼ ma tantx ikollu inkwiet biex jittieħed bis-serjetà bħala wieħed li jiddixxiplina, imma mara jistaʼ jkollha l-problemi f’dan ir-rigward. Tgħid waħda omm bla raġel: “Uliedi s-subjien għandhom ġisimhom u leħinhom taʼ raġel. Kultant ikun iebes biex ma ninstemax indeċiża jew dgħajfa pparagunata magħhom.” Barra minn hekk, jistaʼ jkun li għadek imnikkta minħabba l-mewt taʼ sieħeb maħbub, jew forsi jistaʼ jkun li qiegħda tħossok ħatja jew irrabjata minħabba kollass fiż-żwieġ. Jekk il-kustodja tat-tfal hija bejn it-tnejn, għandek mnejn tibżaʼ li t-tifel tiegħek jippreferi jkun mas-sieħeb li kellek qabel. Sitwazzjonijiet bħal dawn jistgħu jagħmluha diffiċli għalik li tamministra dixxiplina bbilanċjata.
14. Ġenituri waħedhom kif jistgħu jżommu ħarsa bbilanċjata dwar id-dixxiplina?
14 Il-Bibbja tgħid li “tifel mitluq għal riħu jagħmel għajb lil ommu.” (Proverbji 29:15) Int għandek l-appoġġ t’Alla Jehovah f’li tagħmel u tinforza regoli tal-familja, u għalhekk iċċedix għall-ħtija, rimors, jew biżaʼ. (Proverbji 1:8) Qatt tagħmel kompromess fejn jidħlu prinċipji tal-Bibbja. (Proverbji 13:24) Ipprova kun raġonevoli, konsistenti, u soda. Maż-żmien, il-biċċa l-kbira tat-tfal se jwieġbu. Xorta waħda, se tkun trid li tqis is-sentimenti tat-tfal tiegħek. Jgħid wieħed missier bla mara: “Id-dixxiplina tiegħi kellha tiġi mrattba bil-komprensjoni minħabba x-xokk li kellhom għax tilfu ’l ommhom. Inkellimhom f’kull opportunità. Għandna ‘mumenti intimi’ meta nħejju l-ikla taʼ fil-għaxija. Huwa f’dak il-ħin li huma verament jiftħu qalbhom miegħi.”
15. Omm li hi ddivorzjata x’għandha tevita meta titkellem dwar is-sieħeb li kellha?
15 Jekk int iddivorzjata, ma tieħu xejn billi ddgħajjef ir-rispett lejn is-sieħeb li kellek qabel. Tilwim bejn il-miżżewġin huwa taʼ wġigħ għat-tfal u eventwalment se jdgħajjef ir-rispett tagħhom lejkom it-tnejn. Għalhekk, evita li tgħaddi rimarki li jweġġgħu bħal: “Int fula maqsuma maʼ missierek!” Hu x’inhu l-uġigħ li s-sieħeb li kellek qabel setaʼ kkaġunalek, hu għadu l-ġenitur tat-tifel tiegħek, li jeħtieġ l-imħabba, l-attenzjoni, u d-dixxiplina taż-żewġ ġenituri.b
16. Liema arranġamenti spiritwali għandhom ikunu parti regulari mid-dixxiplina f’dar b’ġenitur wieħed?
16 Bħalma ddiskutejna f’xi kapitli taʼ qabel, id-dixxiplina tinvolvi taħriġ u istruzzjoni, mhux biss kastig. Bi programm tajjeb taʼ taħriġ spiritwali, ħafna problemi jistgħu jiġu evitati. (Filippin 3:16) Attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani hija essenzjali. (Lhud 10:24, 25) Hekk ukoll huwa li jkollok studju tal-Bibbja mal-familja kull ġimgħa. Veru, m’huwiex faċli li żżomm studju bħal dan għaddej regolarment. “Wara ġurnata xogħol, tkun verament trid tistrieħ,” tgħid waħda mara kuxjenzjuża. “Imma nipprepara lili nnifsi mentalment biex nistudja maʼ binti, billi naf li din hija xi ħaġa li trid issir. Hi tassew tieħu pjaċir bl-istudju tal-familja tagħna!”
17. X’nistgħu nitgħallmu mit-trobbija mill-aħjar taʼ Timotju sieħeb Pawlu?
17 Timotju, sieħeb l-appostlu Pawlu, ġie b’mod evidenti mogħti t-taħriġ tiegħu fi prinċipji tal-Bibbja minn ommu u nanntu—imma milli jidher mhux minn missieru. Madankollu, xi Kristjan li jispikka sar Timotju! (Atti 16:1, 2; 2 Timotju 1:5; 3:14, 15) Int tistaʼ bl-istess mod tittama għal riżultati favorevoli hekk kif tistinka biex trabbi lil uliedek “fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej.”—Efesin 6:4.
NIRBĦU L-BATTALJA KONTRA S-SOLITUDNI
18, 19. (a) Is-solitudni kif tistaʼ turi lilha nfisha għal ġenitur waħdu? (b) Liema parir huwa mogħti biex jgħin fil-kontroll tax-xewqat tal-laħam?
18 Wieħed ġenitur waħdu tniehed: “Meta niġi d-dar u nara dawk l-erbaʼ ħitan, u speċjalment wara li t-tfal ikunu fis-sodda, is-solitudni verament taħkimni.” Iva, is-solitudni hija spiss l-akbar problema li ġenitur waħdu jiffaċċja. Hija ħaġa naturali li tixxennaq għall-kumpanija kordjali u l-intimitajiet taż-żwieġ. Imma għandha persuna tipprova ssolvi din il-problema akkost taʼ kollox? Fi żmien l-appostlu Pawlu, xi romol żgħażagħ ħallew “[i]x-xewqat tagħhom jibdew jegħlbuhom kontra Kristu.” (1 Timotju 5:11, 12 [KŻ]) Li wieħed iħalli x-xewqat tal-laħam idallmu l-interessi spiritwali jkun taʼ ħsara.—1 Timotju 5:6.
19 Raġel Kristjan qal: “It-tqanqil sesswali huwa qawwi ferm, imma tistaʼ tikkontrollah. Meta jidħol xi ħsieb f’moħħok, ma tridx toqgħod taħseb fuqu. Trid teħles minnu. Jgħin ukoll li taħseb dwar it-tifel tiegħek.” Il-Kelma t’Alla tagħti l-parir: ‘Mewtu l-membri taʼ ġisimkom inkwantu għall-aptit sesswali.’ (Kolossin 3:5) Kieku kont qiegħed tipprova tmewwet l-aptit tiegħek għall-ikel, kont int taqra rivisti li fihom stampi taʼ ikel delizzjuż, jew kont int tassoċja maʼ nies li l-ħin kollu jitkellmu dwar l-ikel? Ċertament li le! L-istess jgħodd għax-xewqat tal-laħam.
20. (a) Liema periklu hemm jistenna lil dawk li jinnamraw maʼ wħud mhux kredenti? (b) Nies waħedhom kemm fl-ewwel seklu u kemm illum kif iġġildulha s-solitudni?
20 Xi Kristjani daħlu f’namrar maʼ wħud li m’humiex kredenti. (1 Korintin 7:39) Solva dan il-problema tagħhom? Le. Mara Kristjana ddivorzjata wissiet: “Hemm ħaġa waħda ferm agħar milli tkun waħdek. Hija li tkun miżżewġa lill-persuna żbaljata!” Romol Kristjani taʼ l-ewwel seklu bla dubju kellhom perijodi taʼ solitudni, imma l-uħud għaqlin żammew ruħhom okkupati ‘jilqgħu il-barranin, jaħslu riġlejn l-aħwa qaddisin, u jgħinu lil dawk li huma mħabbta.’ (1 Timotju 5:10) Kristjani leali llum li stennew ħafna snin biex isibu sieħeb jew sieħba li jibżgħu minn Alla żammew ruħhom okkupati bl-istess mod. Armla Kristjana taʼ 68 sena bdiet iżżur lil romol oħrajn kulmeta ħassitha waħedha. Hi qalet: “Insib li billi nagħmel dawn iż-żjajjar, inlaħħaq ix-xogħol tad-dar u nieħu ħsieb l-ispiritwalità tiegħi ma jkollix ħin biex inkun waħdi.” Li tgħallem lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla huwa xogħol tajjeb taʼ benefiċċju b’mod speċjali.—Mattew 28:19, 20.
21. It-talb u s-sħubija tajba b’liema mod jistgħu jgħinu biex tingħeleb is-solitudni?
21 Nammettu li m’hemm ebda fejqan mirakoluż għas-solitudni. Imma din wieħed jistaʼ jissaportiha b’saħħa mingħand Jehovah. Saħħa bħal din tiġi meta Kristjan ‘jgħaddi jiemu fit-talb u fl-orazzjoni lejl u nhar.’ (1 Timotju 5:5) Suppliki huma appelli bis-serjetà, iva, li wieħed jittallab għall-għajnuna, forsi b’agħjat qawwi u dmugħ. (Qabbel Lhud 5:7.) Li tferraʼ qalbek lil Jehovah “lejl u nhar” jistaʼ verament jgħin. Iżjed minn hekk, sħubija bnina tistaʼ tagħmel ħafna biex timla l-vojt tas-solitudni. Permezz taʼ sħubija tajba, wieħed jistaʼ jikseb il-“kelma tajba” taʼ inkuraġġiment deskritta fi Proverbji 12:25.
22. Liema konsiderazzjonijiet se jgħinu meta sentimenti taʼ solitudni jitfaċċaw minn żmien għal żmien?
22 Jekk minn żmien għal żmien jitfaċċaw sentimenti taʼ solitudni—bħalma x’aktarx li se jiġri—ftakar li ħadd m’għandu ħajja ħielsa mill-problemi. Tabilħaqq, “ħutkom, imxerrdin fid-dinja,” qegħdin isofru b’mod jew ieħor. (1 Pietru 5:9) Evita li toqgħod taħseb fuq il-passat. (Koħelet 7:10) Ħares lejn il-vantaġġi li tgawdi. Fuq kollox, kun determinat li żżomm l-integrità tiegħek u li tferraħ qalb Jehovah.—Proverbji 27:11.
KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU
23. Sħabhom Kristjani liema responsabbiltà għandhom lejn ġenituri waħedhom fil-kongregazzjoni?
23 L-appoġġ u l-għajnuna taʼ Kristjani sħabek huma imprezzabbli. Ġakbu 1:27 jgħid: “Quddiem Alla u Missierna t-tjieba safja u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fil-hemm tagħhom.” Iva, il-Kristjani huma obbligati li jassistu lil familji b’ġenitur wieħed. Liema huma xi modi prattiċi kif dan jistaʼ jsir?
24. Familji fil-bżonn b’ġenitur wieħed b’liema modi jistgħu jiġu mgħejjunin?
24 Tistaʼ tingħata għajnuna materjali. Il-Bibbja tgħid: “Jekk wieħed għandu biex igħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tistaʼ l-imħabba taʼ Alla tgħammar fih?” (1 Ġwann 3:17) Il-kelma oriġinali Griega għal “jara” tfisser, mhux sempliċement daqqa t’għajn każwali, imma ħarsa fissa apposta. Dan jindika li Kristjan qalbu tajba jistaʼ l-ewwel isir familjari maċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet taʼ familja. Forsi għandhom bżonn il-flus. Xi wħud għandhom mnejn jeħtieġu għajnuna fit-tiswijiet tad-dar. Jew jistgħu sempliċement japprezzaw stedina għal xi ikla jew laqgħa soċjali.
25. Sħabhom Kristjani kif jistgħu juru mogħdrija lejn ġenituri waħedhom?
25 Iżjed minn hekk, 1 Pietru 3:8 jgħid: “Kunu lkoll fehma waħda, ħossu għal xulxin, inħabbu bħal aħwa b’qalb ħanina u umli.” Qalet waħda omm waħedha b’sitt itfal: “Kien diffiċli u kultant inħossni oppressa. Madankollu, darba kultant wieħed jew waħda mill-aħwa jgħiduli: ‘Joan, veru qiegħda tagħmel biċċa xogħol tajba. Żgur li se jkun vallapena.’ Li sempliċement tkun taf li oħrajn qegħdin jaħsbu fik u li jimpurtahom minnek tant huwa t’għajnuna.” Nisa Kristjani iktar anzjani jistgħu partikolarment ikunu effettivi f’li jgħinu lil nisa żgħażagħ li huma ġenituri bla raġel, billi jagħtuhom widen meta dawn ikollhom problemi li jistgħu jkunu mbarazzanti għalihom biex jiddiskutuhom maʼ raġel.
26. Irġiel Kristjani maturi kif jistgħu jgħinu lil tfal bla missier?
26 Irġiel Kristjani jistgħu jagħtu daqqa t’id b’modi oħrajn. Ir-raġel twajjeb Ġob qal: “Kont neħles . . . l-iltim li ma kellux min jaqbeż għalih.” (Ġob 29:12) Xi rġiel Kristjani llum bl-istess mod jieħdu interess bnin fi tfal bla missier u juru “imħabba [ġenwina] li toħroġ minn qalb safja,” billi m’għandhomx motivi ulterjuri. (1 Timotju 1:5) Mingħajr ma jittraskuraw lill-familji tagħhom stess, huma jistgħu xi kultant jirranġaw biex jaħdmu maʼ żgħażagħ bħal dawn fil-ministeru Kristjan u jistgħu wkoll jistednuhom biex jieħdu sehem fl-istudju tal-familja jew fir-rikreazzjoni. Qalb tajba bħal din tistaʼ teħles lil tifel bla missier minn korsa xxellerata.
27. Ġenituri waħedhom dwar liema appoġġ jistgħu jiġu żgurati?
27 Fl-aħħar mill-aħħar, m’għandniex xi ngħidu, ġenituri waħedhom iridu ‘jerfgħu t-tagħbija tagħhom stess’ taʼ responsabbiltà. (Galatin 6:5) Minkejja dan, jistgħu jkollhom l-imħabba t’aħwa Kristjani rġiel u nisa u t’Alla Jehovah innifsu. Il-Bibbja tgħid dwaru: ‘Igħin lill-iltim u lill-armla.’ (Salm 146:9, KŻ) Bl-appoġġ kollu mħabba Tiegħu, familji b’ġenitur wieħed jistgħu jirnexxu!
a Jekk Kristjana żagħżugħa toħroġ tqila minħabba kondotta immorali, il-kongregazzjoni Kristjana bl-ebda mod ma tħallih għaddej dak li tkun għamlet. Imma jekk tindem, l-anzjani tal-kongregazzjoni u oħrajn fil-kongregazzjoni għandhom mnejn ikunu jixtiequ joffrulha għajnuna.
b M’aħniex qegħdin nirreferu għal sitwazzjonijiet li fihom tifel jistaʼ jkollu bżonn jiġi protett minn ġenitur abbużiv. Ukoll, jekk il-ġenitur l-ieħor jipprova jdgħajjef l-awtorità tiegħek, forsi bl-iskop li jipperswadi lit-tfal biex jitilquk, jistaʼ jkun tajjeb li tkellem lil ħbieb t’esperjenza, bħalma huma l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana, għal parir dwar kif tittratta mas-sitwazzjoni.