6 REBEKKA
Kienet Lesta li Titlaq id-Dar u l-Familja
KIEN qed jidlam u kien sar il-ħin biex Rebekka tmur iġġib l-ilma lill-familja tagħha. Għalhekk hi marret ħdejn il-bir b’ġarra kbira f’idejha. Dan ix-xogħol kienet imdorrija tagħmlu kuljum. Waqt li kienet sejra fejn il-bir, Rebekka rat xi rġiel bl-iġmla tagħhom. Għalkemm ma kinitx tafhom, xorta marret timla l-ġarra bl-ilma.
Xħin kienet sejra lura d-dar tagħha bil-ġarra mimlija bl-ilma, raġel minnhom li kien kbir fl-età resaq lejha u qalilha, “Jekk jogħġbok, agħtini naqra ilma mill-ġarra tiegħek.” Rebekka mill-ewwel uriet qalb tajba maʼ dawn l-irġiel. Hi qaltlu: “Ixrob sidi,” u tatu l-ilma biex jixrob sakemm xebaʼ.
Imma Rebekka għamlet iktar minn hekk. Hi wriet ospitalità kbira meta bdiet ittellaʼ l-ilma mill-bir biex jixorbu l-għaxar iġmla tagħhom. Ir-raġel baqaʼ mistagħġeb meta raha ġejja u sejra timla l-ilma biex l-iġmla jkunu jistgħu jixorbu sakemm jixbgħu. Tant hu hekk li staqsieha min kien missierha u jekk setgħux joqogħdu mal-familja tagħha għal lejl wieħed. Rebekka ma qagħditx taħsibha, imma kienet ospitabbli magħhom. Hi mhux biss offritilhom fejn jorqdu imma anke tathom l-ikel għall-iġmla.
Rebekka ma kinitx taf li Ġeħova riedha tiltaqaʼ maʼ dan ir-raġel. Dan ir-raġel kbir fl-età, li x’aktarx kien Eligħeżer, kien il-qaddej li Abraham kien jafda. Ħafna ġimgħat qabel, Abraham qallu biex jivvjaġġa mijiet taʼ kilometri biex isib mara għal Iżakk. Abraham ried li t-tfajla li jsib tkun ġejja minn familja li kienet tħobb lil Ġeħova. Għalhekk, Eligħeżer talab lil Ġeħova biex jgħinu. Hu talbu wkoll biex din it-tfajla tkun ospitabbli magħhom, u Rebekka hekk għamlet!
Rebekka kienet kuraġġuża u ma ddejqitx tgħin lil dawn l-irġiel avolja qatt ma kienet iltaqgħet magħhom. Bla dubju, dak iż-żmien ma kienx perikoluż bħal-lum li tkun ospitabbli maʼ xi ħadd li ma tafx. Illum in-nies huma “kattivi [u] jobogħdu dak li hu tajjeb.” (2 Tim. 3:1, 3) Avolja dak kien żmien differenti, Rebekka xorta kienet taʼ eżempju tajjeb. Ejja naraw kif kompliet turi l-kuraġġ.
Wara li waslu d-dar, Rebekka saret taf għala dawn l-irġiel ivvjaġġaw minn daqshekk bogħod. Missierha Betwel u ħuha Laban stiednu lil Eligħeżer biex jiekol xi ħaġa magħhom. Imma qabel bdew jieklu, dan ir-raġel kbir fl-età ried jgħidilhom għala kien mar għandhom. Hu spjegalhom kif Ġeħova għenu biex isib lil Rebekka. Betwel u Laban indunaw li Ġeħova kien għenu u qalu: “Dan hu minn Ġeħova.”
X’għamlet Rebekka meta saret taf li Alla riedha titlaq ’il bogħod mid-dar tagħha u tiżżewweġ raġel li ma kinitx taf?
Rebekka x’kienet se tagħmel? Abraham kien qal lil Eligħeżer li jistaʼ jkun li t-tfajla ma kinitx se tkun lesta tmur Kangħan miegħu. Milli jidher, Rebekka setgħet tagħżel jekk tmurx miegħu jew le. L-għada, Eligħeżer staqsa lill-familja tagħha jekk setgħetx titlaq miegħu mill-ewwel. Imma huma staqsew lilha biex jaraw xi trid tagħmel hi. Rebekka qaltilhom: “Iva, irrid immur.” Hi kienet lesta li titlaq ’il bogħod mid-dar u mill-familja tagħha, għalkemm kienet taf li setgħet ma tarahomx iktar. Rebekka wriet dan il-kuraġġ għax x’aktarx hi wkoll irrealizzat li dan kien l-iskop taʼ Ġeħova.
Wara li għamlu ġimgħat jivvjaġġaw bl-iġmla tagħhom, l-irġiel waslu fil-kamp t’Abraham f’Kangħan. Meta kienet nieżla x-xemx, Rebekka rat raġel waħdu jippassiġġa fl-għalqa u jimmedita. Meta Rebekka ndunat li kien Iżakk, hi kienet umli u għattiet wiċċha bil-velu biex turi li aċċettatu bħala r-raġel tagħha. Iżakk, li kellu 40 sena, kien raġel li kien iħoss ħafna għal ħaddieħor. Ommu kienet ilha mejta tliet snin u hu kien għadu jħossu mdejjaq. Ġeħova ried li Rebekka tagħmel xi ħaġa importanti. Imma kien se jkollha l-kuraġġ tagħmilha? Kienet se tħobb lil Iżakk, tissapportjah, u tgħinu biex ikun jistaʼ jaqdi lil Ġeħova bħala l-kap tal-familja? Il-Bibbja turi li hi hekk għamlet. Fil-fatt tiddeskrivi kif Iżakk ħassu dwar Rebekka b’dan il-mod: “Hu . . . sar iħobbha. B’hekk, Iżakk ħassu aħjar wara li tilef lil ommu.”
Aqra l-istorja mill-Bibbja:
Biex tiddiskuti:
Rebekka kif uriet kuraġġ?
Fittex Iktar
1. Meta Abraham kellu t-tfal, Eligħeżer kif ġie effettwat, imma kif nafu li ma kienx irrabjat? (Ġen. 15:2-4; 24:12; w97 1/1 30 ¶2-wcgr)
2. Abraham għala ried li l-mara li kien se jiżżewweġ Iżakk tiġi Kangħan u mhux Iżakk imur fejn kienet tgħix Rebekka? (w97 1/1 30 ¶3-wcgr)
3. Ir-rigali li ngħataw lil Rebekka u l-familja tagħha x’kienu jfissru? (it “Rebekka” ¶4-wcgr)
4. Iddeskrivi l-vjaġġ li għamlet Rebekka minn Ħaran biex tmur in-Negeb fejn kien jgħix Iżakk. (wp16.3 15 ¶1) A
www.LifeintheHolyLand.com
Stampa A: Fil-passat, ħafna nies kienu jgħixu fin-Negeb u kien hemm art kbira fejn l-annimali kollha li kellu Abraham setgħu joqogħdu jieklu l-ħaxix
Aħseb Fuq Dak li Tistaʼ Titgħallem
X’nistgħu nitgħallmu minn Abraham, Rebekka, u Iżakk meta niġu biex nagħżlu lil min se niżżewġu? (Ġen. 24:2, 3; 27:46; 28:1)
Rebekka kienet taħdem iebes, ġeneruża, u turi rispett. L-aħwa nisa kif jistgħu jimitawha? B
Stampa B
Int kif tistaʼ turi l-kuraġġ li wriet Rebekka?
Ħu l-Ħin Biex Taħseb Dwar Dawn il-Mistoqsijiet
Din l-istorja x’tgħallimni dwar Ġeħova?
Din l-istorja kif inhi marbuta mal-iskop taʼ Ġeħova?
Meta Ġeħova se jirxoxta lil Rebekka, x’nixtieq nistaqsiha?
Tgħallem Iktar
Ara kif Rebekka kompliet turi l-kuraġġ bħala mara miżżewġa u omm.
It-tfal x’jistgħu jitgħallmu minn Rebekka?
“Rebekah’s Fine Qualities” (Serje fuq jw.org “Picture Activities”)