-
X’Se Ssib fil-Laqgħat Kristjani Tagħna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 5
X’Se Ssib fil-Laqgħat Kristjani Tagħna?
L-Arġentina
Sierra Leone
Il-Belġju
Il-Malasja
Ħafna nies waqfu jattendu servizzi reliġjużi għax ma sabu ebda gwida jew faraġ spiritwali. Allura, għala għandek tattendi l-laqgħat Kristjani li huma organizzati mix-Xhieda taʼ Ġeħova? X’se ssib hemmhekk?
Il-ferħ li tkun fost nies li jħobbu u li jimpurtahom. Fl-ewwel seklu, il-Kristjani kienu organizzati f’kongregazzjonijiet, u kienu jagħmlu laqgħat biex iqimu ’l Alla, jistudjaw l-Iskrittura, u jinkuraġġixxu wieħed lil ieħor. (Ebrej 10:24, 25) Minħabba li kienu jiltaqgħu f’ambjent mimli mħabba, huma kienu jħossu li qegħdin fost ħbieb taʼ veru—ħuthom spiritwali. (2 Tessalonikin 1:3; 3 Ġwanni 14) Aħna nsegwu l-eżempju tal-Kristjani tal-ewwel seklu u nesperjenzaw ferħ simili.
Il-benefiċċju li titgħallem kif tapplika prinċipji Bibliċi. Illum, bħalma kien minnu fi żminijiet Bibliċi, l-irġiel, in-nisa, u t-tfal ilkoll jiltaqgħu flimkien. Għalliema kwalifikati jużaw il-Bibbja biex jgħinuna nagħrfu kif għandna napplikaw il-prinċipji Bibliċi fil-ħajja taʼ kuljum. (Dewteronomju 31:12; Neħemija 8:8) Ilkoll nistgħu nipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-udjenza u fil-kant, u b’hekk inkunu nistgħu nesprimu t-tama Kristjana tagħna.—Ebrej 10:23.
Il-barka li l-fidi tiegħek f’Alla tissaħħaħ. L-appostlu Pawlu qal lil waħda mill-kongregazzjonijiet taʼ żmienu: “Għandi xewqa kbira li narakom, . . . biex ninkuraġġixxu lil xulxin bil-fidi tagħna, intom lili u jien lilkom.” (Rumani 1:11, 12) Fil-laqgħat, il-kuntatt regulari maʼ sħabna fit-twemmin isaħħilna l-fidi u d-determinazzjoni biex ngħixu f’armonija mal-prinċipji Bibliċi.
Għala ma taċċettax din l-istedina biex tattendi l-laqgħa li jmiss fil-kongregazzjoni tagħna u tesperjenza dawn l-affarijiet għalik innifsek? Se tingħata merħba mill-qalb. Il-laqgħat huma kollha bla ħlas—ma jsir ebda ġbir.
Il-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħna, liema eżempju jsegwu?
Kif nistgħu nibbenefikaw billi nattendu l-laqgħat Kristjani?
-
-
Kif Nibbenefikaw Milli Nassoċjaw mal-Kristjani Sħabna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 6
Kif Nibbenefikaw Milli Nassoċjaw mal-Kristjani Sħabna?
Il-Madagaskar
In-Norveġja
Il-Libanu
L-Italja
Anki jekk ikollna nimxu minn ġo ġungla b’ħafna siġar ġo xulxin jew noħorġu f’temp kiefer, aħna b’mod regulari nattendu l-laqgħat Kristjani tagħna. Minkejja l-isfidi tal-ħajja u l-għeja li taqaʼ wara ġurnata xogħol, ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħmlu sforz bħal dan biex jassoċjaw maʼ sħabhom fit-twemmin?
Huwa għall-ġid tagħna. ‘Agħtu kas xulxin,’ kiteb Pawlu, hu u jitkellem dwar dawk li nassoċjaw magħhom fil-kongregazzjoni. (Ebrej 10:24) Din l-espressjoni tfisser li għandna nsiru nafu lil xulxin. Għalhekk, il-kliem tal-appostlu jinkuraġġina biex nuru interess f’ħaddieħor. Billi nsiru nafu familji Kristjani oħrajn, se nindunaw li wħud minnhom irnexxielhom jegħlbu sfidi simili għal tagħna u dawn il-familji jistgħu jgħinuna nirnexxu wkoll.
Niżviluppaw ħbiberiji b’saħħithom. Fil-laqgħat tagħna ma niltaqgħux sempliċement maʼ nies li nafuhom fuq fuq, imma mal-ħbieb tal-qalb tagħna. F’okkażjonijiet oħrajn, aħna nqattgħu ħin flimkien f’rikreazzjoni li tibni. Kif nibbenefikaw minn assoċjazzjoni bħal din? Nitgħallmu napprezzaw aktar wieħed lil ieħor, u dan isaħħaħ l-imħabba tagħna. Imbagħad, meta sħabna jkunu qed jiffaċċjaw problemi, aħna nkunu lesti ngħinuhom għax diġà nkunu żviluppajna ħbiberiji b’saħħithom. (Proverbji 17:17) Billi nassoċjaw maʼ kull membru tal-kongregazzjoni, nuru li ‘nieħdu ħsieb xulxin bl-istess mod.’—1 Korintin 12:25, 26.
Ninkuraġġuk tagħżel ħbieb li qed jagħmlu r-rieda t’Alla. Se ssib ħbieb bħal dawn fost ix-Xhieda taʼ Ġeħova. Jekk jogħġbok tħalli xejn iwaqqfek milli tassoċja magħna.
Għala huwa għall-ġid tagħna li nassoċjaw flimkien fil-laqgħat?
Meta tixtieq iżżur il-kongregazzjoni tagħna biex issir tafna aħjar?
-
-
Xi Jsir fil-Laqgħat Tagħna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 7
Xi Jsir fil-Laqgħat Tagħna?
In-New Zealand
Il-Ġappun
L-Uganda
Il-Litwanja
Fil-biċċa l-kbira, fil-laqgħat Kristjani tal-bidu kien ikun hemm kant, talb, u l-qari mill-Iskrittura u diskussjoni fuqha; ma kien ikun hemm l-ebda ritwal. (1 Korintin 14:26) Fil-laqgħat tagħna jsiru affarijiet simili ħafna.
L-istruzzjoni hi bbażata fuq il-Bibbja u hi prattika. Fi tmiem il-ġimgħa, kull kongregazzjoni tiltaqaʼ biex tismaʼ taħdita mill-Bibbja taʼ 30 minuta rigward kif l-Iskrittura tapplika għal ħajjitna u għal żminijietna. Ilkoll niġu inkuraġġiti biex insegwu fil-Bibbja tagħna. Wara t-taħdita jkun hemm Studju tat-“Torri tal-Għassa” li jdum siegħa, li fih il-membri tal-kongregazzjoni huma mistiedna biex jipparteċipaw f’diskussjoni t’artiklu mill-edizzjoni għall-istudju tat-Torri tal-Għassa. Din id-diskussjoni tgħinna napplikaw il-gwida tal-Bibbja f’ħajjitna. L-istess materjal huwa studjat f’kull waħda mill-iktar minn 110,000 kongregazzjoni madwar id-dinja.
Niġu megħjunin intejbu l-abbiltajiet tagħna tat-tagħlim. F’lejla matul il-ġimgħa nerġgħu niltaqgħu għal programm li jinqasam fi tliet partijiet. Dan jismu Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna u hu bbażat fuq il-materjal li jkun provdut kull xahar fil-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. L-ewwel parti taʼ din il-laqgħa, Teżori mill-Kelma t’Alla, tgħinna biex insiru familjari maʼ silta tal-Bibbja li l-kongregazzjoni tkun qrat minn qabel. Imbagħad hemm Irsisti fil-Ministeru. Din tinkludi turijiet dwar kif niddiskutu l-Bibbja m’oħrajn. Xi ħadd inkarigat biex jagħti l-pariri jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu sabiex jgħinna ntejbu l-abbiltajiet tal-qari u t-taħdit. (1 Timotju 4:13) L-aħħar parti hi Għix Bħala Kristjan. Din tikkunsidra kif nistgħu napplikaw il-prinċipji tal-Bibbja fil-ħajja taʼ kuljum. Tinkludi wkoll diskussjoni li tgħinna nifhmu iktar il-Bibbja.
Meta tattendi l-laqgħat tagħna, bla dubju se tkun impressjonat bil-kwalità tal-edukazzjoni tal-Bibbja li tkun qed tirċievi.—Isaija 54:13.
X’tistaʼ tismaʼ fil-laqgħat tax-Xhieda taʼ Ġeħova?
Liema mil-laqgħat li jmiss taʼ kull ġimgħa tixtieq tattendi?
-
-
Għala Nilbsu Pulit għal-Laqgħat Tagħna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 8
Għala Nilbsu Pulit għal-Laqgħat Tagħna?
L-Islanda
Il-Messiku
Il-Ginea-Bissaw
Il-Filippini
Mill-istampi taʼ dan il-browxer, innotajt kemm ix-Xhieda taʼ Ġeħova jilbsu pulit meta jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni tagħhom? Għala nagħtu daqstant attenzjoni għall-ħwejjeġ u d-dehra tagħna?
Biex nuru rispett lejn Alla tagħna. Huwa minnu li Alla jara lil hinn mill-apparenza tagħna. (1 Samwel 16:7) Però, meta niltaqgħu biex inqimuh hija x-xewqa mill-qalb tagħna li nuru rispett kemm lejh u kemm lejn l-aduraturi sħabna. Kieku kellna nidhru quddiem imħallef fil-qorti, konna nagħmlu ċert li l-apparenza tagħna turi rispett għall-pożizzjoni tiegħu. Hekk ukoll, il-mod kif nidhru fil-laqgħat juri l-istima tagħna għall-“Imħallef taʼ l-art kollha,” Alla Ġeħova, u għall-post fejn inqimuh.—Ġenesi 18:25.
Biex nuru b’liema valuri ngħixu. Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jilbsu “bil-modestja u b’moħħ f’loku.” (1 Timotju 2:9, 10) Li nilbsu “bil-modestja” jfisser li nevitaw ħwejjeġ li jistgħu jiġbdu l-attenzjoni lejna minħabba li jkunu jagħtu fil-għajn, provokattivi, jew skullati u mqaċċtin. Barra minn hekk, li jkollna “moħħ f’loku” jgħinna nagħżlu ħwejjeġ sbieħ li mhumiex mitluqin jew estremi. Dawn il-prinċipji xorta jagħtu wisaʼ għal varjetà kbira t’għażla personali. Mingħajr ma nitkellmu, l-apparenza attraenti u adattata tagħna tistaʼ ‘ssebbaħ it-tagħlim tas-Salvatur tagħna’ u ‘tigglorifika lil Alla.’ (Titu 2:10; 1 Pietru 2:12) Billi nilbsu pulit għal-laqgħat, inkunu qed ninfluwenzaw kif ħaddieħor iqis il-qima taʼ Ġeħova.
Tħallix lil ħwejġek iżommuk milli tattendi s-Sala tas-Saltna. Ħwejjiġna mhux bilfors iridu jkunu għaljin jew tad-ditta biex ikunu adattati, nodfa, jew preżentabbli.
Kemm hu importanti l-mod kif nilbsu meta nqimu ’l Alla?
Liema prinċipji jiggwidaw l-għażliet tal-ilbies u d-dehra tagħna?
-
-
X’Inhu l-Aħjar Mod Kif Nippreparaw għal-Laqgħat?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 9
X’Inhu l-Aħjar Mod Kif Nippreparaw għal-Laqgħat?
Il-Kambodja
L-Ukraina
Jekk qed tistudja l-Bibbja maʼ Xhud taʼ Ġeħova, probabbilment tipprova tgħaddi l-materjal qabel kull studju. Sabiex tibbenefika iktar, ikun aħjar li tagħmel l-istess qabel ma tattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. Niksbu l-aħjar riżultati meta jkollna rutina tajba.
Iddeċiedi meta u fejn se tistudja. Meta tistaʼ tikkonċentra l-aħjar? Forsi filgħodu kmieni qabel ma tibda ġurnata xogħol jew forsi aktar tard filgħaxija wara li t-tfal ikunu marru jorqdu? Anki jekk ma tistax tistudja għal ħinijiet twal, iddeċiedi kemm tistaʼ twarrab ħin għall-istudju u pprova tħalli xejn itellfek. Fittex post kwiet, u neħħi kull ħaġa li tistaʼ ttellfek billi titfi r-radju, it-televixin, u l-mowbajl. It-talb qabel ma tibda l-istudju se jgħinek tistrieħ mill-ansjetajiet li jkollok fil-ġurnata. B’hekk, tkun tistaʼ tikkonċentra fuq il-Kelma t’Alla.—Filippin 4:6, 7.
Immarka l-materjal u pprepara biex tipparteċipa. Ibda billi tieħu idea ġenerali tas-suġġett. Aħseb dwar it-titlu tal-artiklu jew tal-kapitlu, ikkunsidra kif kull sottotitolu jorbot maʼ din it-tema, u eżamina l-istampi u l-mistoqsijiet bħala reviżjoni li jenfasizzaw il-punti prinċipali. Imbagħad, aqra kull paragrafu, u fittex it-tweġiba għall-mistoqsija stampata. Fittex u aqra l-iskritturi mniżżlin, u aħseb kif isaħħu l-materjal. (Atti 17:11) Meta tkun tistaʼ tidentifika t-tweġiba, immarka xi kliem jew frażijiet importanti mill-paragrafu li se jgħinuk tiftakar it-tweġiba matul il-laqgħa. Imbagħad, fil-laqgħa, jekk trid tistaʼ tgħolli idek u tagħmel kumment qasir fi kliemek.
Billi teżamina s-suġġetti differenti li huma diskussi kull ġimgħa fil-laqgħat, tkun qed iżżid ħsibijiet ġodda mat-“teżor maħżun” tiegħek tal-għarfien mill-Bibbja.—Mattew 13:51, 52.
Liema rutina tistaʼ tagħmel biex tipprepara għal-laqgħat?
Kif tistaʼ tħejji lilek innifsek sabiex tagħmel kumment fil-laqgħa?
-
-
X’Inhi l-Qima tal-Familja?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 10
X’Inhi l-Qima tal-Familja?
Il-Korea t’Isfel
Il-Brażil
L-Awstralja
Il-Ginea
Minn żmien il-qedem, Ġeħova ried li kull familja tqattaʼ ħin flimkien biex jibnu relazzjoni b’saħħitha miegħu u biex isaħħu lil xulxin. (Dewteronomju 6:6, 7) Huwa għalhekk li x-Xhieda taʼ Ġeħova kull ġimgħa jwarrbu xi ħin biex il-familja tqim flimkien—jiddiskutu f’atmosfera rilassanti l-affarijiet spiritwali li jkunu adattati għall-bżonnijiet tagħhom. Anki jekk tgħix waħdek, ħin bħal dan jistaʼ jkun opportunità imprezzabbli biex tqattaʼ xi ħin m’Alla, forsi billi tikkunsidra proġett taʼ studju tal-Bibbja li tkun għażilt int stess.
Ħin biex tersaq eqreb lejn Ġeħova. “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġakbu 4:8) Insiru nafu lil Ġeħova aħjar meta nitgħallmu dettalji dwar il-personalità u l-azzjonijiet tiegħu permezz tal-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Mod faċli kif tistaʼ tibda l-qima tal-familja tiegħek huwa billi flimkien tqattgħu xi ħin taqraw il-Bibbja b’leħen għoli, forsi billi ssegwu l-iskeda taʼ kull ġimgħa tal-Laqgħa tal-Ħajja u l-Ministeru Tagħna. Kull membru tal-familja jistaʼ jaqra silta, imbagħad ilkoll tistgħu tiddiskutu x’tgħallimtu mill-Iskrittura.
Ħin biex tersaq eqreb lejn il-membri tal-familja. Irġiel u nisa miżżewġin, kif ukoll ġenituri u wliedhom, isaħħu r-relazzjoni tagħhom meta jistudjaw il-Bibbja bħala familja. Għandu jkun ħin pjaċevoli u taʼ paċi u xi ħaġa li kull membru fil-familja jkun qed iħares ’il quddiem għaliha kull ġimgħa. Skont l-età tat-tfal tagħhom, il-ġenituri jistgħu jagħżlu suġġetti prattiċi x’jiddiskutu forsi billi jużaw artikli mit-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! jew mill-websajt tagħna, jw.org. Tistgħu titkellmu dwar problema li wliedkom iffaċċjaw fl-iskola u kif jistgħu jittrattaw magħha. Għala ma tarawx xi ħaġa minn fuq JW Broadcasting (tv.jw.org) u wara tiddiskutuha flimkien? Għandkom mnejn tieħdu pjaċir tipprattikaw l-għanjiet li se jitkantaw fil-laqgħat u tieħdu xi ħaġa żgħira tal-ikel wara l-qima tal-familja.
Dan il-ħin speċjali li tqattgħu kull ġimgħa tqimu lil Ġeħova flimkien se jgħin lill-membri tal-familja kollha jieħdu pjaċir jistudjaw il-Kelma t’Alla, u hu se jbierek l-isforzi tagħkom bil-kbir.—Salm 1:1-3.
Għala nwarrbu ħin għall-qima tal-familja?
Il-ġenituri kif jistgħu jagħmlu dan l-istudju pjaċevoli għall-familja kollha?
-
-
Għala Nattendu Assembleat Kbar?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 11
Għala Nattendu Assembleat Kbar?
Il-Messiku
Il-Ġermanja
Il-Botswana
In-Nikaragwa
L-Italja
Dawn in-nies għala jidhru daqshekk ferħanin? Qed jattendu waħda mill-assembleat tagħna. Bħall-qaddejja t’Alla tal-passat, li kienu istruwiti biex jingħaqdu tliet darbiet fis-sena, aħna nħarsu ’l quddiem biex niltaqgħu fi gruppi akbar. (Dewteronomju 16:16) Kull sena jkollna tliet okkażjonijiet: żewġ assembleat taʼ ġurnata u konvenzjoni reġjonali li ddum tlett ijiem. Kif nibbenefikaw minn dawn il-laqgħat?
Isaħħulna l-fratellanza Kristjana tagħna. Bħalma l-Iżraelin ferħu f’li jfaħħru lil Ġeħova “fost il-qtajjaʼ miġburin,” hekk ukoll aħna nieħdu pjaċir inqimuh flimkien f’okkażjonijiet speċjali. (Salm 26:12; 111:1) Dawn il-laqgħat joħolqu opportunità biex niltaqgħu u nassoċjaw maʼ Xhieda minn kongregazzjonijiet oħrajn jew saħansitra minn pajjiżi barranin. F’nofsinhar, nieħdu pjaċir nieklu flimkien fil-post fejn tkun qed tinżamm l-assemblea, u dan iżid mal-atmosfera ferriħija taʼ dawn l-okkażjonijiet spiritwali. (Atti 2:42) F’dawn l-assembleat kbar naraw b’għajnejna stess l-imħabba li tgħaqqad lill-“fratellanza kollha” tagħna madwar id-dinja.—1 Pietru 2:17.
Jgħinuna nagħmlu progress spiritwali. L-Iżraelin ibbenefikaw ukoll billi ‘kienu fehmu l-kliem’ tal-Iskrittura li kien spjegat lilhom. (Neħemija 8:8, 12) Aħna wkoll napprezzaw l-istruzzjonijiet tal-Bibbja li nirċievu waqt l-assembleat tagħna. Kull programm huwa bbażat fuq tema Skritturali. Permezz taʼ taħditiet interessanti u reċti żgħar, nitgħallmu kif nagħmlu r-rieda t’Alla f’ħajjitna. Niġu inkuraġġiti meta nisimgħu l-esperjenzi taʼ dawk li b’suċċess qed ikampaw mal-isfida taʼ li jgħixu bħala Kristjani f’dawn iż-żminijiet diffiċli. F’konvenzjonijiet reġjonali, reċti bil-kostum jagħmlu r-rakkonti Bibliċi iktar reali għalina u jgħallmuna lezzjonijiet prattiċi. F’kull assemblea jkun hemm magħmudija għal dawk li jridu jissimbolizzaw id-dedikazzjoni tagħhom lil Alla.
L-assembleat għala huma okkażjonijiet taʼ ferħ?
Kif tistaʼ tibbenefika jekk tattendi assemblea?
-
-
Kif Inhu Organizzat ix-Xogħol Tagħna tal-Ippritkar tas-Saltna?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 12
Kif Inhu Organizzat ix-Xogħol Tagħna tal-Ippritkar tas-Saltna?
Spanja
Il-Belarus
Il-Ħong Kong
Il-Perù
Ftit qabel mewtu, Ġesù avża: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Imma dan ix-xogħol taʼ ppritkar madwar id-dinja, kif kellu jitwettaq? Billi nsegwu l-eżempju taʼ Ġesù waqt li kien fuq l-art.—Luqa 8:1.
Nipprovaw nikkuntattjaw lin-nies fi djarhom. Ġesù ħarreġ lid-dixxipli tiegħu biex jippritkaw l-aħbar tajba minn dar għal dar. (Mattew 10:11-13; Atti 5:42; 20:20) Dawn l-evanġelizzaturi tal-ewwel seklu kienu inkarigati biex jippritkaw f’territorji speċifiċi. (Mattew 10:5, 6; 2 Korintin 10:13) B’mod simili llum, l-ippritkar tagħna hu organizzat sew, u kull kongregazzjoni tingħata territorju xi tkopri. Dan jippermettilna nwettqu l-kmand taʼ Ġesù biex “nippridkaw lin-nies u nagħtu xiehda bir-reqqa.”—Atti 10:42.
Nistinkaw biex inkellmu lin-nies kull fejn jistgħu jinstabu. Ġesù kien t’eżempju wkoll billi pprietka lin-nies f’postijiet pubbliċi, bħal f’xatt il-baħar jew qrib xi bir li kien jintuża mill-komunità. (Marku 4:1; Ġwanni 4:5-15) Aħna wkoll nitkellmu man-nies dwar il-Bibbja kull fejn nistgħu—fit-toroq, f’postijiet taʼ kummerċ, fil-ġonna, jew bit-telefown. Nagħtu xhieda wkoll lill-ġirien tagħna, lil sħabna tax-xogħol u tal-iskola, u lil qrabatna kull meta jkollna l-ħin opportun. Dawn l-isforzi kollha flimkien għamluha possibbli għal miljuni taʼ nies madwar id-dinja biex jisimgħu “l-aħbar tajba taʼ salvazzjoni.”—Salm 96:2.
Tistaʼ taħseb f’xi ħadd li tixtieq taqsam miegħu l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla u xi tfisser din l-aħbar għall-futur tagħhom? Iżżommx dan il-messaġġ taʼ tama għalik innifsek. Aqsmu maʼ ħaddieħor kemm jistaʼ jkun malajr!
Liema “aħbar tajba” jeħtieġ tiġi pritkata?
Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kif qed jimitaw il-metodu taʼ Ġesù rigward l-ippritkar?
-
-
X’Inhu Pijunier?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 13
X’Inhu Pijunier?
Il-Kanada
Minn dar għal dar
Studju tal-Bibbja
Studju personali
Il-kelma “pijunier” spiss tirreferi għal dawk li jesploraw territorji ġodda u li jwittu t-triq għal taʼ warajhom biex isegwuhom. Ġesù kien bħal pijunier, ladarba ntbagħat fuq l-art biex iwettaq il-ministeru li jagħti l-ħajja u biex jagħti l-opportunità lin-nies għal salvazzjoni. (Mattew 20:28) Illum, is-segwaċi tiegħu qed jimitawh billi jqattgħu kemm jistaʼ jkun ħin ‘jagħmlu dixxipli.’ (Mattew 28:19, 20) Xi wħud irnexxielhom jagħmlu x-xogħol li nsejħulu s-servizz taʼ pijunier.
Pijunier huwa evanġelizzatur full-time. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova kollha huma pubblikaturi tal-aħbar tajba. Però, xi wħud organizzaw ħajjithom biex jaqdu bħala pijunieri regulari, billi jqattgħu 70 siegħa kull xahar fix-xogħol tax-xandir. Sabiex jagħmlu dan, ħafna wħud jaħdmu part-time sekularment. Oħrajn jintgħażlu biex jaqdu bħala pijunieri speċjali f’postijiet fejn il-bżonn taʼ proklamaturi tas-Saltna huwa ikbar. Dawn jiddedikaw 130 siegħa jew iktar fil-ministeru kull xahar. Il-pijunieri huma kuntenti jgħixu ħajja sempliċi, b’fiduċja li Ġeħova se jagħtihom il-bżonnijiet tal-ħajja. (Mattew 6:31-33; 1 Timotju 6:6-8) Dawk li ma jistgħux jaqdu bħala pijunieri full-time jistgħu jaqdu bħala pijunieri awżiljarji meta jkunu jistgħu, billi jżidu l-attività taʼ ppritkar tagħhom għal 30 jew 50 siegħa fix-xahar.
Pijunier hu mqanqal mill-imħabba għal Alla u għan-nies. Bħal Ġesù, aħna ninnotaw il-kundizzjoni spiritwali ddisprata li ħafna nies qegħdin fiha llum. (Marku 6:34) Imma aħna għandna l-għarfien li jistaʼ jgħinhom issa stess, u b’hekk ikollhom tama soda għall-futur. L-imħabba għall-proxxmu tqanqal pijunier biex jagħti b’ġenerożità mill-ħin u l-enerġija tiegħu sabiex jgħin ’l oħrajn spiritwalment. (Mattew 22:39; 1 Tessalonikin 2:8) B’riżultat taʼ dan, il-fidi tal-pijunier titqawwa, jersaq eqreb lejn Alla, u jesperjenza ferħ kbir.—Atti 20:35.
Kif tiddeskrivi pijunier?
Xi wħud x’jimmotivahom biex jagħmlu x-xogħol taʼ pijunier full-time?
-
-
Liema Skejjel Hemm għall-Pijunieri?Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
-
-
LEZZJONI 14
Liema Skejjel Hemm għall-Pijunieri?
L-Istati Uniti
L-Iskola taʼ Gilegħad, Patterson, New York
Il-Panama
L-edukazzjoni teokratika ilha karatteristika tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Hemm skejjel speċjali għal dawk li jiddedikaw il-ħin kollu tagħhom għax-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna sabiex ikunu jistgħu ‘jwettqu bis-sħiħ il-ministeru tagħhom.’—2 Timotju 4:5.
L-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier. Meta pijunier regulari jlesti l-ewwel sena tiegħu fis-servizz full-time, hu jattendi skola taʼ sitt ijiem li ssir f’Sala tas-Saltna fil-viċin. L-iskop tagħha hu li tgħin lill-pijunier jersaq eqreb lejn Ġeħova, isir iktar effettiv fl-aspetti kollha tal-ministeru, u jkompli jaqdi lealment.
L-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna. Din l-iskola taʼ xahrejn hi disinjata biex tħarreġ lil pijunieri li għandhom l-esperjenza u li huma lesti li jitilqu d-dar tagħhom biex imorru jaqdu fejn ikun hemm il-bżonn. Huma bħallikieku jgħidu, “Hawn jien! Ibgħat lili,” u b’hekk ikunu qed jimitaw lill-aqwa Evanġelizzatur li qatt qeda fuq l-art, Ġesù Kristu. (Isaija 6:8; Ġwanni 7:29) Li jmorru jgħixu ’l bogħod mid-dar forsi jinvolvi li jkollhom jadattaw għal mod taʼ ħajja iktar sempliċi. Il-kultura, il-klima, u l-ikel forsi jkunu differenti għalkollox minn dak li jkunu mdorrijin bih. Forsi saħansitra jkun hemm bżonn li jitgħallmu lingwa ġdida. Din l-iskola tgħin lil aħwa rġiel u nisa mhux miżżewġin u lil koppji miżżewġin, li għandhom bejn 23 u 65 sena, biex jikkultivaw il-kwalitajiet spiritwali li jkollhom bżonn fl-inkarigu tagħhom u l-abbiltajiet li se jgħinuhom jintużaw iktar bis-sħiħ minn Ġeħova u l-organizzazzjoni tiegħu.
L-Iskola taʼ Gilegħad. Bl-Ebrajk, il-kelma “Gilegħad” tfisser “Gozz taʼ Xhieda.” Mindu bdiet l-Iskola taʼ Gilegħad fl-1943, iktar minn 8,000 gradwat taʼ din l-iskola ntbagħtu bħala missjunarji biex jagħtu xhieda “sa tarf l-art” u kellhom suċċess kbir. (Atti 13:47) Meta gradwati waslu għall-ewwel darba fil-Perù, kien għad m’hemmx kongregazzjonijiet fil-pajjiż. Issa hemm ħafna iktar minn 1,000 kongregazzjoni. Meta l-missjunarji tagħna bdew jaqdu fil-Ġappun, kien hemm inqas minn 10 Xhieda fil-pajjiż. Issa hemm ħafna iktar minn 200,000 Xhud. Il-kors taʼ Gilegħad li jdum ħames xhur jinkludi studju bir-reqqa tal-Bibbja. Dawk li qed jaqdu bħala pijunieri speċjali jew bħala missjunarji li jaqdu fil-ministeru, dawk li jaħdmu f’uffiċċji tal-fergħa, jew indokraturi li jżuru l-kongregazzjonijiet u n-nisa tagħhom jiġu mistidnin biex jattendu din l-iskola għal taħriġ intensiv ħalli jgħinu f’li jistabbilixxu u jsaħħu x-xogħol madwar id-dinja.
X’inhu l-iskop tal-Iskola tas-Servizz taʼ Pijunier?
Għal min hi disinjata l-Iskola għall-Evanġelizzaturi tas-Saltna?
-