Appuntament Tassew Importanti
GĦANDI appuntament verament importanti. Ħalli nispjegalkom x’wassal lili, omm Spanjola żagħżugħa, biex nagħmel dan l-appuntament.
Fid-dar tal-ġenituri tiegħi ma kienx hemm paċi u armonija. Niket kbir ħakem lill-familja tagħna meta ħija ż-żgħir miet b’diżgrazzja fl-età t’erbaʼ snin. Barra minn hekk, il-vizzji ħżiena taʼ missieri għamluha diffiċli għal ommi biex issib l-hena fiż-żwieġ. Xorta waħda, dan ma waqqafx lil ommi milli tnaqqax il-valuri morali fija u f’ħija l-kbir.
Għadda ż-żmien u ħija żżewweġ, u mbagħad iżżewwiġt jien ukoll. Ftit wara, ommi mardet bil-kanċer, li eventwalment wassal għall-mewt tagħha. Imma qabel mietet ħallitilna teżor.
Persuna, li kienet taf lil ommi, kienet kellmitha dwar it-tama Skritturali taʼ l-irxoxt u ommi aċċettat studju tal-Bibbja. Lejn l-aħħar taʼ ħajjitha, il-messaġġ taʼ tama mill-Bibbja ta skop lil ħajjitha u għenha ssib il-ferħ.
Meta rajna l-effett pożittiv li ħalla fuqha l-messaġġ tal-Bibbja, jien u ħija wkoll bdejna nistudjaw il-Kelma t’Alla. Jien tgħammidt bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova xahar qabel it-twelid tat-tieni tarbija tiegħi, tifla ħelwa li semmejnieha Lucía.
Il-ġurnata tal-magħmudija tiegħi kienet importanti ħafna għalija. Raġuni waħda kienet li jien issa kont nappartjeni lil Ġeħova għax iddedikajt lili nnifsi lilu biex naqdih għal dejjem. Raġuni oħra kienet li stajt naqsam it-twemmin tiegħi maʼ l-għeżież uliedi.
Però, it-tieni raġuni għall-ferħ tiegħi ma damitx ma ġiet imfixkla. Meta Lucía kellha erbaʼ snin bdiet tħoss uġigħ kbir fl-istonku. Wara li għamlet diversi testijiet, ir-radjologu spjegalna li mal-fwied kellha tumur id-daqs taʼ larinġa. It-tabib qalilna li Lucía kellha n-newroblastoma, tumur li jiżviluppa malajr f’kanċer. U hekk bdiet il-battalja taʼ Lucía kontra l-kanċer, battalja li damet sejra sebaʼ snin u li matulha kellha tqattaʼ ġranet twal l-isptar.
Spirtu taʼ Sagrifiċċju Persunali
Matul dawk is-snin diffiċli, Lucía spiss kienet tinkuraġġini b’tgħanniq mill-qalb u bews rassiguranti. Il-mod kif kienet tkampa mal-marda effettwa wkoll lill-istaff taʼ l-isptar b’mod pożittiv. Hi kienet dejjem lesta li tikkoopera maʼ l-infermiera, u kienet tgħinhom iqassmu lit-tfal fis-swali fil-viċin il-jogurt, il-juice, u affarijiet oħra li kien ikun hemm bżonn. L-infermiera saħansitra taw lil Lucía ġagaga bajda u badge li kienet tidentifikaha bħala “assistenta taʼ l-infermiera.”
“Lucía messitli qalbi,” tiftakar waħda mill-ħaddiema taʼ l-isptar. “Kienet tifla attiva, kreattiva, u kienet tħobb tpinġi. Kienet taf tesprimi ruħha u matura, qisha waħda kbira.”
Permezz tal-Kelma t’Alla, Lucía rċiviet saħħa u kalma. (Ebr. 4:12) Hi kienet konvinta li fid-dinja l-ġdida, “ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ,” kif twiegħed il-Kelma t’Alla. (Riv. 21:4) Billi kienet tieħu interess f’oħrajn hi kienet dejjem lesta li tuża kull okkażjoni biex taqsam magħhom il-messaġġ tal-Bibbja. It-tama soda li Lucía kellha fl-irxoxt għenitha tikkontrolla l-emozzjonijiet tagħha u żżomm il-ferħ minkejja li ftit li xejn kellha tama li tfiq mill-marda tagħha. (Is. 25:8) Hi żammet din l-attitudni sal-ġurnata li mietet bil-kanċer.
Kien dakinhar li jien għamilt l-appuntament tassew importanti. Lucía bilkemm setgħet tiftaħ għajnejha. Missierha kien qed iżżommilha id waħda filwaqt li jien kont qed inżommilha l-id l-oħra. “Tinkwieta xejn, jien mhux se nħallik,” għedtilha minn taħt l-ilsien. “Sempliċement ħu n-nifs bil-mod. Meta tqum se tħossok tajba. M’intix se terġaʼ tħoss uġigħ u jien se nkun miegħek.”
Issa jien irrid inżomm dan l-appuntament. Naf li ż-żmien taʼ l-istennija għall-irxoxt mhux se jkun faċli. Imma naf ukoll li jekk bil-paċenzja jkolli fiduċja f’Ġeħova u nżomm l-integrità tiegħi lejh, jien se nkun hemm meta binti tiġi rxoxtata.
Dak li Ħallitilna Lucía
L-eżempju kuraġġuż taʼ Lucía, kif ukoll l-appoġġ kbir tal-kongregazzjoni, ħalla effett qawwi fuq żewġi, li ma kellux l-istess twemmin tiegħi. Meta Lucía mietet, hu qalli li ried jerġaʼ jikkunsidra l-affarijiet. Ftit ġimgħat wara, hu staqsa lil anzjan fil-kongregazzjoni biex jagħmillu studju tal-Bibbja. Żewġi ma damx ma beda jattendi l-laqgħat kollha. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova hu waqaf ipejjep, xi ħaġa li qatt ma kien kapaċi jagħmel qabel.
Għalkemm in-niket li nħoss minħabba t-telfa taʼ Lucía għadu ma telaqx kompletament, madankollu nħossni grata lejn Ġeħova għal dak li ħallitilna Lucía. Jien u żewġi nfarrġu lil xulxin bit-tama meraviljuża taʼ l-irxoxt, u saħansitra nimmaġinaw dak iż-żmien meta se nerġgħu naraw lil Lucía—b’għajnejha kbar espressivi u bi tbissima fuq ħaddejha.
L-esperjenza traġika taʼ binti effettwat ukoll b’mod partikulari lil waħda mara li toqgħod in-naħa tagħna. Kien is-Sibt fil-għodu u kienet nieżla x-xita meta din il-mara, li binha kien imur l-istess skola taʼ Lucía, ġiet id-dar tagħna. Hi kienet tilfet tifel ieħor taʼ 11-il sena bl-istess marda. Meta saret taf x’kien ġralha Lucía, hi fittxet fejn noqogħdu u ġiet iżżurna. Hi riedet tkun taf kif kont qed inkampa mal-mewt taʼ Lucía u ssuġġeriet li nifformaw grupp biex infarrġu lil ommijiet oħrajn li għaddejjin mill-istess ċirkustanzi.
Jien spjegajtilha li personalment kont sibt faraġ veru f’waħda mill-wegħdi tal-Bibbja, wegħda li hija ħafna iktar superjuri għal dik li qatt jistaʼ joffri l-bniedem. Għajnejha xegħlu meta qrajtilha l-kliem taʼ Ġesù li hu mniżżel fi Ġwanni 5:28, 29. Hi aċċettat studju tal-Bibbja u ma damitx ma bdiet tħoss “il-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Flp. 4:7) Ħafna drabi meta nistudjaw il-Bibbja flimkien, aħna nieqfu ftit u nġibu quddiem għajnejna lilna nfusna fid-dinja l-ġdida, nilqgħu lura lill-maħbubin tagħna fl-irxoxt.
Tabilħaqq, dak li l-ħajja qasira taʼ Lucía ħallitilna se jdum għal dejjem. Il-fidi tagħha għenet biex il-familja tagħna tingħaqad sabiex naqdu lil Alla u bl-istess mod saħħet id-determinazzjoni tiegħi biex nibqaʼ soda fil-fidi. Bla dubju, aħna lkoll li tlifna lill-maħbubin li jistgħu jiġu rxoxtati għandna appuntament tassew importanti.
[Stampa f’paġna 20]
Il-Ġenna taʼ l-art kif impinġija minn Lucía