LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w08 3/15 pp. 16-18
  • Inxerrdu l-Aħbar Tajba fl-Għoli, fil-Muntanji Andes

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Inxerrdu l-Aħbar Tajba fl-Għoli, fil-Muntanji Andes
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
  • Sottitli
  • Naslu Hemmhekk
  • “Għala Ma Ġejtux Qabel?”
  • “Ma Nsejtunix”
  • Immorru Lura d-​Dar
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2008
w08 3/15 pp. 16-18

Inxerrdu l-​Aħbar Tajba fl-​Għoli, fil-​Muntanji Andes

HEMMHEKK konna, 18-il ruħ, mimdudin għall-​qiegħa taʼ l-​art u nitriegħdu bil-​bard fil-​friex li ġibna magħna waqt li x-​xita qalila kienet qed tħabbat fuq is-​saqaf tal-​pjanċi tal-​ħadid li kien hemm fuq rasna. Meta rajna l-​kundizzjoni miżera tal-​kamra ċkejkna li konna fiha, bdejna naħsbu jekk konniex aħna l-​ewwel nies li qgħadna hemmhekk.

X’ġiegħel lil 18-il ruħ iżuru dawn l-​inħawi? Ir-​risposta kienet tiċċentra fuq ix-​xewqa tagħna li naġixxu fuq il-​kmand taʼ Ġesù biex inxandru l-​aħbar tajba “sa l-​iktar parti mbiegħda taʼ l-​art.” (Atti 1:8; Mt. 24:14) Konna qegħdin fuq vjaġġ biex immorru nippridkaw f’territorju iżolat fil-​Muntanji Andes tal-​Bolivja.

Naslu Hemmhekk

L-​ewwel sfida kienet sempliċement biex naslu hemmhekk. Sirna nafu li għal postijiet iżolati bħal dawn ma kienx hemm skeda fissa għat-​trasport pubbliku. Meta waslet il-​karozza tal-​linja skoprejna li kienet iżgħar milli suppost kellha tkun, allura xi ftit minna kellhom jibqgħu bil-​wieqfa. Imma fl-​aħħar ilkoll wasalna fil-​post fejn kellna naslu.

L-għan tagħna kien li niltaqgħu man-​nies fil-​villaġġi li kien hemm fl-​għoli, fil-​Muntanji Andes tal-​Bolivja. Għaldaqstant, wara l-​vjaġġ bil-​karozza tal-​linja, dawk fil-​grupp tagħna, mgħobbijin bil-​provvisti, bdew telgħin wieħed wara l-​ieħor fi trejqiet weqfin tal-​muntanja.

Għalkemm il-​villaġġi kienu jidhru żgħar, id-​djar kienu mbegħdin ħafna, u għalhekk ħadna ħafna ħin biex żorna kull villaġġ. Minkejja kemm konna nimxu, dejjem konna nsibu li għad baqaʼ xi dar oħra fil-​bogħod. Kemm-il darba ntlifna f’geġwiġija taʼ mogħdijiet imserrpin fl-​għelieqi.

“Għala Ma Ġejtux Qabel?”

Waħda mara tant impressjonat ruħha b’kemm konna mxejna li ħallietna nużaw il-​kċina u l-​ħatab tagħha biex insajru l-​ikel tagħna taʼ nofsinhar. Kien hemm raġel li wara li sar jaf x’tgħallem il-​Bibbja dwar il-​kundizzjoni tal-​mejtin, staqsiena, “Għala ma ġejtux qabel?” Tant kien interessat li meta tlaqna mill-​villaġġ tiegħu, hu ġie magħna ħalli fit-​triq jistaqsina iktar mistoqsijiet. Raġel ieħor qatt ma kien semaʼ bix-​Xhieda taʼ Ġeħova u wera interess kbir fil-​pubblikazzjonijiet tagħna. Hu rringrazzjana profondament talli morna għandu u tana ċ-​ċavetta taʼ kamra ċkejkna fejn stajna nqattgħu l-​lejl.

Darba minnhom, tant kien hemm dlam bil-​lejl li mingħajr ma ntbaħna armajna t-​tined tagħna f’nofs bejta nemel kbir iswed. In-​nemel malajr uriena li ma kienx qed jieħu pjaċir bina għaliex beda joqrosna. Konna wisq għajjenin biex niċċaqalqu, u fortunatament in-​nemel ma damx wisq ma ħalliena bi kwietna.

Għall-ewwel daharna u l-​kustilji bdew juġgħuna minħabba li rqadna maʼ l-​art, imma mbagħad mal-​lejl drajna s-​sitwazzjoni. U fil-​għodu nsejna kull uġigħ li kellna meta ħarisna lejn il-​widien mhux imniġġsa, bis-​sħab miexi lejhom bil-​mod il-​mod, u fil-​bogħod il-​qċaċet meraviljużi tal-​muntanji miksijin bis-​silġ. Xejn ma kien qed jikser il-​ħemda ħlief it-​tgelgil taʼ nixxiegħa u l-​għana taʼ l-​għasafar.

Wara li nħsilna fin-​nixxiegħa, qrajna vers mill-​Bibbja flimkien, ħadna l-​kolazzjon, u bdejna bil-​mod il-​mod telgħin lejn irħula oħrajn li kienu fil-​bogħod. Ma ddispjaċiniex li tlajna. Iltqajna maʼ mara anzjana li bdiet tibki ħafna meta semgħet li isem Alla, Ġeħova, jinsab fil-​Bibbja. Hi kienet kommossa. Issa hi setgħet tindirizza lil Alla b’ismu fit-​talb tagħha!

Raġel imdaħħal fiż-​żmien qal li Alla żgur kien ftakar fih, u beda jkanta li kienu bagħtuna l-​anġli. Raġel ieħor, li kien marid wisq biex joħroġ minn daru, qalilna li ħadd mill-​villaġġ tiegħu stess ma indenja ruħu jżuru. Kien wisq sorpriż meta ra li aħna ġejna dik it-​triq kollha minn La Paz. Raġel ieħor baqaʼ impressjonat ħafna li x-​Xhieda taʼ Ġeħova jżuru lin-​nies fi djarhom, filwaqt li reliġjonijiet oħrajn sempliċement jużaw il-​qniepen tal-​knejjes biex jistiednu lin-​nies.

L-ebda dar f’dawk l-​inħawi m’għandha l-​elettriku, allura n-​nies imorru jorqdu meta jidlam u jqumu meta titlaʼ x-​xemx. Għalhekk, biex stajna nsibu n-​nies id-​dar, ridna nibdew is-​servizz fis-​sitta taʼ fil-​għodu. Inkella ħafna nies ikunu diġà marru għax-​xogħol fl-​għelieqi. Iktar tard, dawk li kienu diġà bdew jaħdmu kienu jkunu lesti li jieqfu u jisimgħu l-​messaġġ tagħna mill-​Kelma t’Alla, u b’hekk jagħtu ċans lill-​barri jieqaf għal ftit milli jkompli jaħrat l-​għalqa. Ħafna min-​nies li sibna d-​dar firxulna l-​ġlud tan-​nagħaġ biex inpoġġu bil-​qiegħda fuqhom u ġabru lill-​familja kollha ħalli tismaʼ. Xi bdiewa tawna boroż kbar tal-​qamħirrum biex jirringrazzjawna għal-​letteratura Biblika li ħallejnielhom.

“Ma Nsejtunix”

Ċertament, biex in-​nies jagħmlu progress fl-​għarfien tal-​Bibbja għandhom bżonn iktar minn żjara waħda. Ħafna talbuna bil-​ħrara biex nerġgħu mmorru ħalli ngħallmuhom iktar. Minħabba f’hekk, għamilna diversi vjaġġi lejn din il-​parti tal-​Bolivja.

Matul vjaġġ li għamilna iktar tard, mara anzjana li kienet ferħana li rġajna morna, qaltilna: “Intom qiskom uliedi. Ma nsejtunix.” Wieħed raġel irringrazzjana għax-​xogħol tagħna u stidinna biex noqogħdu d-​dar tiegħu meta nerġgħu mmorru. Forsi l-​akbar premju għall-​isforzi tagħna kien meta smajna li mara li konna diġà żornieha d-​darba taʼ qabel, sadanittant marret toqgħod fil-​belt u issa kienet qed taqsam l-​aħbar tajba m’oħrajn.

Fl-aħħar ġurnata tal-​vjaġġ tagħna, spiċċalna l-​pitrolju taʼ l-​ispiritiera li konna nużaw biex insajru u kważi kien spiċċalna wkoll l-​ikel kollu li konna ġibna magħna. Ġbarna biżżejjed injam biex inqabbdu n-​nar, sajjarna l-​aħħar ftit ikel li kellna, u bdejna mexjin lura. Konna ħafna mili ’l bogħod mir-​raħal minfejn stajna naqbdu l-​karozza tal-​linja. Sa fl-​aħħar wasalna meta kien dalam.

Immorru Lura d-​Dar

Iltqajna maʼ xi intoppi aħna u sejrin lura minħabba li waqfet il-​karozza tal-​linja. Wara xi ħin, irnexxielna nitilgħu fuq wara taʼ trakk li kien iffollat bin-​nies.

Dan tana l-​opportunità nippridkaw lill-​passiġġieri li kienu qed jivvjaġġaw magħna u li kienu kurjużi l-​għala aħna konna morna hemmhekk. Għalkemm mistħijin minnhom, in-​nies ġeneralment huma dħulin u amikevoli.

Wara vjaġġ taʼ disaʼ sigħat fil-​kaxxa taʼ dak it-​trakk, wasalna d-​dar—imxarrbin għasra u nirżħu bil-​bard. Madankollu l-​vjaġġ ma kienx għalxejn. Mat-​triq irnexxielna nagħmlu appuntament għal studju tal-​Bibbja maʼ mara li tgħix fil-​belt.

Kienet tabilħaqq opportunità taʼ l-​għaġeb li naqsmu l-​aħbar tajba maʼ nies f’partijiet iżolati bħal dawn. Aħna ppridkajna f’erbaʼ villaġġi u f’għadd taʼ rħula żgħar. Ma stajniex ma naħsbux fil-​kliem: “Kemm huma sbieħ fuq il-​muntanji r-​riġlejn taʼ min iħabbar il-​bxara, taʼ min ixandar is-​sliem, taʼ min iħabbar ir-​riżq, taʼ min ixandar is-​salvazzjoni.”—Is. 52:7; Rum. 10:15.

[Stampa f’paġna 17]

Lesti ħalli jxandru l-​aħbar tajba

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja