LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 6/1 pp. 12-15
  • Tliet persuni għatxana għall-verità fis-seklu 16—X’sabu?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tliet persuni għatxana għall-verità fis-seklu 16—X’sabu?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • “DEJJEM ĦALLI L-​BIBBJA . . . TĦOLL U TORBOT”
  • “GĦARFIEN DWAR L-​ALLA L-​VERU”
  • TAMA LI L-​KNISJA TMUR LURA GĦAT-​TAGĦLIM VERU
  • “AĊĊERTAW RUĦKOM MINN KOLLOX”
  • Hija b’Mod Ċar Tagħlim tal-Bibbja?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Min Hu “l-Uniku Alla Veru”?
    Stenbaħ!—2005
  • Għandek Temminha?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
  • Id-Duttrina tat-Trinità Kif Żviluppat?
    Għandek Int Temmen fit-Trinità?
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 6/1 pp. 12-15
Bibbja miftuħa mdawla b’xemgħa

Tliet persuni għatxana għall-​verità fis-​seklu 16—X’sabu?

“X’INHI l-​verità?” Ponzju Pilatu, il-​gvernatur Ruman tal-​Lhudija fl-​ewwel seklu, saqsa din il-​mistoqsija lil Ġesù, li kien għaddej ġuri quddiem il-​gvernatur. (Ġwanni 18:38) Ovvjament, Pilatu mhux veru kien għatxan għall-​verità. Anzi, il-​mistoqsija tiegħu kixfet l-​attitudni xettika tiegħu. Milli jidher, Pilatu kien jaħseb li l-​verità kienet dak li jiddeċiedi l-​individwu jew dak li jiġi mgħallem li hu sew; li ħadd ma jistaʼ jgħid fiċ-​ċert x’inhi l-​verità. Ħafna nies illum hekk jaħsbu.

Nies Ewropej li kienu jmorru l-​knisja fis-​seklu 16 (1500-​1599) iffaċċjaw dilemma dwar x’kienet tassew il-​verità. Kienu trabbew bit-​twemmin li l-​papa kien suprem u twemmin ieħor tal-​knisja. Imma issa kienu qed jisimgħu ideat ġodda mir-​Riforma, li kienet qed issir iktar popolari fl-​Ewropa f’dak iż-​żmien.a X’kienu se jaqbdu jemmnu? Kif setgħu jiddeċiedu x’kienet il-​verità?

Matul dak il-​perijodu, kien hemm, fost ħafna oħrajn, tlett irġiel li kienu determinati li jsibu l-​verità.b X’għamlu biex jagħrfu x’inhu veru u x’inhu falz? U x’sabu fit-​tfittxija tagħhom? Ejja naraw.

“DEJJEM ĦALLI L-​BIBBJA . . . TĦOLL U TORBOT”

Wolfgang Capito kien raġel żagħżugħ bi twemmin reliġjuż sod u kien student tal-​mediċina, il-​liġi, u t-​teoloġija. Capito sar qassis taʼ parroċċa fl-​1512, u mbagħad sar kappillan tal-​arċisqof f’Mainz.

Għall-​ewwel, Capito pprova jtaffi ż-​żelu tar-​Riformisti li xandru messaġġ li mar kontra d-​duttrina Kattolika. Imma Capito ma damx ma beda jxandar hu stess favur ir-​Riforma. X’għamel? Meta ħabbat wiċċu maʼ tagħlim differenti, Capito emmen li “l-​aħjar mod kif jara jekk dak li kienu qed ixxandru kienx veru jew le kien permezz tal-​Bibbja, għax hi biss taʼ min joqgħod fuqha,” jikteb l-​istorjografu James M. Kittelson. B’hekk, Capito wasal għall-​konklużjoni li t-​tagħlim tal-​knisja dwar l-​ewkaristija u l-​qima tal-​qaddisin kien imur kontra t-​tagħlim tal-​Bibbja. (Ara l-​kaxxa ‘Araw jekk dak li smajtu huwiex minnu.’) Fl-​1523, Capito ħalla warajh il-​kariga prominenti tiegħu mal-​arċisqof u mar jgħix fil-​belt taʼ Strasburgu, li kienet ċentru għar-​riforma reliġjuża f’dak iż-​żmien.

