MISTOQSIJIET GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JITGĦAMMDU
Diskussjoni tal-aħħar mal-kandidati għall-magħmudija
Il-magħmudijiet ġeneralment isiru fl-assembleat u l-konvenzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Fi tmiem it-taħdita tal-magħmudija, il-kelliem jitlob lill-kandidati għall-magħmudija jqumu bilwieqfa u jwieġbu ż-żewġ mistoqsijiet li ġejjin b’leħen għoli u ċar:
1. Indimt int minn dnubietek, iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova, u aċċettajt int li l-mezz tas-salvazzjoni tiegħu hu permezz taʼ Ġesù Kristu?
2. Tifhem int li l-magħmudija tiegħek tidentifikak bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova fi sħubija mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova?
Tweġibiet fl-affermattiv għal dawn il-mistoqsijiet jifformaw ‘stqarrija pubblika’ mill-kandidati għall-magħmudija li huma eżerċitaw fidi fil-fidwa u ddedikaw ruħhom lil Ġeħova bla riserva. (Rum. 10:9, 10) Il-kandidati għall-magħmudija għandhom jitolbu u jaħsbu minn qabel dwar dawn il-mistoqsijiet biex ikunu jistgħu jwieġbu fi qbil mal-konvinzjonijiet persunali tagħhom.
Iddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova fit-talb, billi wegħedtu li se taqdi lilu biss u li se tpoġġi dak li jrid hu l-ewwel post f’ħajtek?
Issa konvint int għalkollox li għandek titgħammed mal-ewwel opportunità?
X’inhu l-ilbies xieraq għall-magħmudija? (1 Tim. 2:9, 10; Ġw. 15:19; Flp. 1:10)
Għandna nilbsu “bil-modestja u b’moħħ f’loku” sabiex nuru ‘li nqimu lil Alla.’ Għalhekk, dawk li se jitgħammdu m’għandhomx jilbsu malji li ma jkunux modesti jew ilbies bil-kitba. Għandhom jilbsu b’tali mod li jkunu puliti, nodfa, xierqa, u adattati għall-okkażjoni.
Wieħed kif għandu jġib ruħu hu u jitgħammed? (Lq. 3:21, 22)
Il-magħmudija taʼ Ġesù stabbiliet l-eżempju għall-magħmudijiet Kristjani llum. Hu fehem li l-magħmudija hi pass serju, u dan deher fl-attitudni u fil-mod kif aġixxa. Għalhekk, il-post tal-magħmudija m’għandux ikun post għal ċajt mhux xieraq, logħob, għawm, jew kondotta oħra li tnaqqas is-serjetà tal-okkażjoni. Kristjan ġdid lanqas m’għandu jġib ruħu qisu rebaħ xi rebħa kbira. Filwaqt li l-magħmudija hi okkażjoni taʼ ferħ, dan il-ferħ għandu jintwera b’dinjità.
Li tiltaqaʼ u tassoċja mal-kongregazzjoni b’mod regulari kif se jgħinek twettaq id-dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova?
Wara li titgħammed, għala jkun importanti ħafna għalik li żżomm skeda tajba taʼ studju persunali u li jkollok sehem regolari fil-ministeru?
ISTRUZZJONIJIET GĦALL-ANZJANI TAL-KONGREGAZZJONI
Meta pubblikatur mhux mgħammed juri li jixtieq jitgħammed, għandu jiġi inkuraġġit jirrivedi bir-reqqa s-sezzjoni “Mistoqsijiet għal dawk li jixtiequ jitgħammdu,” li tinsab f’paġni 185-207 taʼ dan il-ktieb. Għandha tinġibidlu l-attenzjoni lejn “Messaġġ lill-pubblikatur mhux mgħammed,” li jibda f’paġna 182, li jispjega kif jistaʼ jipprepara għad-diskussjonijiet mal-anzjani. Bħalma ġie nnotat hemmhekk, il-kandidat għall-magħmudija prospettiv jistaʼ juża n-noti persunali tiegħu u jistaʼ jżomm dan il-ktieb miftuħ quddiemu waqt id-diskussjonijiet. Madankollu, m’hemmx bżonn li xi ħadd jgħaddi l-mistoqsijiet miegħu qabel ma jiltaqaʼ mal-anzjani.
Kull min jixtieq jitgħammed għandu jgħid lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani. Wara li l-individwu li jixtieq jitgħammed ikun qara l-“Mistoqsijiet għal dawk li jixtiequ jitgħammdu,” il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani se jistaqsi l-persuna jekk għamlitx dedikazzjoni persunali fit-talb lil Ġeħova biex tagħmel ir-rieda Tiegħu. Jekk il-persuna għamlet id-dedikazzjoni, imbagħad il-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani jagħmel arranġamenti biex żewġ anzjani jiddiskutu mal-individwu l-“Mistoqsijiet għal dawk li jixtiequ jitgħammdu.” Anzjan differenti għandu jiġi inkarigat għal kull parti miż-żewġ partijiet. M’hemmx għalfejn tistenna sakemm titħabbar xi assemblea jew konvenzjoni biex jinbdew dawn id-diskussjonijiet.
Iż-żewġ partijiet ġeneralment jistgħu jiġu diskussi f’żewġ sessjonijiet taʼ xi siegħa l-waħda, għalkemm m’hemm ebda oġġezzjoni li jintuża iktar ħin jekk ikun hemm bżonn. Kull sessjoni għandha tibda u tispiċċa b’talba. La l-kandidat u lanqas l-anzjani m’għandhom ikunu mgħaġġlin meta jgħaddu l-mistoqsijiet. L-anzjani inkarigati għandhom jagħmlu din id-diskussjoni prijorità fl-iskeda tagħhom.
Ġeneralment ikun l-aħjar li l-mistoqsijiet jintgħamlu maʼ kull kandidat għall-magħmudija individwalment, mhux maʼ grupp taʼ kandidati. Billi l-kandidat jitħalla jikkummenta fuq kull mistoqsija, l-anzjani se jifhmu iktar kemm jaf tajjeb il-veritajiet tal-Bibbja, u ma jkollhom ebda dubju jekk ikunx lest għall-magħmudija. Iżjed minn hekk, l-individwu li jixtieq jitgħammed għandu mnejn ikun iktar inklinat jesprimi ruħu f’dan l-ambjent. Raġel u mara miżżewġin jistgħu jkollhom dawn is-sessjonijiet flimkien.
Meta l-kandidat għall-magħmudija tkun oħt, id-diskussjonijiet għandhom isiru b’tali mod li jkunu jidhru minn oħrajn imma li ma jinstemgħux. Jekk ikun hemm bżonn li tmur persuna oħra, din għandha tkun anzjan jew qaddej ministerjali, jiddependi fuq is-sezzjoni li tkun qed tiġi riveduta, bħalma jidher fil-paragrafu li ġej.
F’kongregazzjonijiet li tassew għandhom ftit anzjani, qaddejja ministerjali kapaċi li wrew li għandhom dixxerniment tajjeb jistgħu jgħaddu mal-individwi l-mistoqsijiet għall-magħmudija li jinsabu f’“L-ewwel parti: Twemmin Kristjan.” L-anzjani biss għandhom jikkunsidraw “It-tieni parti: Il-mod kif jgħixu l-Kristjani.” Jekk il-kongregazzjoni ma jkollhiex biżżejjed aħwa rġiel ikkwalifikati, jistaʼ jiġi kkuntattjat l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet biex jara jekk anzjani minn kongregazzjoni fil-qrib jistgħux jgħinu.
Meta l-kandidat għall-magħmudija jkun taħt l-età, il-ġenitur(i) tiegħu li hu Xhud għandu jkun preżenti għas-sessjonijiet. Jekk il-ġenitur(i) ma jistax ikun preżenti, għandu jkun hemm żewġ anzjani (jew anzjan u qaddej ministerjali, skont is-sessjoni li se tiġi riveduta) f’kull sessjoni.
L-anzjani jridu jkunu ċerti li individwu li jixtieq jitgħammed ikun kiseb fehma raġunevoli dwar it-tagħlim bażiku tal-Bibbja. Iżjed minn hekk, iridu jaċċertaw ruħhom jekk hu japprezzax il-verità profondament u jekk jurix rispett xieraq lejn l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Jekk l-individwu ma jifhimx it-tagħlim bażiku tal-Bibbja, l-anzjani jirranġawlu biex jingħata għajnuna persunali biex jikkwalifika għall-magħmudija iktar tard. Oħrajn forsi jkollhom bżonn jingħataw iż-żmien biex juru li jifhmu kemm hu importanti s-servizz tal-għalqa jew sottomissjoni lejn l-arranġamenti organizzazzjonali. L-anzjani għandhom jiddeċiedu kif l-aħjar li jqassmu l-ħin (madwar siegħa) li jqattgħu f’kull sessjoni sabiex jagħrfu bis-sħiħ jekk il-kandidat hux lest għall-magħmudija. Għalkemm ċerti mistoqsijiet jistgħu jingħataw iżjed ħin minn oħrajn biex jiġu diskussi, għandhom jiġu riveduti l-mistoqsijiet kollha.
L-anzjani inkarigati biex jirrivedu dawn il-mistoqsijiet jiltaqgħu wara t-tieni sessjoni u jiddeċiedu jekk l-individwu għandux jiġi aċċettat għall-magħmudija jew le. L-anzjani se jqisu t-trobbija, l-abbiltà, u ċirkustanzi oħrajn taʼ kull persuna. Dak li l-anzjani jkunu jridu jafu hu jekk l-individwu żviluppax relazzjoni maʼ Ġeħova u jekk jifhimx il-veritajiet fundamentali tal-Bibbja. Bl-għajnuna kollha mħabba tagħkom, dawk li se jitgħammdu se jkunu ppreparati tajjeb biex iwettqu l-inkarigu importanti tagħhom bħala ministri tal-aħbar tajba.
Wara dan, wieħed mill-anzjani inkarigati jew it-tnejn li huma għandhom jiltaqgħu mal-individwu u jgħidulu jekk jikkwalifikax għall-magħmudija jew le. Jekk l-individwu jikkwalifika, l-anzjani għandhom jirrivedu miegħu “Diskussjoni tal-aħħar mal-kandidati għall-magħmudija,” li tinsab f’paġni 206-207. Jekk il-kandidat għadu ma spiċċax l-istudju tiegħu tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, l-anzjani għandhom iħeġġuh jagħmel dan wara l-magħmudija. Għid lill-kandidat li d-data tal-magħmudija tiegħu se tiġi miżjuda mal-Congregation’s Publisher Record tiegħu. Fakkru li l-anzjani jiġbru din l-informazzjoni personali mingħandu ħalli l-organizzazzjoni tkun tistaʼ tkompli tieħu ħsieb l-attivitajiet reliġjużi tax-Xhieda taʼ Ġeħova madwar id-dinja u biex ikun jistaʼ jipparteċipa f’attivitajiet spiritwali u jirċievi inkuraġġiment u direzzjoni mingħand l-anzjani. Barra minn hekk, l-anzjani jistgħu jfakkru lil pubblikaturi ġodda li kwalunkwe informazzjoni personali tintuża skont il-Policy globali tal-protezzjoni tad-data tax-Xhieda taʼ Ġeħova li qiegħda fuq jw.org. Din id-diskussjoni ġeneralment għandha tieħu biss għaxar minuti jew inqas.
Sena wara l-magħmudija tal-pubblikatur, żewġ anzjani għandhom jiltaqgħu miegħu biex jipprovdu inkuraġġiment u suġġerimenti taʼ għajnuna. Wieħed mill-anzjani għandu jkun l-indokratur tal-grupp tal-persuna. Jekk dak li tgħammed ikun taħt l-età, il-ġenitur(i) tiegħu li hu Xhud għandu jkun preżenti. Din il-laqgħa għandha tkun waħda taʼ mħabba u inkuraġġiment. L-anzjani se jiddiskutu l-progress spiritwali tiegħu u joffru suġġerimenti prattiċi fuq kif jistaʼ jkompli f’rutina tajba taʼ studju personali u qari tal-Bibbja kuljum, qima bħala familja kull ġimgħa, attendenza u parteċipazzjoni konsistenti fil-laqgħat, u attività taʼ kull ġimgħa fis-servizz. (Efes. 5:15, 16) Jekk ma spiċċax l-istudju tiegħu tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!, l-anzjani għandhom jagħmlu arranġamenti biex xi ħadd jgħinu jagħmel dan. L-anzjani għandhom ikunu ġenerużi f’li jfaħħruh bl-imħabba. Ġeneralment, pariri u suġġerimenti fuq punt jew tnejn ikunu biżżejjed.