LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 6/15 pp. 8-11
  • Għin lil sħabek fit-twemmin li huma divorzjati—Kif?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għin lil sħabek fit-twemmin li huma divorzjati—Kif?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • IĦOSSU RUXXMATA T’EMOZZJONIJIET IMĦAWDIN
  • JISSIELTU BIEX JERĠGĦU JIKSBU L-​BILANĊ
  • META JĦOSSUHOM WAĦEDHOM U MWARRBIN
  • Kif Tkompli bil-Ħajja Wara d-Divorzju
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Xi Ngħidu Jekk il-Ġenituri Qed Jiddivorzjaw?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Huwa d-Divorzju s-Soluzzjoni?
    Stenbaħ!—2004
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 6/15 pp. 8-11

Għin lil sħabek fit-​twemmin li huma divorzjati—Kif?

Mara tfarraġ lil oħt Kristjana divorzjata

X’aktarx li taf lil xi ħadd li hu divorzjat—forsi diversi wħud bħal dawn. Dan għaliex id-​divorzju hu komuni mhux ħażin. Pereżempju, riċerka fil-​Polonja wriet li nies li għandhom 30 sena u li ilhom miżżewġin bejn tliet u sitt snin x’aktarx li se jiddivorzjaw; u d-​divorzju mhuwiex limitat biss għal nies taʼ din l-​età.

Fil-​fatt, “statistiki juru li [fl-​Ewropa] nofs dawk li jiżżewġu se jiddivorzjaw,” jirrapporta istitut li jgħin lill-​familji fi Spanja. (Institute for Family Policy) F’pajjiżi żviluppati oħrajn, is-​sitwazzjoni hi simili.

IĦOSSU RUXXMATA T’EMOZZJONIJIET IMĦAWDIN

X’jinvolvi d-​divorzju? Mara li għandha l-​esperjenza f’li tagħti l-​pariri lill-​miżżewġin fl-​Ewropa tal-​Lvant osservat: “Id-​divorzju jagħmel uffiċjali dak li jkun diġà seħħ—it-​tkissir taʼ relazzjoni u s-​separazzjoni, xi ħaġa li hi taʼ wġigħ kbir emozzjonalment.” Hi żiedet tgħid li wara jħossu “ruxxmata t’emozzjonijiet qawwijin u estremi—bħal rabja, dispjaċir, diżappunt, disprament, u mistħija.” Kultant dan iġiegħel lil dak li jkun jaħseb dwar li jwettaq suwiċidju. “Meta d-​divorzju jiġi finalizzat mill-​qorti, tibda l-​fażi li jmiss. Minħabba li jħossu ċertu vojt, persuni divorzjati għandhom mnejn jaħsbu: ‘Issa li jien divorzjat, min jien verament? X’inhu l-​iskop tiegħi fil-​ħajja?’”

Meta tiftakar kif ħassitha ftit tas-​snin ilu, Ewa tgħid: “Tgħidx kemm ħassejtni imbarazzata meta, wara li d-​divorzju ġie finalizzat, il-​ġirien tiegħi u sħabi tax-​xogħol kienu jirreferu għalija bħala ‘dik li ddivorzjat.’ Ħassejtni mimlija rabja. Peress li spiċċajt waħdi b’żewġt itfal żgħar, kelli nagħmilha kemm t’omm u kemm taʼ missier għalihom.”a Adam, li qeda bħala anzjan rispettat għal 12-​il sena, jgħid: “Tant tlift ir-​rispett li kelli lejja nnifsi li kultant inħossni mimli rabja, u nitħajjar nitbiegħed minn kulħadd.”

JISSIELTU BIEX JERĠGĦU JIKSBU L-​BILANĊ

Mifnijin bl-​ansjetà minħabba l-​futur tagħhom, xi wħud jissieltu biex jerġgħu jiksbu l-​bilanċ—saħansitra snin wara d-​divorzju. Għandhom mnejn jikkonkludu li oħrajn ma jimpurtahomx minnhom. Barra minn hekk, waħda li tikteb fil-​gazzetti dwar dan is-​suġġett tgħid li issa jkollhom “ibiddlu d-​drawwiet tagħhom u jitgħallmu jkampaw mal-​problemi waħedhom.”

Stanisław jirrakkonta: “Meta ddivorzjajna, l-​eks mara tiegħi ma ħallitnix nara liż-​żewġt ibniet żgħar tiegħi. Dan ġegħelni nħossni li ħadd ma kien għadu jinteressah minni u li saħansitra Ġeħova kien abbandunani. Tlift ix-​xewqa li ngħix. Maż-​żmien irrealizzajt kemm kien żbaljat il-​ħsib tiegħi.” Wanda, li kienet divorzjata, ukoll ma ħassithiex ċerta dwar il-​futur tagħha, hi qalet: “Ħassejtni konvinta li wara xi żmien, in-​nies—inkluż sħabi fit-​twemmin—ma kinux se juru interess fija u fi wliedi. Però, issa nistaʼ nara kemm l-​aħwa ħadu ħsiebna u għenuni hekk kif stinkajt biex inrabbi lil uliedi biex isiru qaddejja taʼ Ġeħova.”

Tistaʼ tara minn kummenti bħal dawn li wara d-​divorzju xi wħud iħossuhom maħkumin minn emozzjonijiet negattivi. Għandhom mnejn jiżviluppaw ħarsa kerha tagħhom infushom, billi jaħsbu li ma tantx għandhom valur u li ma ħaqqhomx attenzjoni. Flimkien maʼ dan, forsi jibdew jikkritikaw lil dawk taʼ madwarhom. Minħabba f’hekk, jistgħu jibdew iqisu lill-​membri tal-​kongregazzjoni bħala wħud li ma jagħdruhomx. Iżda esperjenzi bħal dawk taʼ Stanisław u Wanda juru li wħud divorzjati maż-​żmien jistgħu jindunaw li ħuthom verament jimpurtahom minnhom. Fil-​fatt, sħabhom il-​Kristjani jkunu taw għajnuna eċċezzjonali, anki meta din ma tkunx ġiet rikonoxxuta mill-​ewwel.

META JĦOSSUHOM WAĦEDHOM U MWARRBIN

Żomm f’moħħok li minkejja l-​isforzi mill-​aħjar tagħna, sħabna fit-​twemmin li huma divorzjati, minn żmien għal żmien, forsi jħossuhom maħkumin mis-​solitudni. Aħwa nisa divorzjati b’mod partikulari għandhom mnejn iħossu li ma tantx hemm min jimpurtah minnhom. Alicja tammetti: “Għaddew tmien snin minn meta ddivorzjajt. Però, kultant għadni nħossni inferjuri. F’mumenti bħal dawn, inkun nixtieq ninqataʼ għalija waħdi, ninfexx nibki, u noqgħod nitħassar lili nnifsi.”

Huwa importanti li dawk li huma divorzjati ma jiħduhiex drawwa li jinqatgħu għalihom. (Prov. 18:1) Fl-​istess waqt, iridu jifhmu li ma jkunx għaqli li jiħduha drawwa jiftħu qalbhom maʼ xi ħadd tas-​sess oppost. Dan jistaʼ jwassal għal sentimenti romantiċi mhux xierqa.

Meta ħutna divorzjati jħossuhom waħedhom, imwarrbin, u ansjużi dwar il-​futur, aħna rridu nipprovaw nifhmu s-​sentimenti tagħhom u nagħmlu kulma nistgħu biex ngħinuhom, u b’hekk nimitaw lil Ġeħova. (Salm 55:22; 1 Pt. 5:6, 7) Nistgħu nkunu ċerti li se japprezzaw l-​għajnuna li nagħtuhom bħala ħbieb veri.—Prov. 17:17; 18:24.

a Xi ismijiet ġew mibdulin.

Ħarsa bilanċjata lejn id-​divorzju

Il-​qaddejja taʼ Ġeħova għandhom ħarsa serja ħafna lejn iż-​żwieġ. Dan għaliex nibbażaw il-​ħsib tagħna fuq dak li tgħid l-​Iskrittura. Pereżempju, f’​Malakija 2:16, naqraw l-​istqarrija ċara t’Alla: ‘Nobgħod id-​divorzju.’ L-​unika bażi Skritturali għal divorzju hi jekk is-​sieħeb jew is-​sieħba tikkommetti l-​immoralità sesswali. Għaldaqstant, ikun żball serju jekk saħansitra naħsbu dwar li niddivorzjaw fuq bażi mhux Skritturali, filwaqt li forsi diġà nkunu qed nippjanaw li niżżewġu lil xi ħadd ieħor.—Ġen. 2:22-​24; Dt. 5:21; Mt. 19:4-​6, 9.

Imma meta jkun hemm divorzju, bħal meta s-​sieħeb taʼ xi oħt Kristjana ma jibqax leali fiż-​żwieġ, l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jagħtu appoġġ. Huma jimitaw lil Ġeħova billi jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil uħud leali li għal xi żmien ikollhom “qalbhom maqsuma.”—Salm 34:15, 18; Is. 41:10.

KIF TISTAʼ TGĦIN?

Tistaʼ int tagħti appoġġ li hu tant meħtieġ? X’tistaʼ tagħmel biex tgħin lil xi ħadd li għandu sentimenti bħal dawk imsemmijin qabel f’dan l-​artiklu? Ikkunsidra x’tgħid il-​Bibbja, u nnota kif xi Kristjani leali offrew għajnuna prattika.

Kun semmiegħ tajjeb. (Prov. 16:20, 23)

Tistaʼ tifhem li wara divorzju, dak li jkun forsi ma jkunx irid jitkellem dwar id-​dettalji li wasslu għad-​divorzju. U l-​fatt hu li jekk l-​individwu jisfoga l-​frustrazzjoni tiegħu jistaʼ jħossu agħar minflok ma jtaffi l-​ansjetà. (Prov. 12:25; Rum. 12:15) Michał, li għen lil Adam, imsemmi qabel, jaqbel li tistaʼ tkun semmiegħ tajjeb u ħanin mingħajr ma tismaʼ kull dettall: “Ipprovajt ngħin lil Adam jara li f’mument taʼ dgħufija meta jħossu maħkum minn emozzjonijiet negattivi, b’nuqqas taʼ ħsieb għandu mnejn jgħidli xi ħaġa li iktar tard jiddispjaċih li jkun qalha.” Allura Michał għamilha ċara li ma kienx qed jipprova jsir jaf kull dettall. Iżda tah widen bħala ħabib veru. Għandna mnejn inkunu nistgħu nwettqu ħafna ġid saħansitra qabel jew wara xi laqgħa Kristjana billi ngħidu xi ħaġa sempliċi bħal: “Kif qed tkampa mas-​sitwazzjoni? Nimmaġina li għaddej minn żmien diffiċli. Għidli jekk nistaʼ ngħinek b’xi mod.”

Uri interess. (Flp. 2:4)

Mirosław jgħid: “Jien u marti warrabna ftit ħin biex ngħinu lil oħt divorzjata. Pereżempju, sewwejna s-​serratura tal-​bieb tagħha. Wassalnieha wkoll għal appuntament għand it-​tabib.” Dawn forsi jidhru li huma affarijiet sempliċi; iżda kienu prattiċi, u għenuha. L-​oħt li din il-​koppja għenu bil-​mod il-​mod reġgħet kisbet il-​bilanċ. Iżjed minn hekk, iktar tard bdiet taqdi bħala pijuniera, u meta t-​tifla tagħha kellha 11-​il sena tgħammdet.

Koppja qed juru interess persunali lejn oħt Kristjana divorzjata

Assigura lill-​persuna divorzjata li Ġeħova jifhem is-​sitwazzjoni.

Jekk xi ħadd ikollu stima baxxa tiegħu nnifsu, tistaʼ tassigurah li Alla jgħożż lil kull wieħed mill-​qaddejja tiegħu. Aħna ċertament ‘niswew iktar minn ħafna għasafar tal-​bejt’; aħna uniċi u prezzjużi f’għajnejh. (Mt. 10:29-​31) “Ġeħova hu dak li jeżamina l-​qlub,” u b’hekk jistaʼ jifhem lil dawk li huma divorzjati. Mhux se jabbanduna lil xi ħadd mill-​qaddejja leali tiegħu. (Prov. 17:3; Salm 145:18; Ebr. 13:5) Allura hekk kif turi li jimpurtak, assigura lill-​persuna li Alla japprezza l-​imħabba li għandha għall-​verità u l-​isforzi li tagħmel biex tappoġġa l-​qima vera.—Flp. 2:29.

Inkuraġġixxi lill-​persuna divorzjata biex tibqaʼ qrib tal-​kongregazzjoni.

Meta jkunu maħkumin minn emozzjonijiet imħawdin, xi wħud isibuha diffiċli jmorru l-​laqgħat. Imma dawn il-​laqgħat stess isaħħu u jinkuraġġixxu lil dak li jkun—huma post fejn ‘nibnu lil xulxin.’ (1 Kor. 14:26; Salm 122:1) F’dan ir-​rigward, huwa importanti ħafna li l-​anzjani jieħdu l-​inizjattiva. Wanda, li ssemmiet qabel, tgħid, “Għadna niftakru l-​interess kollu mħabba tagħhom.”

Inkuraġġixxi lill-​individwu divorzjat biex isaħħaħ ir-​relazzjoni tiegħu m’Alla bit-​talb, l-​istudju persunali, u l-​meditazzjoni. (Ġak. 4:8)

Għalkemm Ġeħova jistaʼ kollox u jgħammar fis-​sema, hu jagħti attenzjoni lil “min qed isofri u li għandu spirtu sogħbien u li qed jitriegħed għall-​kelma” Tiegħu. Lil dak li hu divorzjat aċċertah minn dan, u enfasizza kif kull wieħed minna jiġi megħjun billi jersaq dejjem eqreb lejn Alla bit-​talb u l-​istudju persunali.—Is. 66:2.

Offri biex taħdmu flimkien fil-​ministeru tal-​għalqa jew biex tippreparaw flimkien għal xi laqgħa.

Żewġ aħwa rġiel qed jaħdmu flimkien fil-ministeru tal-għalqa

Dan se jgħin lill-​Kristjan divorzjat ikun iktar pożittiv hekk kif ikompli għaddej b’ħajtu. Marta, li għenet lil oħt żeluża li ħassitha mkissra wara d-​divorzju tagħha, tgħid: “Aħna regolarment nieħdu sehem fil-​ministeru flimkien. Inħossuna ferħanin meta naraw li lħaqna l-​miri li għamilna għalina nfusna. Kultant nistudjaw flimkien bħala preparazzjoni għal-​laqgħat, u mbagħad forsi nieklu xi ħaġa tajba flimkien.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja