Egħleb il-Masturbazzjoni
Il-masturbazzjoni, drawwa li ma togħġobx lil Alla, bil-mod il-mod iddaħħal f’individwu attitudnijiet li jġegħluh jaħseb biss f’li jissodisfa lilu nnifsu u li jikkorrompulu l-ħsibijiet taʼ moħħu.a Wieħed li jipprattika l-masturbazzjoni jistaʼ jibda jqis lil ħaddieħor bħala persuna għal interess sesswali biss—sempliċement mezz taʼ sodisfazzjon sesswali. Is-sess jiġi separat mill-imħabba u jitwaqqaʼ fil-baxx għal att fiżiku li jagħti pjaċir taʼ dak il-ħin u jserraħ it-tensjoni sesswali. Imma dan is-serħan huwa biss temporanju. Fir-realtà, minflok ma tmewwet lill-membri tal-ġisem “fejn tidħol iż-żína, in-nuqqas taʼ ndafa, [u] l-aptit sesswali [mhux xieraq],” il-masturbazzjoni tqajjimhom.—Kolossin 3:5.
L-appostlu Pawlu kiteb: “Maħbubin . . . ħa nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu, u nipperfezzjonaw il-qdusija fil-biżaʼ t’Alla.” (2 Korintin 7:1) Jekk qed issib dan il-kliem diffiċli biex tobdih, tiddisprax. Ġeħova hu dejjem ‘lest li jaħfer’ u li jgħin. (Salm 86:5; Luqa 11:9-13) Tabilħaqq, il-fatt li qalbek tikkundannak u li qed tagħmel sforzi biex twaqqaf id-drawwa—minkejja li kultant terġaʼ taqaʼ għaliha—juri li għandek attitudni tajba. Żomm f’moħħok ukoll li “Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” (1 Ġwanni 3:20) Alla jara lil hinn minn dnubietna; jara l-persuna kollha. Ladarba jaf kollox dwarna, hu jistaʼ jismaʼ b’mogħdrija s-suppliki tagħna għall-ħniena. Għalhekk, qatt tegħja ddur lejn Alla b’talb ħerqan, bħal tifel li jmur għand missieru meta jsib ruħu fl-inkwiet. Ġeħova jbierkek b’kuxjenza mnaddfa. (Salm 51:1-12, 17; Isaija 1:18) M’għandniex xi ngħidu, ikollok bżonn tieħu l-azzjoni meħtieġa fi qbil mat-talb tiegħek. Per eżempju, ikollok tagħmel l-almu tiegħek biex tevita kull tip taʼ pornografija, kif ukoll il-ħbieb ħżiena.b
Jekk il-problema tiegħek tal-masturbazzjoni tippersisti, jekk jogħġbok tkellem dwar din il-kwistjoni maʼ ġenitur Kristjan jew maʼ ħabib matur spiritwalment u li jimpurtah minnek.c—Proverbji 1:8, 9; 1 Tessalonikin 5:14; Titu 2:3-5.
[Noti taʼ taħt]
a Il-masturbazzjoni hija t-tmellis jew taħkik taʼ l-organi ġenitali li fil-biċċa l-kbira jwassal għal milja taʼ sodisfazzjon sesswali, jew orgażmu.
b Bħala azzjoni speċifika biex l-użu tal-kompjuter fid-dar jiġi kontrollat, ħafna familji jqegħduh f’post li jintlaħaq minn kulħadd. Iżjed minn hekk, hemm min jixtri programmi tal-kompjuter li jneħħu l-materjal mhux mixtieq. Madankollu, l-ebda sistema ma tistaʼ tafdaha kompletament.
c Għal suġġerimenti prattiċi dwar kif tegħleb il-masturbazzjoni, ara l-artiklu “Young People Ask . . . How Can I Conquer This Habit?” fil-ħarġa taʼ Novembru 2006 taʼ l-Awake!, u paġni 178-182 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, l-Ewwel Volum.