Id-​dar taʼ Capito fi Strasburgu saret post fejn kienu jiltaqgħu wħud li ma kinux jaqblu mat-​tagħlim tal-​knisja. Bla dubju, hemmhekk kienu jiddiskutu ħafna kwistjonijiet reliġjużi u tagħlim tal-​Bibbja. Għalkemm xi Riformisti xorta xandru dwar id-​duttrina tat-​Trinità, skont ktieb tal-​istorja, il-​kitbiet taʼ Capito “ftit li xejn kienu jitkellmu dwar id-​duttrina tat-​Trinità.” (The Radical Reformation) Għala? Capito baqaʼ impressjonat bil-​mod kif it-​teologu Spanjol Michael Servetus uża skritturi mill-​Bibbja biex juri li t-​Trinità hi falza.c

Li kieku Capito qabad u ċaħad it-​Trinità, dan setaʼ jkollu konsegwenzi fatali. Għalhekk, Capito qagħad attent biex ma jurix kif jaħsibha bil-​miftuħ. Però, dak li kiteb jagħti x’jifhem li ġa kellu dubji dwar id-​duttrina tat-​Trinità anke qabel ma ltaqaʼ maʼ Servetus. Qassis Kattoliku iktar tard kiteb li Capito u l-​imseħbin tiegħu ‘kienu ddiskutew fil-​privat l-​iktar misteru profond tar-​reliġjon; u ċaħdu t-​Trinità tant qaddisa.’ Seklu wara, Capito kien imniżżel l-​ewwel wieħed f’lista taʼ kittieba prominenti li huma kontra t-​Trinità.

Wolfgang Capito

Wolfgang Capito emmen li l-​akbar nuqqas tal-​knisja kien li ‘injorat l-​Iskrittura’

Capito emmen li l-​Bibbja kienet is-​sors tal-​verità. Hu qal: “Fejn tidħol it-​teoloġija, dejjem ħalli l-​Bibbja, u l-​liġi taʼ Kristu, tħoll u torbot.” Skont l-​istorjografu Kittelson, Capito “insista li l-​akbar nuqqas tat-​teologi skolastiċi kien il-​fatt li injoraw l-​Iskrittura.”

Martin Cellarius (magħruf ukoll bħala Martin Borrhaus) ukoll kellu din ix-​xewqa ħerqana biex jitgħallem il-​verità mill-​Kelma t’Alla. Cellarius kien żagħżugħ li qattaʼ xi żmien fid-​dar taʼ Capito fl-​1526.

“GĦARFIEN DWAR L-​ALLA L-​VERU”

L-​ewwel paġna taʼ De Operibus Dei (On the Works of God)

L-​ewwel paġna tal-​ktieb taʼ Martin Cellarius On the Works of God, li fih qabbel it-​tagħlim tal-​knisja mal-​Bibbja

Cellarius twieled fl-​1499 u kien student diliġenti tat-​teoloġija u l-​filosofija. Aċċetta li jmur jgħallem f’Wittenberg, il-​Ġermanja. Peress li Wittenberg kien il-​post minn fejn oriġinat ir-​Riforma, Cellarius ma damx ma ltaqaʼ maʼ Martin Luteru u m’oħrajn li riedu jbiddlu t-​tagħlim tal-​knisja. Cellarius kif setaʼ jagħraf id-​differenza bejn l-​ideat taʼ sempliċi bnedmin u l-​verità Skritturali?

Skont il-​ktieb Teaching the Reformation, Cellarius emmen li fehma eżatta tiġi “milli taqra bir-​reqqa l-​Iskrittura, milli tqabbel spiss skrittura maʼ skritturi oħra, u milli titlob b’attitudni niedma.” Cellarius x’sab hu u jeżamina l-​Bibbja?

F’Lulju 1527, Cellarius ippubblika dak li sab fi ktieb bl-​isem On the Works of God. Hu kiteb li ċerimonji tal-​knisja, bħal pereżempju l-​ewkaristija, kienu xejn għajr affarijiet simboliċi. Skont il-​professur Robin Barnes, il-​ktieb taʼ Cellarius ukoll “qal li xi profeziji tal-​Iskrittura jippontaw lejn perijodu taʼ żmien li ġej fejn se jkun hemm ħafna gwaj u tbatija u li wara dan il-​perijodu se jkun hemm tiġdid universali.”—2 Pietru 3:10-​13.

Il-​ftit kummenti li għamel Cellarius dwar il-​pożizzjoni taʼ Ġesù Kristu huma speċjalment taʼ min jinnotahom. Għalkemm, ma qalx b’mod sfaċċat li ma jaqbilx mat-​Trinità, Cellarius għaraf li hemm differenza bejn il-​“Missier tas-​Sema” u “Ibnu Ġesù Kristu.” Hu kiteb li Ġesù kien wieħed mill-​ħafna allat u wlied Alla li Jistaʼ Kollox.—Ġwanni 10:34, 35.

Fil-​ktieb tiegħu Antitrinitarian Biography (1850), Robert Wallace qal li Cellarius fil-​kitbiet tiegħu wera li ma kienx iżomm mat-​twemmin tat-​Trinità li kien komuni fis-​seklu 16.d Għaldaqstant, diversi studjużi waslu għall-​konklużjoni li Cellarius kien ċaħad it-​Trinità. Ġie deskritt bħala waħda mill-​għodod li Alla uża “f’li jwassal għarfien dwar l-​Alla l-​veru u dwar Kristu.”

TAMA LI L-​KNISJA TMUR LURA GĦAT-​TAGĦLIM VERU

Madwar is-​sena 1527, it-​teologu Johannes Campanus, li kien meqjus bħala l-​akbar studjuż taʼ żmienu, ukoll mar joqgħod f’Wittenberg. Għalkemm Campanus kien fil-​qalba tar-​riforma reliġjuża, it-​tagħlim taʼ Martin Luteru ma baqax idoqqlu għal widnejh. Għala?

Campanus ma qabilx mat-​twemmin tal-​transustanzjazzjoni (l-​ewkaristija) u lanqas mat-​twemmin tal-​konsustanzjazzjoni.e Skont l-​awtur André Séguenny, Campanus emmen li “l-​Ħobż qatt ma jinbidel f’xi ħaġ’oħra imma dejjem jibqaʼ ħobż, iżda fl-​ewkaristija, b’mod simboliku jirrappreżenta l-​ġisem taʼ Kristu.” Fil-​Marburg Colloquy tal-​1529, laqgħa li saret biex jiġu diskussi dawn l-​istess kwistjonijiet, Campanus ma tħalliex jaqsam dak li tgħallem mill-​Iskrittura. Wara dan, ir-​Riformisti sħabu f’Wittenberg warrbuh.

Il-​ktieb Restitution tal-​1532 minn Johannes Campanus

Fil-​ktieb tiegħu Restitution, Johannes Campanus qajjem dubji dwar id-​duttrina tat-​Trinità

Ir-​Riformisti speċjalment tkażaw minħabba t-​twemmin taʼ Campanus dwar il-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis. Fil-​ktieb tiegħu tal-​1532 (Restitution), Campanus għallem li Ġesù u Missieru huma żewġ persuni differenti. Hu spjega li l-​Missier u l-​Iben huma “ħaġa waħda” bl-​istess mod kif ngħidu li raġel u mara huma “ġisem wieħed”—jiġifieri, huma magħqudin, imma xorta waħda huma żewġ persuni separati. (Ġwanni 10:30; Mattew 19:5) Campanus qal li l-​Iskrittura tuża l-​istess tixbiha biex turi li l-​Missier għandu l-​awtorità fuq l-​Iben: “Il-​kap tal-​mara hu r-​raġel; u l-​kap tal-​Kristu hu Alla.”—1 Korintin 11:3.

Xi ngħidu dwar l-​ispirtu qaddis? Għal darb’oħra, Campanus dar lejn il-​Bibbja, u kiteb: ‘M’hemm l-​ebda Skrittura li tappoġġa l-​idea li l-​Ispirtu Qaddis hu t-​tielet persuna fit-​Trinità. Il-​Bibbja titkellem dwar l-​ispirtu f’sens operattiv, jiġifieri li Alla jħejji u jwettaq kollox permezz tal-​qawwa u l-​attività spiritwali tiegħu.’—Ġenesi 1:2.

Luteru qal li Campanus kien midgħi u għadu tal-​Iben t’Alla. Riformista ieħor talab li Campanus jiġi maqtul. Madanakollu, Campanus ma qatax qalbu. Skont il-​ktieb The Radical Reformation, “Campanus kien konvint li l-​knisja kienet falliet għax ma kinitx żammet mal-​fehma tal-​appostli u tal-​Bibbja dwar l-​awtorità li għandu Alla u l-​istat taʼ kap tal-​irġiel.”

Qatt ma kienet l-​intenzjoni taʼ Campanus li jorganizza xi grupp reliġjuż. Hu qal li fittex għall-​verità “fost is-​setet u r-​riformisti kollha,” imma kollu għalxejn. Allura ttama li l-​Knisja Kattolika kienet se tmur lura għat-​tagħlim Kristjan veru. Madanakollu, eventwalment, l-​awtoritajiet Kattoliċi arrestaw lil Campanus, u jistaʼ jkun li qattaʼ iktar minn 20 sena l-​ħabs. L-​istorjografi jemmnu li miet madwar is-​sena 1575.

“AĊĊERTAW RUĦKOM MINN KOLLOX”

Studju diliġenti tal-​Bibbja għen lil Capito, Cellarius, Campanus, u oħrajn jagħrfu x’inhu veru u x’inhu falz. Għalkemm mhux il-​konklużjonijiet kollha li waslu għalihom dawn l-​irġiel kienu fi qbil mal-​Bibbja, dawn b’umiltà fittxew fl-​Iskrittura u kienu jgħożżu l-​verità li tgħallmu.

L-​appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-​Kristjani sħabu: “Aċċertaw ruħkom minn kollox; żommu sod mat-​tajjeb.” (1 Tessalonikin 5:21) Biex jgħinuk fit-​tfittxija tiegħek għall-​verità, ix-​Xhieda taʼ Ġeħova ppubblikaw ktieb bit-​titlu xieraq Il-​Bibbja X’Tgħallem Verament?

a Ir-​Riforma kienet moviment li beda fl-​1517 li matulu ħafna nies irribellaw kontra l-​Knisja Kattolika Rumana. Ir-​Riforma wasslet biex jiġu stabbiliti ħafna reliġjonijiet oħra.

b Ara It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Jannar 2012, paġni 7-​8, paragrafi 14-​17.

c Ara l-​artiklu “Michael Servetus—A Solitary Quest for the Truth,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż taʼ Mejju 2006, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova.

d Rigward il-​fatt li Cellarius uża l-​kelma “alla” għal Kristu, il-​ktieb jgħid: “Hi miktuba deus, u mhux Deus, għax din tal-​aħħar tintuża biss meta qed tirreferi għal Alla s-​Suprem.”

e Il-​konsustanzjazzjoni hi tagħlim taʼ Luteru li l-​ħobż u l-​inbid “jibqgħu jeżistu” flimkien mal-​ġisem taʼ Kristu fl-​Ikla taʼ Filgħaxija tal-​Mulej.

‘Araw jekk dak li smajtu huwiex minnu’

X’qanqal lil Capito, Cellarius, Campanus, u oħrajn biex jiċħdu ċertu tagħlim tal-​knisja? Huma għamlu bħall-​Bereani tal-​ewwel seklu, li eżaminaw l-​Iskrittura bir-​reqqa “biex jaraw jekk dak li semgħu kienx minnu.” (Atti 17:11) Dawn huma tlieta mill-​affarijiet li skoprew ir-​Riformisti:

TAGĦLIM TAL-​KNISJA

DAK LI TGĦID L-​ISKRITTURA

Il-​qaddisin jistgħu jiġu meqjumin bħala wħud li jidħlu għalina quddiem Alla.

“Hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-​bnedmin, Kristu Ġesù, bniedem.”—1 Timotju 2:5.

It-​trabi għandhom jiġu mgħammdin.

“Meta emmnu . . . tgħammdu, kemm irġiel u kemm nisa.”—Atti 8:12.

Ġesù u Missieru huma żewġ persuni ndaqs li jagħmlu parti minn Trinità.

Ġesù qal: “Sejjer għand il-​Missier, għax il-​Missier akbar minni.” (Ġwanni 14:28) “Ġesù . . . ma qagħadx jaħseb li għandu jaħtaf, jiġifieri, li għandu jkun ugwali m’Alla.”—Filippin 2:5, 6.

Fil-​Quddiesa, il-​ħobż u l-​inbid isiru l-​ġisem u d-​demm taʼ Ġesù.

“Ġesù ħa ħobża u, wara li qal talba, qasamha, ta lid-​dixxipli, u qal: ‘Ħudu, kulu. Dan il-​ħobż jirrappreżenta ġismi.’ Ukoll, qabad kies u, wara li radd ħajr, tahulhom, u qal: ‘Ixorbu minnu, intom ilkoll; għax dan jirrappreżenta d-​“demm tiegħi tal-​patt.”’”—Mattew 26:26-​28.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja