MISTOQSIJIET GĦAL DAWK LI JIXTIEQU JITGĦAMMDU
It-tieni parti: Il-mod kif jgħixu l-Kristjani
Fl-istudju tiegħek tal-Bibbja, ksibt għarfien dwar x’jitlob minnek Ġeħova u dwar kif tistaʼ tgħix fi qbil mal-livelli ġusti tiegħu. Biex taġixxi fuq dak li tgħallimt, forsi kellek tagħmel għadd taʼ bidliet fil-kondotta persunali tiegħek u fl-attitudni tiegħek lejn il-ħajja nfisha. Issa li ddeċidejt li tgħix fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Ġeħova, int ikkwalifikajt biex tkun ministru tal-aħbar tajba.
Reviżjoni tal-mistoqsijiet li ġejjin se tgħinek iżżomm ċar f’moħħok il-ħtiġijiet ġusti taʼ Ġeħova u se tfakkrek dwar ftit mill-affarijiet li tistaʼ tagħmel sabiex tkun wieħed mill-qaddejja approvati tiegħu. Din l-informazzjoni se tgħinek tifhem kemm hu importanti li tagħmel kollox b’kuxjenza nadifa u għall-unur taʼ Ġeħova.—2 Kor. 1:12; 1 Tim. 1:19; 1 Pt. 3:16, 21.
Issa li wasalt f’dan il-punt fl-istudju tiegħek, bla dubju int ħerqan li tkun sottomess lejn it-tmexxija taʼ Ġeħova u li ssir parti mill-organizzazzjoni tiegħu. Il-mistoqsijiet u r-referenzi tal-Iskrittura se jgħinuk teżamina dak li fhimt dwar li tkun sottomess lejn l-arranġament taʼ Ġeħova, kemm jekk fil-kongregazzjoni, fil-familja, jew fl-affarijiet politiċi taʼ din is-sistema. Bla dubju, int tistaʼ tapprezza iktar l-arranġamenti taʼ Ġeħova biex jeduka lill-poplu tiegħu u jsaħħaħlu l-fidi. Dawn jinkludu l-laqgħat tal-kongregazzjoni li int se tkun trid tattendi u tipparteċipa fihom skont iċ-ċirkustanzi tiegħek.
Flimkien maʼ dan f’din is-sezzjoni se nikkunsidraw kemm hu importanti li jkollna sehem regolari fix-xogħol tal-ippritkar tas-Saltna u f’li ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Ġeħova u x’qiegħed jagħmel għall-bnedmin. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Fl-aħħar, din is-sezzjoni se tgħinek tifhem is-serjetà tad-dedikazzjoni tiegħek lil Alla Ġeħova u tal-magħmudija tiegħek. Tistaʼ tkun ċert li Ġeħova japprezza dak li se tagħmel int b’sinċerità wara li wera qalb tajba mhix mistħoqqa miegħek.
1. X’inhu l-livell Kristjan għaż-żwieġ? X’inhi l-unika bażi għal divorzju Skritturali?
• “Ma qrajtux li sa mill-bidu dak li ħalaqhom għamilhom raġel u mara u qal, ‘Minħabba f’hekk raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu, u t-tnejn ikunu ġisem wieħed’? Mela m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Għalhekk, dak li Alla għaqqad flimkien ħa ma jifirdu ebda bniedem. . . . Kulmin jiddivorzja lil martu, ħlief minħabba ż-żína, u jiżżewweġ oħra jagħmel adulterju.”—Mt. 19:4-6, 9.
2. Dawk li jgħixu flimkien bħala raġel u mara għala għandhom ikunu miżżewġin legalment? Jekk int miżżewweġ, ċert int li ż-żwieġ tiegħek hu legali u rikonoxxut mill-gvern?
• “Ibqaʼ fakkarhom biex ikunu sottomessi u ubbidjenti lejn il-gvernijiet u l-awtoritajiet.”—Titu 3:1.
• “Ħa jkun iż-żwieġ onorabbli għal kulħadd, u ħa tkun is-sodda taż-żwieġ bla tinġis, għax Alla jiġġudika liż-żienja u lill-adulteri.”—Ebr. 13:4.
3. X’inhu l-irwol tiegħek fil-familja?
• “Ibni, ismaʼ mid-dixxiplina taʼ missierek, u titlaqx il-liġi t’ommok.”—Prov. 1:8.
• “Ir-raġel hu l-kap taʼ martu bħalma l-Kristu wkoll hu l-kap tal-kongregazzjoni . . . Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni.”—Efes. 5:23, 25.
• “Missirijiet, iddejqux lil uliedkom, imma ibqgħu rabbuhom fid-dixxiplina u l-gwida mentali taʼ Ġeħova.”—Efes. 6:4.
• “Intom tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom f’kollox, għax dan jogħġob lill-Mulej.”—Kol. 3:20.
• “Intom in-nisa, kunu sottomessi lejn żwieġkom.”—1 Pt. 3:1.
4. Għala għandna nuru rispett lejn il-ħajja?
• “[Alla] jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. . . . Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.”—Atti 17:25, 28.
5. Għala m’għandna noqtlu lil ħadd, inkluż tarbija li għadha ma twilditx?
• “Jekk żewġt irġiel jissaraw bejniethom u jweġġgħu lil mara tqila u . . . jekk jiġri xi aċċident fatali, trid tagħti ruħ b’ruħ.”—Eżo. 21:22, 23.
• “Għajnejk rawni meta kont għadni biss embriju, u fil-ktieb tiegħek inkitbu l-partijiet kollha tiegħi, dwar iż-żmien meta ġew ifformati u ma kien għad hemm ebda parti teżisti.”—Salm 139:16.
• ‘Ġeħova jobgħod . . . idejn li qed ixerrdu demm innoċenti.’—Prov. 6:16, 17.
6. Alla x’jikkmanda dwar id-demm?
• ‘Ibqgħu tbiegħdu . . . mid-demm u mil-laħam t’annimali fgati.’—Atti 15:29.
7. Għala għandna nħobbu lil ħutna Kristjani?
• “Qed nagħtikom kmandament ġdid, li tħobbu lil xulxin; bħalma ħabbejtkom jien, ħobbu intom ukoll lil xulxin. B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.”—Ġw. 13:34, 35.
8. Biex jevita li jgħaddi lil ħaddieħor marda li tittieħed jew li tistaʼ tkun fatali: (a) Individwu infettat għala m’għandux jibda juri affezzjoni, bħal tgħanniq u bews? (b) Għala m’għandux jirreaġixxi b’mod negattiv jekk xi wħud jagħżlu li ma jistidnuhx fi djarhom? (ċ) Individwu li forsi kien espost għal marda li tittieħed għala għandu jagħżel li minn jeddu jagħmel test tad-demm qabel ma jibda jinnamra? (d) Individwu li għandu marda li tittieħed għala għandu jinforma lill-koordinatur tal-ġemgħa tal-anzjani qabel ma jitgħammed?
• “Ħa ma jkollkom tagħtu xejn lil ħadd, ħlief li tħobbu lil xulxin. . . . ‘Ħobb lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’ L-imħabba ma tagħmilx ħsara lill-proxxmu.”—Rum. 13:8-10.
• “Tfittxux l-interessi persunali tagħkom biss, imma wkoll l-interessi persunali taʼ l-oħrajn.”—Flp. 2:4.
9. Ġeħova għala jistenna li naħfru lil oħrajn?
• “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor. Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—Kol. 3:13.
10. X’għandek tagħmel jekk ħu jimmalafamak jew jagħmel frodi kontrik?
• “Jekk ħuk jagħmel dnub, mur sibu waħdu u urih l-iżball tiegħu. Jekk jismaʼ minnek, tkun ksibt lura lil ħuk. Imma jekk ma jismax, ħu miegħek wieħed jew tnejn oħra, sabiex kull ħaġa tkun stabbilita minn fomm żewġ xhieda jew tlieta. Jekk ma jismax minnhom, kellem lill-kongregazzjoni. Jekk lanqas mill-kongregazzjoni ma jismaʼ, ħa jkun għalik bħal raġel mill-ġnus u bħal kollettur tat-taxxi.”—Mt. 18:15-17.
11. Ġeħova kif iqis id-dnubiet li ġejjin?
▪ L-immoralità sesswali
▪ L-użu tax-xbihat fil-qima
▪ L-omosesswalità
▪ Is-serq
▪ Il-logħob għall-flus
▪ Li xi ħadd ikun fis-sakra
• “Titqarrqux. La ż-żienja, la l-idolatri, la l-adulteri, la l-irġiel miżmumin għal skopijiet mhux naturali, la l-irġiel li jimteddu maʼ l-irġiel, la l-ħallelin, la r-rgħiba, la s-sakranazzi, la ż-żeblieħa, lanqas l-imbroljuni ma jirtu s-saltna t’Alla.”—1 Kor. 6:9, 10.
12. X’int determinat li tagħmel dwar l-immoralità sesswali, li tinkludi diversi atti sesswali barra ż-żwieġ?
• “Aħarbu miż-żína.”—1 Kor. 6:18.
13. Għala m’għandniex nieħdu sustanzi li jagħmluna dipendenti minnhom jew li jeffettwaw il-moħħ jekk ma jkunux għall-użu mediku?
