Evanġelji Apokrifi—Fihom Veritajiet Moħbijin Dwar Ġesù?
“DIN skoperta kbira. Ħafna nies mhux se jieħdu pjaċir.” “Dan ibiddel l-istorja tal-Kristjanità tal-bidu.” Dawn l-istqarrijiet drammatiċi għamluhom skulari li laqgħu bil-ferħ l-ippubblikar tal-“Evanġelju taʼ Ġuda,” kitba maħsuba li kienet mitlufa għal iktar minn 16-il seklu (muri hawn fuq).
Reġaʼ hemm l-interess f’evanġelji apokrifi bħal dawn. Xi nies isostnu li dawn il-kitbiet joħorġu fil-beraħ ġrajjiet u tagħlim sinifikanti mill-ħajja taʼ Ġesù li nżammew moħbijin għal żmien twil. Iżda x’inhuma l-evanġelji apokrifi? Jistgħu verament jgħallmuna veritajiet dwar Ġesù u l-Kristjanità li ma nistgħux insibu fil-Bibbja?
Evanġelji Kanoniċi u Apokrifi
Bejn is-snin 41 u 98 E.K., Mattew, Marku, Luqa, u Ġwanni kitbu “n-nisel taʼ Ġesù Kristu.” (Mattew 1:1) Dawn ir-rakkonti kultant jissejħu evanġelji, li jfisser “aħbar tajba” dwar Ġesù Kristu.—Marku 1:1.
Filwaqt li setaʼ kien hemm kitbiet mhux ispirati kif ukoll kitbiet oħra dwar Ġesù, dawn l-erbaʼ Evanġelji kienu l-uniċi evanġelji meqjusin ispirati minn Alla u li jistħoqqilhom ikunu parti mill-Iskrittura Mqaddsa. Dawn jipprovdu “ċ-ċertezza taʼ l-affarijiet” dwar il-ħajja taʼ Ġesù fuq l-art u t-tagħlim tiegħu. (Luqa 1:1-4; Atti 1:1, 2; 2 Timotju 3:16, 17) Dawn l-erbaʼ Evanġelji jissemmew fil-listi antiki kollha tal-kotba tal-Iskrittura Griega Kristjana. M’hemm l-ebda bażi biex niddubitaw jekk humiex eżatti u jekk għandhomx jiġu inklużi bħala parti mill-Kelma ispirata t’Alla.
Madankollu, maż-żmien bdew jitfaċċaw kitbiet oħra li wkoll issejħu evanġelji. Dawn l-evanġelji oħra ssejħu apokrifi.a
Fi tmiem it-tieni seklu, Irenew taʼ Lyon kiteb li dawk li telqu mill-Kristjanità kellhom “numru li ma jitwemminx taʼ kitbiet apokrifi u foloz,” inkluż evanġelji li “huma stess iffalsifikaw, biex iħawdu l-imħuħ taʼ nies bla edukazzjoni.” B’hekk, l-evanġelji apokrifi spiċċaw jitqiesu perikolużi mhux biss li jinqraw imma wkoll li jinstabu għand xi ħadd.
Madankollu, patrijiet u kopisti medjevali żammew dawn il-kitbiet milli jintesew. Fis-seklu 19, l-interess fis-suġġett żdied ħafna u nstabu ħafna kollezzjonijiet taʼ kitbiet u edizzjonijiet b’kummenti minn studjużi tal-apokrifa, inkluż diversi evanġelji. Illum hemm edizzjonijiet pubblikati bil-lingwi l-iktar mitkellma fi żmienna.
Evanġelji Apokrifi: Rakkonti Esaġerati Dwar Ġesù
L-evanġelji apokrifi spiss jagħmlu enfasi fuq nies li ftit jew xejn jissemmew fl-Evanġelji kanoniċi. Jew inkella jitkellmu dwar ġrajjiet li jintqal li seħħew fit-tfulija taʼ Ġesù. Ikkunsidra xi eżempji.
◼ L-hekk imsejjaħ evanġelju li ntqal li kiteb Ġakbu, u li jissejjaħ ukoll “It-Twelid taʼ Marija,” jiddeskrivi t-twelid u t-tfulija taʼ Marija, kif ukoll iż-żwieġ tagħha maʼ Ġużeppi. Għal raġuni valida, ġie deskritt bħala rakkont reliġjuż ivvintat u leġġenda. Jippromwovi l-idea li Marija baqgħet verġni u jidher ċar li nkiteb biex jigglorifikaha.—Mattew 1:24, 25; 13:55, 56.
◼ “Il-Bidu tal-Evanġelju taʼ Tumas” jitkellem l-iżjed dwar Ġesù bħala tifel—bejn l-età taʼ ħames snin u tnax-il sena—u jgħid li għamel serje taʼ mirakli esaġerati. (Ara Ġwanni 2:11.) Ġesù jiġi deskritt bħala tifel imqareb, jitlagħlu malajr, u mimli vendetta, li juża l-qawwiet mirakolużi tiegħu biex ipattiha lil għalliema, ġirien, u tfal oħra, u lil uħud minnhom jagħmihom, jimmankahom, jew saħansitra joqtolhom.
◼ Xi evanġelji apokrifi, bħall-“Evanġelju taʼ Pietru,” jitkellmu l-iżjed dwar ġrajjiet fuq il-ġuri, il-mewt, u l-irxoxt taʼ Ġesù. Oħrajn, bħall-“Atti taʼ Pilatu,” parti mill-“Evanġelju taʼ Nikodemu,” jiffokaw fuq nies li għandhom x’jaqsmu maʼ dawn il-ġrajjiet. Ladarba dawn il-kitbiet jirreferu għal fatti li mhumiex veri u għal nies li m’eżistewx, il-kitbiet mhumiex taʼ min jafdahom. L-“Evanġelju taʼ Pietru” jagħmel mill-aħjar biex jeħles lil Ponzju Pilatu mill-ħtija u jiddeskrivi l-irxoxt taʼ Ġesù b’mod mhux realistiku.
Evanġelji Apokrifi u Apostasija mill-Kristjanità
F’Diċembru tal-1945, ħdejn Nag Hammadi, fin-naħa taʼ fuq tal-Eġittu, xi raħħala sabu b’kumbinazzjoni 13-il manuskritt tal-papiru li kien fihom 52 test. Dawn id-dokumenti tar-rabaʼ seklu ntqal li kienu nkitbu minn moviment filosofiku reliġjuż li jissejjaħ Injostiċiżmu. Billi ħallat elementi taʼ mistiċiżmu, paganiżmu, filosofija Griega, Ġudaiżmu, u Kristjanità, il-moviment kellu influwenza negattiva fuq xi wħud li kienu jgħidu li huma Kristjani.—1 Timotju 6:20, 21.
L-“Evanġelju taʼ Tumas,” l-“Evanġelju taʼ Filippu,” u l-“Evanġelju tal-Verità,” misjubin fil-kollezzjoni taʼ manuskritti li nstabu ħdejn Nag Hammadi, jippreżentaw diversi ideat Injostiċi mistiċi bħallikieku ġejjin minn Ġesù. L-“Evanġelju taʼ Ġuda” li nstab dan l-aħħar hu magħdud ukoll fost l-evanġelji Njostiċi. Jiddeskrivi lil Ġuda b’mod pożittiv bħala l-uniku appostlu li fehem verament min kien Ġesù. Espert taʼ dan l-evanġelju jinnota li l-evanġelju jiddeskrivi lil Ġesù bħala “wieħed li jgħallem u jirrivela l-għerf u l-għarfien, u mhux bħala xi salvatur li miet minħabba d-dnubiet tad-dinja.” L-Evanġelji ispirati jgħallmu li Ġesù tassew miet mewta taʼ sagrifiċċju minħabba d-dnubiet tad-dinja. (Mattew 20:28; 26:28; 1 Ġwanni 2:1, 2) Biċ-ċar, l-Evanġelji Njostiċi huma maħsubin biex idgħajfu u mhux biex isaħħu l-fidi fil-Bibbja.—Atti 20:30.
Is-Superjorità tal-Evanġelji Kanoniċi
Konsiderazzjoni mill-qrib tal-evanġelji apokrifi turi x’inhuma verament. Meta mqabblin mal-Evanġelji kanoniċi, huwa ċar li mhumiex ispirati minn Alla. (2 Timotju 1:13) Ladarba nkitbu minn nies li qatt ma kienu jafu lil Ġesù jew lill-appostli tiegħu, huma ma jiżvelawx xi veritajiet moħbijin dwar Ġesù u l-Kristjanità. Pjuttost, fihom rakkonti mhux eżatti, ivvintati, u mhux realistiċi li mhuma t’ebda għajnuna biex wieħed isir jaf lil Ġesù u t-tagħlim tiegħu.—1 Timotju 4:1, 2.
Min-naħa l-oħra, Mattew u Ġwanni kienu fost it-12-il appostlu; Marku u Luqa kienu ħbieb sew tal-appostli Pietru u Pawlu, rispettivament. Huma kitbu l-Evanġelji tagħhom bil-gwida tal-ispirtu qaddis t’Alla. (2 Timotju 3:14-17) Għal din ir-raġuni, l-erbaʼ Evanġelji fihom dak kollu li wieħed jeħtieġ biex jemmen li “Ġesù hu l-Kristu, l-Iben t’Alla.”—Ġwanni 20:31.
[Nota ta’ taħt]
a Il-kelma “apokrifa” ġejja mill-kelma Griega li tfisser “ħeba.” Għall-ewwel, il-kelma kienet tirreferi għal kitba li kienet intenzjonata biss għas-segwaċi taʼ ċerta fehma, u għal dawk li ma kinux taʼ din il-fehma kienet tinżamm moħbija. Madankollu, maż-żmien saret tirreferi għal kitbiet li ma kinux inklużi fil-lista awtentika tal-kotba mqaddsin tal-Bibbja.
[Sors tal-Istampa f’paġna 18]
Kenneth Garrett/National Geographic Stock