Meta l-Kristjani Jiġu Mgħarblin bħall-Qamħ
FTIT qabel mewtu, Ġesù wissa lid-dixxipli tiegħu: “Ara! Satana riedkom f’idejh biex jgħarbilkom bħal qamħ.” (Lq. 22:31) X’ried ifisser b’dan?
Fi żmien Ġesù, il-ħsad tal-qamħ kien jirrikjedi ħafna ħin u sforz. L-ewwel, il-ħassada kienu jiġbru l-qamħ mill-għalqa. Imbagħad, huma kienu jsabbtuh fuq qiegħa iebsa jew jużaw l-annimali tar-razzett biex jiġbdu s-slitta tad-dris minn fuq il-qamħ ħalli jfarrkuh f’biċċiet. Dan il-proċess kien jaqlaʼ ż-żerriegħa minn maz-zokk u l-fosdqa. Imbagħad, il-bdiewa kienu jgħollu din it-taħlita fl-arja. Il-qalba, jew iż-żerriegħa sħiħa, kienet terġaʼ taqaʼ fl-art tad-dris, waqt li ż-żiffa kienet ittajjar il-karfa lil hinn. Finalment, il-qalba kienet tiġi mgħarbla bir-reqqa biex jitneħħa kwalunkwe materjal ieħor mhux bżonnjuż.
Eżatt bħalma qal Ġesù, Satana attakka lid-dixxipli taʼ Ġesù bla heda lura f’dak iż-żmien, u hu jattakka lilna llum. (Efes. 6:11) Huwa minnu li mhux kull diffikultà li niffaċċjaw f’ħajjitna hija kaġunata direttament minn Satana. (Koħ. 9:11) Xorta waħda, Satana huwa ħerqan li juża kwalunkwe mezz għad-dispożizzjoni tiegħu biex ikisser l-integrità tagħna. Per eżempju, hu għandu mnejn iħajjarna biex ngħixu ħajja materjalistika, biex nagħżlu divertiment oġġezzjonabbli, jew biex nieħdu sehem fi mġiba immorali sesswalment. Jistaʼ juża wkoll lil sħabna taʼ l-iskola jew tax-xogħol u lil qrabatna li ma jemmnux biex jagħmlulna pressjoni ħalli nieħdu kulma nistgħu minn din id-dinja kemm fl-edukazzjoni u kemm f’karrieri li d-dinja għandha x’toffri. Iktar minn hekk, Satana jistaʼ juża persekuzzjoni diretta fl-isforz tiegħu biex ikisser l-integrità tagħna lejn Alla. M’għandniex xi ngħidu, hemm ħafna modi oħrajn kif Satana bħallikieku jipprova jgħarbilna.
Kif nistgħu niqfulu lil dan l-għadu qawwi? Ma nistgħux nagħmlu dan bis-saħħa tagħna stess. Satana hu iktar qawwi minna; madankollu, aħna nafu li l-qawwa taʼ Ġeħova ma tistax titkejjel tant kemm hija superjuri għal taʼ Satana. Jekk ikollna fiduċja sħiħa f’Ġeħova, nitolbu bil-ħerqa għall-għerf u l-kuraġġ biex nissaportu, u nistrieħu għalkollox fuq il-gwida tiegħu, hu se jsaħħaħna biex nirreżistu l-attakki taʼ Satana.—Salm 25:4, 5.
Meta nkunu taħt prova, għandna bżonn l-abbiltà li ‘nagħrfu nagħżlu kemm it-tajjeb u kemm il-ħażin,’ u b’hekk nevitaw li niġu mqarrqin mill-makakkeriji taʼ Satana. (Ebr. 5:13, 14) Ġeħova jistaʼ jgħinna niżviluppaw din l-abbiltà. Imma mbagħad għandna bżonn nibqgħu ngħixu ħajja tajba, akkost taʼ kollox. Jekk b’fiduċja nsegwu l-gwida taʼ Ġeħova, hu dejjem se jappoġġa d-determinazzjoni qalbiena tagħna biex nagħmlu t-tajjeb.—Efes. 6:10.
Satana għandu mnejn jipprova jgħarbilna bħall-qamħ. Imma bis-saħħa taʼ Ġeħova, aħna nistgħu niqfulu, u nibqgħu sodi fil-fidi. (1 Pt. 5:9) Iva, il-Kelma taʼ Ġeħova tiżgurana: “Opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom.”—Ġak. 4:7.