• ‘Ippreżentaw ġisimkom bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, aċċettabbli għal Alla, jiġifieri, servizz sagru bil-qawwa tar-raġuni tagħkom. U tibqgħux magħġunin skond din is-sistema, imma nbidlu billi ġġeddu moħħkom, biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’—Rum. 12:1, 2.
14. X’inhuma xi ftit mill-prattiki demoniċi li Alla jipprojbixxi?
• “M’għandux jinstab fik . . . xi ħadd li jeħber, min jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin.”—Dt. 18:10, 11.
15. Jekk persuna tikkommetti dnub serju u tkun trid terġaʼ tikseb l-approvazzjoni taʼ Ġeħova, x’għandha tagħmel mill-ewwel?
• “Dnubi stqarrejtu miegħek, u l-iżball tiegħi ma bqajtx ngħattih. Jien għedt: ‘Se nistqarr nuqqasijieti lil Ġeħova.’”—Salm 32:5.
• “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ għandu lill-anzjani tal-kongregazzjoni, u ħa jitolbu għalih, jidilkuh biż-żejt f’isem Ġeħova. U t-talb tal-fidi jfejjaq lill-marid, u Ġeħova jqajmu. Ukoll, jekk ikun għamel xi dnubiet, jinħafrulu.”—Ġak. 5:14, 15.
16. Jekk taf li Kristjan ieħor għamel dnub serju, x’għandek tagħmel?
• “Jekk xi ħadd jidneb għax ikun semaʼ lil min jisħet fil-pubbliku u hu jkun xhud jew ikun rah jew sar jaf bih, jekk ma jirrapportax dan, irid iwieġeb għall-iżball tiegħu.”—Lev. 5:1.
17. Jekk isir avviż li xi ħadd m’għadux wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova, kif għandna nittrattawh?
• “Tibqgħux tagħmluha maʼ min jissejjaħ ħu iżda jkun żieni jew rgħib jew idolatra jew żeblieħi jew sakranazz jew imbroljun; lanqas biss għandkom tieklu maʼ bniedem bħal dan.”—1 Kor. 5:11.
• “Jekk xi ħadd jiġi għandkom u ma jġibx dan it-tagħlim, tilqgħuh qatt fi djarkom u ssellmulux.”—2 Ġw. 10.
18. Il-ħbieb tal-qalb tiegħek għala għandhom ikunu jħobbu lil Ġeħova?
• “Min qed jimxi maʼ l-għorrief se jsir għaref, imma min qed jagħmilha maʼ l-istupidi se jaħbatlu ħażin.”—Prov. 13:20.
• “Titqarrqux. Kumpanija ħażina tħassar id-drawwiet siewja.”—1 Kor. 15:33.
19. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala huma newtrali fil-politika?
• “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien [Ġesù] m’iniex parti mid-dinja.”—Ġw. 17:16.
20. Għala għandek tobdi lill-gvern?
• “Ħa tkun kull ruħ sottomessa lejn l-awtoritajiet superjuri, għax m’hemm l-ebda awtorità jekk mhux minn Alla; l-awtoritajiet li jeżistu tqiegħdu fil-pożizzjonijiet relattivi tagħhom minn Alla.”—Rum. 13:1.
21. Jekk ikun hemm konflitt bejn liġi tal-bnedmin u liġi t’Alla, x’tagħmel?
• “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem u mhux lill-bnedmin.”—Atti 5:29.
22. Liema skritturi jistgħu jgħinuk tibqaʼ separat mid-dinja meta tkun qed tagħżel xogħol?
• “Ma jerfgħux is-sejf, ġens kontra ġens, u ma jitħarrġux iktar għall-gwerra.”—Mik. 4:3.
• “Oħorġu minnha [Babilonja l-Kbira], poplu tiegħi, jekk ma tridux tieħdu sehem magħha fi dnubietha, u jekk ma tridux tirċievu parti mill-kastigi tagħha.”—Riv. 18:4.
23. X’tip taʼ divertiment u rikreazzjoni se tagħżel, u liema tip se twarrab?
• “Ġeħova . . . [jobgħod] lil kulmin iħobb il-vjolenza.”—Salm 11:5.
• “Stmerru dak li hu ħażin, żommu sod maʼ dak li hu tajjeb.”—Rum. 12:9.
• “Kulma hu veru, kulma hu serju, kulma hu ġust, kulma hu safi, kulma jqanqal l-imħabba, kulma hu taʼ fama tajba, kull virtù, u kull ħaġa li jistħoqqilha tifħir, fuq dawn l-affarijiet komplu aħsbu.”—Flp. 4:8.
24. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għala ma jagħtux qima maʼ gruppi reliġjużi oħra?
• “Ma tistgħux tieħdu sehem mill-‘mejda taʼ Ġeħova’ u mill-mejda tad-demonji.”—1 Kor. 10:21.
• “‘Infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif’; ‘u jien nilqagħkom.’”—2 Kor. 6:17.
25. Xi prinċipji se jgħinuk tiddeċiedi jekk tipparteċipax f’xi ċelebrazzjoni?
• “Tħalltu mal-ġnus u bdew jitgħallmu mill-imġiba tagħhom. U qdew lill-idoli tagħhom, u dawn saru nassa għalihom.”—Salm 106:35, 36.
• “Il-mejtin ma jafu assolutament xejn.”—Ekk. 9:5.
• “M’humiex parti mid-dinja, bħalma jien m’iniex parti mid-dinja.”—Ġw. 17:16.
• “Iż-żmien li għadda kien biżżejjed għalikom biex tagħmlu r-rieda tal-ġnus meta wettaqtu għemejjel taʼ kondotta laxka, passjonijiet, xorb żejjed taʼ nbid, xalar, imħatri min jixrob l-iktar, u idolatriji kontra l-liġi.”—1 Pt. 4:3.
26. L-eżempji tal-Bibbja kif jgħinuk tiddeċiedi jekk għandekx tiċċelebra l-birthdays?
• “It-tielet jum kien għeluq snin il-Fargħun, u dan għamel festa għall-qaddejja kollha tiegħu u ħareġ lill-kap tal-kuppieri u lill-kap tal-furnara f’nofs il-qaddejja tiegħu. Għaldaqstant, hu reġaʼ ta lill-kap tal-kuppieri l-kariga tiegħu taʼ kuppier . . . Imma lill-kap tal-furnara dendlu maʼ zokk.”—Ġen. 40:20-22.
• “Fiċ-ċelebrazzjoni t’għeluq snin Erodi, bint Erodja ħarġet tiżfen fin-nofs u tant għoġbitu lil Erodi li wegħedha b’ħalfa li jagħtiha kulma titolbu. Imbagħad hi, mogħwija minn ommha, qalet: ‘Agħtini issa fuq platt ras Ġwanni l-Battista.’ U bagħat jaqtaʼ ras Ġwanni fil-ħabs.”—Mt. 14:6-8, 10.
27. Għala tixtieq timxi mad-direzzjonijiet tal-anzjani?
• “Kunu ubbidjenti lejn dawk li qed imexxu fostkom u kunu sottomessi lejhom, għax huma qed jgħassulkom ruħkom bħala dawk li għad iridu jagħtu kont; sabiex dan jagħmluh bil-ferħ u mhux bit-tnehid, għax inkella jkun taʼ ħsara għalikom.”—Ebr. 13:17.
28. Għala hu importanti għalik u għall-familja tiegħek li tagħmlu ħin biex taqraw u tistudjaw il-Bibbja regolarment?
• “L-għaxqa tiegħu hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu. Hu jsir bħal siġra mħawla ħdejn nixxigħat taʼ l-ilma, li tagħti l-frott fl-istaġun tagħha u li l-weraq tagħha ma jidbielx, u jirnexxi f’kulma jagħmel.”—Salm 1:2, 3.
29. Għala tħobb tattendi l-laqgħat u tipparteċipa fihom?
• “Se nxandar ismek lil ħuti; f’nofs il-kongregazzjoni se nfaħħrek.”—Salm 22:22.
• “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.”—Ebr. 10:24, 25.
30. X’inhu l-iktar xogħol importanti li Ġesù tana nagħmlu?
• “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha, għammduhom . . . , u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”—Mt. 28:19, 20.
31. Liema attitudni togħġob lil Ġeħova meta nagħmlu donazzjonijiet għax-xogħol tas-Saltna jew ngħinu lil ħutna?
• “Onora lil Ġeħova bl-affarijiet prezzjużi tiegħek.”—Prov. 3:9.
• “Ħa jagħmel kull wieħed bħalma jkun iddeċieda f’qalbu, mhux kontra qalbu jew bilfors, għax Alla jħobb lil min jagħti bil-ferħ.”—2 Kor. 9:7.
32. Il-Kristjani liema diffikultajiet jistennew li jkollhom?
• “Henjin dawk li ġew persegwitati minħabba s-sewwa, għax tagħhom hi s-saltna tas-smewwiet. Henjin intom meta n-nies iżebilħukom u jippersegwitawkom u bil-gideb jgħidu kull xorta taʼ ħażen kontrikom minħabba fija. Thennew u aqbżu bil-ferħ, għax il-premju tagħkom hu kbir fis-smewwiet; għax hekk kienu jippersegwitawhom lill-profeti li ġew qabilkom.”—Mt. 5:10-12.
33. Għala hu privileġġ speċjali li tkun mgħammed bħala wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova?
• “Kelmtek saret għalija l-ferħ u l-hena taʼ qalbi; għax ismek issejjaħ fuqi, O Ġeħova.”—Ġer. 15:16.