Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Qabel ma pubblikatur mhux mgħammed jiġi approvat għall-magħmudija, sa liema punt irid ikun qed jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni u jieħu sehem fil-ministeru?
Li wieħed jitgħammed hu l-iktar deċiżjoni importanti li jistaʼ jieħu. Għalhekk, qabel ma individwu jiġi approvat għall-magħmudija, irid ikollu fehma raġunevoli taʼ dak li jistenna minnu Alla. Minbarra dan, diġà għandu jkun qed juri li hu determinat li jgħix fi qbil mal-ħtiġijiet t’Alla.
Il-Kristjani huma kmandati li ma jabbandunawx il-laqgħat tagħhom flimkien, u għalhekk pubblikatur mhux mgħammed għandu diġà jkun qed juri d-diliġenza f’li jattendi l-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Ebr. 10:24, 25) Ukoll, ġeneralment ikun qed jieħu sehem billi jikkummenta. X’aktarx li jkun miktub fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku, għalkemm dan mhux meħtieġ.
Minbarra dan, peress li l-Kristjani ngħataw l-inkarigu li jippritkaw l-aħbar tajba u jagħmlu dixxipli, pubblikatur mhux mgħammed għandu jkun qed jieħu sehem regulari fil-ministeru qabel ma jitgħammed. (Mt. 24:14; 28:19, 20) Kemm-il xahar għandu joħroġ fil-ministeru qabel ma jkun jistaʼ jitgħammed? B’mod loġiku, għandu jingħata biżżejjed żmien biex juri li determinat b’mod sod li jkollu sehem regulari u żeluż fil-ministeru xahar wara l-ieħor. (Salm 78:37) Madanakollu, m’hemmx għalfejn tħalli ħafna żmien jgħaddi bejn meta jibda joħroġ fil-ministeru u meta jikkwalifika għall-magħmudija; ftit xhur biżżejjed. Kemm għandu jkun qed iqattaʼ ħin fil-ministeru? M’hemm l-ebda regola stretta dwar dan. L-anzjani għandhom iqisu ċ-ċirkustanzi uniċi taʼ kull pubblikatur u jkunu raġunevoli u bilanċjati.—Lq. 21:1-4.
L-anzjani (jew il-qaddejja ministerjali fil-kongregazzjonijiet fejn hemm tassew ftit anzjani) li jiltaqgħu maʼ kandidat għall-magħmudija għandhom jiftakru li kull individwu hu differenti, u għandhom jużaw l-għaqal meta jiddeċiedu jekk jikkwalifikax għall-magħmudija. Għandhom jistennew minnu li jkollu xewqa kbira li jkun wieħed mix-Xhieda taʼ Ġeħova u li juri apprezzament għall-privileġġ li jissieħeb mal-organizzazzjoni taʼ Ġeħova u li jieħu sehem fil-ministeru. L-anzjani jifhmu li għadu ma laħaqx il-maturità spiritwali jew kiseb s-sengħa taʼ evanġelizzaturi mgħammdin tal-esperjenza. Jekk l-anzjani jħossu li l-kandidat ma jikkwalifikax għall-magħmudija, b’qalb tajba għandhom jinformawh bir-raġunijiet Skritturali għad-deċiżjoni tagħhom u jgħinuh jirċievi l-għajnuna spiritwali.