LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • od p. 179-p. 184
  • Appendiċi

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Appendiċi
  • Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Materjal Simili
  • Il-​Magħmudija u r-​Relazzjoni Tiegħek m’Alla
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • Diskussjoni tal-aħħar mal-kandidati għall-magħmudija
    Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
  • Il-Magħmudija Ġġiblek Futur Sabiħ!
    Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!—Il-Bibbja Turik Kif
  • Għandhom Jitgħammdu l-Adoloxxenti?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
Ara Iżjed
Organizzati biex Nagħmlu r-Rieda ta’ Ġeħova
od p. 179-p. 184

Appendiċi

Messaġġ lill-ġenituri Kristjani:

Bħala ġenitur, int tixtieq tgħin lill-​għeżież uliedek isiru jħobbu lil Ġeħova u jiddedikaw lilhom infushom lilu. X’tistaʼ tagħmel biex tgħinhom jippreparaw għall-​magħmudija? Meta se jkunu lesti għal dan il-​pass importanti?

Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu: “Agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, [u] għammduhom.” (Mt. 28:19) Skont dan, il-​ħtieġa primarja għall-​magħmudija hi li tkun dixxiplu—xi ħadd li mhux biss jifhem u jemmen it-​tagħlim taʼ Kristu imma wkoll isegwih mill-​qrib. Dan jistgħu jagħmluh anki dawk li huma relattivament żgħar.

Agħti eżempju tajjeb lil uliedek, u daħħlilhom sew f’qalbhom it-​tagħlim taʼ Ġeħova. (Dt. 6:6-​9) Dan jinkludi li tuża l-​informazzjoni fil-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem! biex tgħallimhom veritajiet Bibliċi bażiċi u tgħallimhom jifhmu prinċipji Bibliċi u japplikawhom f’ħajjithom. Għin lil uliedek ikunu kapaċi jispjegaw it-​twemmin tagħhom fi kliemhom. (1 Pt. 3:15) L-​għarfien u l-​inkuraġġiment li jirċievu mingħandek u mill-​istudju personali, il-​qima bħala familja, il-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, u l-​ħbieb tajbin se jgħinuhom jagħmlu progress lejn il-​magħmudija u wara l-​magħmudija. Għinhom biex dejjem jaħsbu dwar kif jistgħu jersqu eqreb lejn Ġeħova.

Proverbji 20:11 jgħid: “Saħansitra tifel jintgħaraf minn għemilu, jekk hux pur u rett f’dak li jagħmel.” X’inhuma xi affarijiet li jindikaw li tifel sar dixxiplu taʼ Ġesù Kristu u hu lest li jitgħammed?

Tifel li qed jagħmel progress lejn il-​magħmudija għandu jobdi lill-​ġenitur(i) tiegħu. (Atti 5:29; Kol. 3:20) Il-​Bibbja tgħid dwar Ġesù meta kellu 12-​il sena: ‘Baqaʼ sottomess lejn il-​ġenituri tiegħu.’ (Lq. 2:51) Bla dubju, ma tistax tippretendi li ibnek ikun perfett. Imma xi ħadd li jixtieq jitgħammed se jagħmel ħiltu biex isegwi l-​eżempju taʼ Ġesù u jkun magħruf għas-​sottomissjoni tiegħu lejn il-​ġenituri tiegħu.

Se juri wkoll interess f’li jitgħallem veritajiet Bibliċi. (Lq. 2:46) Ibnek jixtieq jattendi l-​laqgħat u jipparteċipa fihom? (Salm 122:1) Jieħu pjaċir jaqra l-​Bibbja regolarment u jagħmel studju personali?—Mt. 4:4.

Tifel li qed jagħmel progress lejn il-​magħmudija jagħmel ħiltu biex ipoġġi l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel. (Mt. 6:33) Hu jifhem li għandu r-​responsabbiltà li jaqsam il-​fidi tiegħu m’oħrajn. Ukoll, jieħu sehem f’aspetti differenti tal-​ministeru u ma jistħix jgħid lill-​għalliema u lil sħabu tal-​iskola li hu wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jieħu bis-​serjetà t-​taħditiet li jkollu fil-​Laqgħa tal-​Ħajja u l-​Ministeru Tagħna.

Se jagħmel ħiltu wkoll biex jibqaʼ nadif moralment billi jevita sħubija ħażina. (Prov. 13:20; 1 Kor. 15:33) Dan se jintwera fil-​preferenzi tiegħu tal-​mużika, films, programmi televiżivi, logħob tal-​kompjuter, u l-​użu tal-​Internet.

Ħafna rreaġixxew tajjeb għall-​isforzi diliġenti tal-​ġenituri tagħhom, niżżlu l-​verità f’qalbhom, u kkwalifikaw għall-​magħmudija f’żgħożithom. Jalla Ġeħova jbierkek hekk kif tgħin lil uliedek jilħqu dan il-​pass importanti fir-​relazzjoni tagħhom maʼ Ġeħova.

Messaġġ lill-pubblikatur mhux mgħammed:

Hu privileġġ li taqdi mal-​kongregazzjoni bħala pubblikatur mhux mgħammed. Ħaqqek prosit għall-​progress spiritwali li għamilt. Sirt taf lil Alla permezz taʼ studju tal-​Kelma tiegħu u eżerċitajt fidi fil-​wegħdi tiegħu.—Ġw. 17:3; Ebr. 11:6.

Qabel ma bdejt tistudja max-​Xhieda taʼ Ġeħova, forsi kont tissieħeb b’xi mod maʼ organizzazzjoni reliġjuża differenti jew forsi ma kont imsieħeb maʼ ebda reliġjon. Forsi kont tagħmel xi attività oħra li mhix fi qbil mal-​prinċipji tal-​Bibbja. Imma issa wrejt il-​fidi tiegħek bl-​indiema, jiġifieri ddispjaċiek profondament għall-​ħażen li għamilt fil-​passat, u bil-​konverżjoni, li jfisser li ċħadt korsa żbaljata u ddeċidejt li tagħmel dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.—Atti 3:19.

Mill-​banda l-​oħra, forsi ilek taf x’tgħid il-​Bibbja “minn mindu kont tarbija.” B’hekk ġejt protett milli tinvolvi ruħek f’kondotta mhix Kristjana u f’għemil ħażin serju. (2 Tim. 3:15) Tgħallimt tirreżisti l-​pressjoni minn tamparek u tentazzjonijiet oħrajn biex tagħmel dak li hu ħażin f’għajnejn Ġeħova. Int urejt il-​fidi billi bqajt sod favur il-​qima vera u billi qsamt it-​twemmin Kristjan tiegħek m’oħrajn. Ġejt imħarreġ fil-​ministeru Kristjan. Issa ħadt deċiżjoni persunali li taqdi lil Ġeħova bħala pubblikatur mhux mgħammed.

Hu x’inhu l-​każ, kemm jekk sirt taf lil Ġeħova iktar tard fil-​ħajja jew tgħallimt dwar Ġeħova mindu kont tarbija, forsi issa qed taħseb dwar żewġ passi oħra fil-​progress spiritwali tiegħek—id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Tiddedika ruħek lil Ġeħova billi tersaq lejh bit-​talb u tesprimi d-​deċiżjoni persunali tiegħek li tagħtih devozzjoni esklużiva għal dejjem. (Mt. 16:24) B’simbolu taʼ din id-​dedikazzjoni, imbagħad titgħammed fl-​ilma. (Mt. 28:19, 20) Permezz tad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija, issir ministru ordnat t’Alla Ġeħova. Xi privileġġ meraviljuż dan!

Però, bħalma indika l-​istudju tal-​Bibbja tiegħek, tistaʼ tiltaqaʼ maʼ diversi sfidi. Ftakar li ftit wara li tgħammed, “Ġesù ttieħed mill-​ispirtu fix-​xagħri biex jiġi ttantat mix-​Xitan.” (Mt. 4:1) Wara li titgħammed bħala dixxiplu taʼ Kristu, tistaʼ tistenna iżjed provi. (Ġw. 15:20) Dawn se jiġu f’diversi forom. Tistaʼ tiffaċċja oppożizzjoni mill-​familja. (Mt. 10:36) Jistgħu jwaqqgħuk għaċ-​ċajt sħabek tal-​iskola, tax-​xogħol, u l-​ħbieb li kellek qabel. Dejjem ftakar il-​kliem taʼ Ġesù misjub f’​Marku 10:29, 30: “Tassew ngħidilkom, Ħadd ma telaq lil daru jew lil ħutu subien jew bniet jew lil ommu jew lil missieru jew tfal jew għelieqi minħabba fija u minħabba l-​aħbar tajba li ma jiħux mitt darba iktar issa f’dan iż-​żmien, djar u aħwa subien u aħwa bniet u ommijiet u tfal u għelieqi, bil-​persekuzzjonijiet, u fis-​sistema li ġejja, ħajja taʼ dejjem.” Għalhekk, kompli aħdem iebes biex tibqaʼ qrib Ġeħova u tgħix fi qbil mal-​livelli ġusti tiegħu.

Meta tkun tixtieq titgħammed, għarraf lill-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani. Il-​mistoqsijiet taʼ wara dan il-​messaġġ jipprovdu l-​bażi għal diskussjonijiet li l-​anzjani se jkollhom miegħek biex jaraw jekk tikkwalifikax għall-​magħmudija. Tistaʼ tibda tirrivedi dawn il-​mistoqsijiet fil-​privat bħala parti mill-​programm regulari taʼ studju persunali tiegħek.

Int u tipprepara għal dawn id-​diskussjonijiet, ħu l-​ħin biex taqra u tirrifletti fuq ir-​referenzi Skritturali kwotati. Forsi tixtieq tagħmel xi noti persunali f’dan il-​ktieb jew xi mkien ieħor. Tistaʼ tuża dawn in-​noti u żżomm dan il-​ktieb miftuħ waqt id-​diskussjonijiet tiegħek mal-​anzjani. Jekk ikollok diffikultà tifhem xi waħda mill-​mistoqsijiet, tiddejjaqx titlob l-​għajnuna mingħand min tistudja l-​Bibbja miegħu jew mingħand l-​anzjani.

Fid-​diskussjonijiet tiegħek mal-​anzjani, tħossx li għandek tagħti tweġibiet twal jew komplikati għall-​mistoqsijiet. L-​aħjar ħaġa tkun jekk tgħid tweġiba sempliċi u diretta fi kliemek stess. Għal ħafna mill-​mistoqsijiet, ikun taʼ benefiċċju wkoll li tirreferi għal vers jew tnejn mill-​Bibbja biex turi l-​bażi Skritturali għat-​tweġiba tiegħek.

Jekk għadek ma ksibtx biżżejjed għarfien tat-​tagħlim bażiku mill-​Bibbja, l-​anzjani se jirranġawlek biex tirċievi l-​għajnuna sabiex tkun tistaʼ tesprimi fi kliemek stess fehma xierqa tal-​Iskrittura u tikkwalifika biex titgħammed iktar tard.

[Nota lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni: L-​istruzzjonijiet għal diskussjonijiet mal-​kandidati għall-​magħmudija jidhru f’paġni 208-212.]

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja