LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w13 10/1 pp. 8-10
  • Kif Tkompli bil-Ħajja Wara d-Divorzju

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tkompli bil-Ħajja Wara d-Divorzju
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Materjal Simili
  • Għin lil sħabek fit-twemmin li huma divorzjati—Kif?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Dar Maqsuma—L-Impatt tad-Divorzju fuq l-Adoloxxenti
    Stenbaħ!—2010
  • Xi Ngħidu Jekk il-Ġenituri Qed Jiddivorzjaw?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
w13 10/1 pp. 8-10

Kif Tkompli bil-​Ħajja Wara d-​Divorzju

“Ħassejtni qisni waqajt minn xi rdum. Filli ħajtek tkun mixja ħarir u filli f’daqqa waħda m’għandek xejn.”—MARK,a ilu sena ddivorzjat.

“Ir-​raġel tiegħi qalibhieli maʼ waħda daqs it-​tifla tagħna. Meta ddivorzjajna, għalkemm ħadt ir-​ruħ li ma kellix inħabbat iktar wiċċi mar-​rabja li spiss kien ikollu, ħassejtni wkoll umiljata u ma niswa għalxejn.”—EMMELINE, ilha 17-​il sena ddivorzjata.

Xi nies jiddivorzjaw bit-​tama li jkollhom ħajja aħjar, filwaqt li oħrajn iridu jibqgħu miżżewġin imma ma jistgħux iġiegħlu lis-​sieħeb jew is-​sieħba tibqaʼ magħhom. Madankollu, kważi kull min jiddivorzja jinduna li l-​ħajja taʼ wara d-​divorzju hija iktar diffiċli milli stenna. Fil-​fatt, jekk m’ilekx li ddivorzjajt, tistaʼ ssib li d-​divorzju hu waħda mill-​iktar affarijiet stressanti li qatt ikollok tiffaċċja. Allura, ikun taʼ benefiċċju li tikkunsidra xi pariri prattiċi mill-​Bibbja li jistgħu jgħinuk tkampa tajjeb mal-​isfidi tad-​divorzju.

L-​1 SFIDA: SENTIMENTI NEGATTIVI.

Forsi tħoss li ma tkunx tiflaħ għall-​istress relatat mal-​problemi finanzjarji, mat-​trobbija tat-​tfal, u mas-​solitudni, u s-​sentimenti mhux dejjem jitilqu malajr. Il-​psikologa Judith Wallerstein li llum hija mejta sabet li snin wara li jġibu divorzju, xi nies jibqgħu jħossuhom traduti u abbandunati, u jemmnu li “l-​ħajja mhix ġusta u tħallik diżappuntata u waħdek.”

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Tnikket minħabba dak li tlift. Għandek mnejn tħoss in-​nuqqas tas-​sieħeb li għadek tħobb.b Anki jekk ir-​relazzjoni tagħkom kienet taʼ dwejjaq, għandek mnejn titnikket għax m’għandekx il-​ferħ li ttamajt għalih fiż-​żwieġ. (Proverbji 5:18) Tistħix tibki!—Ekkleżjasti 3:1, 4.

  • Evita li tinqataʼ għalik waħdek. Għalkemm għandek bżonn tkun waħdek biex titnikket, li tinqataʼ għalik għal tul taʼ żmien mhuwiex għaqli. (Proverbji 18:1) Tkellem mal-​ħbieb fuq affarijiet li jibnu, għax it-​tgergir kontra l-​eks raġel, anki jekk validu, jistaʼ jdejjaq lil ħaddieħor. Jekk għandek tieħu xi deċiżjonijiet importanti eżatt wara d-​divorzju, ikseb għajnuna imparzjali mingħand xi ħadd li tafda.

  • Ħu ħsieb saħħtek. L-​istress tad-​divorzju spiss iġib miegħu problemi fiżiċi, bħal pressjoni għolja jew migranja. Kul tajjeb, agħmel l-​eżerċizzju, u orqod biżżejjed.—Efesin 5:29.

  • Warrab l-​affarijiet li jerġgħu jqajmu r-​rabja lejn ir-​raġel li kellek jew li m’għadx għandek bżonnhom, imma żomm dokumenti importanti. Jekk affarijiet bħal ritratti tat-​tieġ iġibu wġigħ taʼ qalb, agħmilhom f’kaxxa u erfagħhom għal uliedek.

  • Iġġieled kontra ħsibijiet negattivi. Olga, li ddivorzjat lil żewġha wara li qalibhielha, qalet: “Bqajt insaqsi lili nnifsi, ‘X’għandha li m’għandix jien?’” Iżda bħalma rrealizzat Olga iktar tard, li toqgħod tirripeti ħsibijiet negattivi jistaʼ jirriżulta fi “spirtu mdejjaq.”—Proverbji 18:14.

    Ħafna nies isibu li meta jiktbu ħsibijiethom, dan jgħinhom jiċċaraw u jikkontrollaw il-​ħsib tagħhom. Jekk tagħmel hekk, ipprova dawwar il-​ħsieb negattiv li qed tiġġieled kontrih f’wieħed pożittiv. (Efesin 4:23) Ikkunsidra żewġ eżempji:

    Il-​ħsieb taʼ qabel: Kien it-​tort tiegħi li żewġi qalibhieli.

    Il-​ħsieb il-​ġdid: In-​nuqqasijiet tiegħi ma tawx id-​dritt lil żewġi li jmur maʼ ħaddieħor.

    Il-​ħsieb taʼ qabel: Ħlejt l-​aħjar żmien taʼ ħajti mar-​raġel żbaljat.

    Il-​ħsieb il-​ġdid: Inkun iktar kuntenta jekk inħares ’il quddiem, u mhux lura.

  • Injora kummenti li jweġġgħu. B’intenzjoni tajba, ħbieb u qraba għandhom mnejn jgħidu affarijiet li jweġġgħu jew saħansitra li jkunu żbaljati fil-​każ tiegħek: ‘Insomma, xorta ma kinitx tgħodd għalik’ jew ‘Alla jobgħod id-​divorzju.’c Bir-​raġun, il-​Bibbja twissi: “Tiħux wisq bis-​serjetà l-​kliem kollu li jistgħu jgħidu n-​nies.” (Ekkleżjasti 7:21) Martina, li ilha sentejn iddivorzjata, tgħid: “Minflok noqgħod naħseb fuq kliem li jweġġaʼ, nipprova nħares lejn l-​affarijiet mill-​ħarsa t’Alla. Il-​ħsibijiet tiegħu huma ogħla minn tagħna.”—Isaija 55:8, 9.

  • Itlob ’l Alla. Hu jinkuraġġixxi lill-​aduraturi tiegħu biex ‘jitfgħu l-​ansjetà kollha tagħhom fuqu,’ speċjalment meta jkunu mnikktin ħafna.—1 Pietru 5:7.

IPPROVA DAN: Ikteb versi mill-​Bibbja li ssib t’għajnuna, u ħallihom f’postijiet fejn tarahom spiss. Apparti l-​iskritturi li diġà huma ċitati, ħafna nies iddivorzjati bbenefikaw minn dawn il-​versi: Salm 27:10; 34:18; Isaija 41:10; u Rumani 8:38, 39.

Ħalli l-​Kelma t’Alla tappoġġak fi żminijiet diffiċli

IT-​2 SFIDA: IR-​RELAZZJONI TIEGĦEK MAL-​EKS RAĠEL.

Juliana, li kienet ilha 11-​il sena miżżewġa, tgħid: “Tlabt fuq li tlabt lil żewġi biex ma jitlaqx. Imma wara li telaq, kont mimlija rabja għalih u għall-​mara li mar jgħix magħha.” Ħafna min-​nies li jiddivorzjaw jibqgħu ħafna rrabjati għal snin sħaħ mar-​raġel jew il-​mara li kellhom. Madankollu, huma jkollhom jikkomunikaw fuq bażi regulari, speċjalment jekk ikollhom it-​tfal.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Żomm relazzjoni suret in-​nies mal-​eks raġel tiegħek. Iffoka fuq affarijiet neċessarji u ttawwalx il-​konversazzjoni. Ħafna nies sabu li dan il-​metodu jgħin f’li jkun hemm il-​paċi.—Rumani 12:18.

  • Evita kliem li jweġġaʼ. Speċjalment meta tħossok ibbombardjata, dan il-​parir għaqli tal-​Bibbja jistaʼ jgħin: “Kulmin iżomm lura dak li jkun se jgħid għandu l-​għarfien.” (Proverbji 17:27) Jekk ma tistax iddawwar konversazzjoni bla sugu f’waħda bis-​sens, forsi tistaʼ tgħid: “Għandi bżonn naħseb fuq dak li għedtli u nerġaʼ nkellmek iktar tard.”

  • Kemm jistaʼ jkun isseparaw l-​affarijiet personali tagħkom. Dan jinkludi dokumenti legali, finanzjarji, u mediċi.

IPPROVA DAN: Meta terġaʼ titkellem mal-​eks raġel, oqgħod attenta għal sinjali li jagħtuk x’tifhem li bdejtu ssiru difensivi jew mhux flessibbli. Jekk hemm bżonn, ieqaf għal ftit jew aqblu li tużaw l-​e-​mail biex tiddiskutu l-​kwistjoni.—Proverbji 17:14.

IT-​3 SFIDA: GĦIN LIT-​TFAL JADATTAW RUĦHOM.

Maria tiftakar kif kien iż-​żmien taʼ wara li ddivorzjat: “Binti ż-​żgħira kienet tibki l-​ħin kollu u reġgħet bdiet tagħmel taħtha fis-​sodda. U waqt li t-​tifla l-​kbira pprovat taħbi s-​sentimenti tagħha, stajt nara d-​differenza fiha wkoll.” B’dispjaċir, forsi tħoss li m’għandekx biżżejjed ħin jew enerġija emozzjonali biex tgħin ’l uliedek meta l-​iktar ikollhom bżonnok.

DAK LI TISTAʼ TAGĦMEL

  • Inkuraġġixxi ’l uliedek biex jitkellmu miegħek dwar is-​sentimenti tagħhom, anki jekk dan donnu jwassal għal “diskors bla ħsieb.”—Ġob 6:2, 3.

  • Żomm irwoli xierqa. Għalkemm forsi tixxennaq għal appoġġ emozzjonali u t-​tfal tiegħek donnhom iridu jagħtuhulek, dan ma jkunx sew u ma jagħmilx ġid li titlob lit-​tfal jgħinuk fil-​problemi tal-​kbar. (1 Korintin 13:11) Evita li tiftaħ qalbek mat-​tfal jew li tużahom bħala medjaturi jew messaġġieri bejnek u bejn l-​eks raġel tiegħek.

  • Żomm il-​ħajja taʼ wliedek stabbli. Li żżomm l-​istess residenza u skeda hu t’għajnuna, iżda huwa iktar importanti li żżomm rutina tajba spiritwali, inkluż il-​qari tal-​Bibbja u l-​qima tal-​familja.—Dewteronomju 6:6-​9.

IPPROVA DAN: F’xi ħin dil-​ġimgħa, aċċerta ’l uliedek li int tħobbhom u li ma kinux il-​kaġun tad-​divorzju tal-​ġenituri tagħhom. Wieġeb il-​mistoqsijiet li jagħmlulek mingħajr ma titfaʼ t-​tort fuq il-​ġenitur l-​ieħor.

Int tistaʼ tkompli b’ħajtek wara d-​divorzju. Melissa, li kienet ilha 16-​il sena miżżewġa, tgħid, “Meta ddivorzjajna ħsibt, ‘Ma ridtx li ħajti tispiċċa hekk.’” Iżda issa, hi sabet il-​ferħ minkejja ċ-​ċirkustanzi tagħha. Hi tgħid, “Kien biss meta qtajt qalbi milli nipprova nbiddel il-​passat li ħassejtni ħafna aħjar.”

a Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

b Għalkemm f’dan l-​artiklu ntuża spiss il-​maskil, il-​prinċipji japplikaw kemm għall-​irġiel kif ukoll għan-​nisa.

c Alla jobgħod divorzju falz u magħmul b’qerq. Iżda jekk raġel miżżewweġ jagħmel fornikazzjoni, Alla jagħti lill-​mara innoċenti d-​dritt li tiddeċiedi jekk tiddivorzjax jew le. (Malakija 2:16; Mattew 19:9) Ara l-​artiklu bl-​Ingliż “The Bible’s Viewpoint—What Kind of Divorcing Does God Hate?” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-​8 taʼ Frar, 1994, ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

STAQSI LILEK INNIFSEK . . .

  • Ħallejt lili nnifsi nitnikket minħabba dak li tlift?

  • Kif nistaʼ ma nibqax inżomm f’qalbi għall-​eks raġel tiegħi?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja