LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w21 Settembru pp. 26-31
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • TAĦSIBX LI HU T-​TORT TIEGĦEK
  • X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX IŻŻOMM IL-​FIDI TIEGĦEK B’SAĦĦITHA?
  • L-​AĦWA KIF JISTGĦU JGĦINU?
  • IBQGĦU TTAMAW LI JIĠU LURA U KOMPLU AFDAW F’ĠEĦOVA
  • Li wieħed jiġi maqtugħ mis-sħubija hu att taʼ mħabba
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • Kif Għandna Nittrattaw lil Xi Ħadd Maqtugħ mis-Sħubija
    “Żommu Ruħkom fl-Imħabba t’Alla”
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Imita lill-Ħniena t’Alla Llum
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1991
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2021
w21 Settembru pp. 26-31

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 39

Meta Xi Ħadd li Tħobb Jitlaq lil Ġeħova

“Kemm-​il darba . . . ġegħluh iħossu mweġġaʼ.”—SALM 78:40.

GĦANJA 102 ‘Għinu lid-​dgħajfin’

ĦARSA BIL-​QUDDIEMa

1. Kif tħossha persuna meta xi ħadd fil-​familja jiġi maqtugħ mis-​sħubija?

GĦANDEK lil xi ħadd li tħobb maqtugħ mis-​sħubija? Jekk iva, żgur li hu taʼ wġigħ kbir. Oħt jisimha Hilda tgħid, “Meta r-​raġel miet wara 41 sena taʼ żwieġ, ħsibt li kienet l-​agħar ħaġa li qatt setgħet tiġrili.b Imma meta t-​tifel tiegħi telaq lil Ġeħova, lill-​mara, u lit-​tfal, l-​uġigħ kien ħafna ikbar għalija.”

Missier bil-bagalja u se jitlaq mid-dar. L-omm tgħannaq liż-żewġt itfal li qegħdin jibku.

Ġeħova jifhem kemm tħossok imdejjaq meta xi ħadd li tħobb jieqaf jaqdih (Ara paragrafi 2-3)d

2-3. Skont Salm 78:40, 41, Ġeħova kif iħossu meta wieħed mill-​qaddejja tiegħu jitilqu?

2 Immaġina kemm ħassu mweġġaʼ Ġeħova meta xi wħud mill-​anġli li kienu parti mill-​familja tiegħu telquh. (Ġuda 6) U aħseb kemm ħassu mdejjaq meta l-​Iżraelin, li hu tant kien iħobb, irribellaw kontrih għal ħafna drabi. (Aqra Salm 78:40, 41.) Tistaʼ tkun ċert li Missierna tas-​sema wkoll iweġġaʼ meta xi ħadd li inti tħobb jitilqu. Hu jifhem l-​uġigħ li qed tħoss u bi mħabba se jipprovdilek l-​inkuraġġiment u l-​għajnuna li għandek bżonn.

3 F’dan l-​artiklu se niddiskutu x’nistgħu nagħmlu biex nirċievu l-​għajnuna taʼ Ġeħova meta xi ħadd li nħobbu jieqaf jaqdih. Se neżaminaw ukoll kif nistgħu ngħinu lil oħrajn fil-​kongregazzjoni li għandhom lil xi ħadd maqtugħ mis-​sħubija. Imma l-​ewwel, ejja naraw xi ħsibijiet negattivi li għandna nevitaw.

TAĦSIBX LI HU T-​TORT TIEGĦEK

4. Ħafna ġenituri kif iħossuhom meta t-​tifel jew it-​tifla tagħhom titlaq lil Ġeħova?

4 Meta tifel jew tifla titlaq lil Ġeħova, spiss il-​ġenituri jaħsbu li setgħu għamlu iżjed biex it-​tfal tagħhom jibqgħu jaqduh. Wara li t-​tifel tiegħu ġie maqtugħ mis-​sħubija, ħu jismu Luke jgħid: “Jien ħsibt li kien it-​tort tiegħi. Kont anki noħlom ikrah fuq hekk. Xi kultant kont nibki ħafna u nħoss qalbi maqsuma.” Elizabeth, oħt li t-​tifel tagħha wkoll ġie maqtugħ mis-​sħubija, spiss kienet tistaqsi: “X’għamilt ħażin bħala omm? Ħassejt li m’għamiltx dak kollu li kelli nagħmel biex isir iħobb lil Ġeħova.”

5. Meta persuna titlaq lil Ġeħova, taʼ min ikun it-​tort?

5 Irridu niftakru li Ġeħova ta lil kull wieħed u waħda minna l-​libertà tal-​għażla. Dan ifisser li hija l-​għażla tagħna jekk nobdux lil Ġeħova. Xi żgħażagħ ma kellhomx ġenituri t’eżempju tajjeb, imma huma għażlu li jaqdu lil Ġeħova u jibqgħu leali lejh. Oħrajn kellhom ġenituri li ħadmu iebes biex jgħallmuhom iħobbu lil Ġeħova, imma iktar tard telqu mill-​verità. Għalhekk, kull wieħed u waħda minna jrid jiddeċiedi jekk hux se jaqdi lil Ġeħova. (Ġoż. 24:15) Għalhekk, ġenituri, jekk tħossukom imdejqin minħabba li t-​tifel jew it-​tifla tagħkom waqfet taqdi lil Ġeħova, taħsbux li huwa t-​tort tagħkom!

6. It-​tfal kif jistgħu jħossuhom meta xi ħadd mill-​ġenituri jitlaq lil Ġeħova?

6 Xi kultant, omm jew missier jitlaq lil Ġeħova u saħansitra jitlaq lill-​familja. (Salm 27:10) Dan jistaʼ jkun taʼ wġigħ kbir għat-​tfal li jkunu jirrispettaw u jħobbu lill-​ġenituri tagħhom. Esther, li missierha ġie maqtugħ mis-​sħubija, tgħid: “Kont nibki ħafna għax indunajt li missieri mhux kien qiegħed jitbiegħed minn Ġeħova, imma għażel li ma jibqax jaqdih. Jien inħobbu lil missieri u ninkwieta għalih. Ġieli kienu jtuni attakki taʼ paniku.”

7. Ġeħova kif iħossu dwar it-​tfal li wieħed mill-​ġenituri tagħhom ġie maqtugħ mis-​sħubija?

7 Tfal, jekk xi ħadd mill-​ġenituri tagħkom ġie maqtugħ mis-​sħubija, aħna jiddispjaċina ħafna għalikom! U tinsewx li Ġeħova jaf kemm iġibilkom uġigħ dan. Hu jħobbkom u ferħan ħafna minħabba li intom bqajtu taqduh lealment. U l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jħobbukom ukoll. Ftakar li inti m’intix responsabbli għad-​deċiżjoni li ħadet ommok jew missierek. Kif diġà semmejna, Ġeħova ħalliena fil-​libertà biex nagħżlu jekk irridux naqduh. U kull min iddedika ħajtu lil Ġeħova u tgħammed, għandu “jġorr it-​tagħbija tiegħu.”—Gal. 6:5.

8. Il-​membri leali tal-​familja x’jistgħu jagħmlu waqt li jkunu qed jistennew lil xi ħadd li jħobbu jerġaʼ jiġi lura għand Ġeħova? (Ara wkoll il-​kaxxa “Erġaʼ Lura Għand Ġeħova.”)

8 Meta xi ħadd li tħobb jitlaq lil Ġeħova, huwa normali li tibqaʼ tittama li hu se jerġaʼ jiġi lura. Sadanittant x’tistaʼ tagħmel? Agħmel dak kollu li tistaʼ biex iżżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha. Jekk tagħmel hekk se tkun t’eżempju għall-​membri leali tal-​familja u anki għal min ikun telaq lil Ġeħova. Dan se jgħinek ukoll biex inti tkun b’saħħtek u tissaporti l-​uġigħ li jkollok. Allura, x’tistaʼ tagħmel biex iżżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha?

Erġaʼ Lura Għand Ġeħova

Ragħaj qed iġorr ħaruf żgħir f’idejh.

Omm tgħid: “Il-​kliem ta’ Isaija 55:7 huwa eżatt dak li nixtieq għat-​tifel tiegħi, li jgħid: ‘Ħa jerġaʼ lura lejn Ġeħova, li jkollu ħniena minnu, u lejn Alla tagħna, għax hu jaħfer bil-​kbir.’” Jekk tlaqt lil Ġeħova, iktar ma terġaʼ lura għandu malajr, iktar se tkun ferħan. Meta tara dak li qed jiġri fid-​dinja, jidher ċar li Armageddon hi fil-​qrib ħafna. Barra minn hekk, il-​ħajja f’din is-​sistema hi qasira u ma nafux x’jistaʼ jiġrilna. Ħadd minna ma jaf jekk hux se jibqaʼ ħaj sa għada.—Ġak. 4:13, 14.

Il-​browxer Erġaʼ lura għand Ġeħovac jgħid: “Kun ċert li Ġeħova se jkun hemm għalik hekk kif terġaʼ lura għandu. Hu se jgħinek tkampa mal-​ansjetà, ma tibqax tħossok imweġġaʼ, u ssib il-​paċi tal-​moħħ u tal-​qalb li ġġib magħha kuxjenza nadifa. Imbagħad forsi terġaʼ tħossok imqanqal taqdi lil Ġeħova mal-​aduraturi sħabek.”—1 Pt. 2:25.

c Ippubblikat mix-​Xhieda taʼ Ġeħova u hu disponibbli b’ħafna lingwi fuq jw.org.

X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX IŻŻOMM IL-​FIDI TIEGĦEK B’SAĦĦITHA?

9. X’tistaʼ tagħmel biex iżżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha? (Ara wkoll il-​kaxxa “Skritturi li Jinkuraġġuk Jekk Xi Ħadd li Tħobb Telaq lil Ġeħova.”)

9 Agħmel dak kollu li tistaʼ biex iżżomm il-​fidi tiegħek b’saħħitha. Hu importanti ħafna li tkompli ssaħħaħ lilek innifsek u l-​familja tiegħek. Kif tistaʼ tagħmel dan? Billi taqra l-​Kelma t’Alla, timmedita fuqha, u tattendi l-​laqgħat Kristjani. Joanna, li missierha u oħtha telqu mill-​verità, tgħid: “Meta naqra dwar karattri li nsibu fil-​Bibbja bħal Abigajl, Ester, Ġob, Ġużeppi, u Ġesù, inħossni kalma. L-​eżempju tagħhom jinkuraġġini u jgħinni biex inkun pożittiva. U l-​kanzunetti oriġinali wkoll jinkuraġġuni ħafna.”

Skritturi li Jinkuraġġuk Jekk Xi Ħadd li Tħobb Telaq lil Ġeħova

  • Salm 30:10

  • Salm 34:4, 6, 18, 19

  • Salm 39:12

  • Salm 61:1, 2

  • Salm 94:17-​19

  • Efesin 3:20

  • Filippin 4:6, 7

10. Salm 32:6-​8 kif jgħinna nissaportu?

10 Għid lil Ġeħova dwar dak kollu li jinkwetak. Meta tħossok imdejjaq tiqafx titlob. Ibqaʼ itlob lil Alla kollu mħabba biex jgħinek taħseb bil-​mod kif jaħseb hu u biex ‘jagħtik id-​dehen u jistruwik dwar it-​triq li għandek taqbad.’ (Aqra Salm 32:6-​8.) Bla dubju, jistaʼ jkun taʼ wġigħ kbir biex tgħid lil Ġeħova kif qed tħossok. Imma Ġeħova jifhem sew l-​uġigħ li għandek f’qalbek. Hu jħobbok ħafna u jridek tiftaħ qalbek miegħu.—Eżo. 34:6; Salm 62:7, 8.

11. Skont Ebrej 12:11, għala għandna nafdaw fid-​dixxiplina li jagħti Ġeħova bi mħabba? (Ara wkoll il-​kaxxa “Qtugħ mis-​Sħubija—Il-​Mod Kif Ġeħova Jiddixxiplina lil Xi Ħadd.”)

11 Ikkopera mad-​deċiżjoni li jieħdu l-​anzjani. Il-​qtugħ mis-​sħubija huwa mod wieħed kif Ġeħova bi mħabba jikkoreġi lil xi ħadd. Dan huwa taʼ ġid għal kulħadd, inkluż għal min ikun għamel dnub serju. (Aqra Ebrej 12:11.) Meta l-​anzjani jaqtgħu lil xi ħadd mis-​sħubija, xi wħud fil-​kongregazzjoni forsi jgħidu li ma ħadux deċiżjoni tajba. Imma ftakar li kultant dawn l-​uħud ma jsemmux il-​ħażin li l-​persuna tkun għamlet. Aħna ma nkunux nafu l-​fatti kollha, għalhekk ikun tajjeb li nafdaw lill-​anzjani li jkunu fil-​kumitat ġudizzjali u joqogħdu attenti li japplikaw il-​pariri tal-​Bibbja u jiġġudikaw “għal Ġeħova.”—2 Kron. 19:6.

Qtugħ mis-​Sħubija—Il-​Mod Kif Ġeħova Jiddixxiplina lil Xi Ħadd

Il-​qtugħ mis-​sħubija kif juri l-​imħabba taʼ Ġeħova?

  1. 1. L-​imħabba ġġiegħel lill-​anzjani jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jgħinu lill-​persuna li tkun għamlet dnub serju. Persuna tiġi maqtugħa mis-​sħubija minħabba żewġ raġunijiet: Hi tagħmel dnub serju u ma jiddispjaċihiex.—Ebr. 12:7, 9-​11.

  2. 2. Il-​qtugħ mis-​sħubija jipproteġi lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Persuna li ma jiddispjaċihiex għad-​dnub li tkun għamlet hi bħal persuna li għandha virus li jittieħed malajr u għalhekk ikollha bżonn toqgħod kwarantina biex oħrajn ma jimirdux bil-​virus.—1 Kor. 5:6, 7, 11-​13.

  3. 3. Il-​qtugħ mis-​sħubija jistaʼ jgħin lill-​persuna biex jiddispjaċiha għad-​dnub li tkun għamlet. Ħafna li ġew maqtugħin mis-​sħubija fl-​aħħar irrealizzaw li dak li kienu għamlu kien ħażin u reġgħu lura għand Ġeħova.—Lq. 15:11-​24.

  4. 4. Meta persuna jiddispjaċiha għal dak li tkun għamlet u terġaʼ tiġi lura, Ġeħova, Ġesù, u l-​anġli jifirħu, u l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jilqgħuha bi mħabba.—Lq. 15:7.

12. Xi wħud kif ibbenefikaw minħabba li huma kienu ubbidjenti għad-​dixxiplina taʼ Ġeħova?

12 Billi tikkopera mad-​deċiżjoni li jieħdu l-​anzjani meta jaqtgħu mis-​sħubija lil xi ħadd li tħobb, inti tistaʼ tgħin lill-​persuna terġaʼ tiġi lura għand Ġeħova. Elizabeth, li semmejna qabel, tgħid: “Kien diffiċli ħafna għalija biex ma nikkuntattjax lit-​tifel tiegħi. Imma wara li reġaʼ ġie lura, hu stess ammetta li kien ħaqqu li ġie maqtugħ mis-​sħubija. Iktar tard hu qal li tgħallem ħafna lezzjonijiet tajbin. Jien tgħallimt li d-​dixxiplina li jagħti Ġeħova hi dejjem għall-​ġid tagħna.” Ir-​raġel tagħha, Mark, ikompli jgħid: “It-​tifel qalli li waħda mir-​raġunijiet għala ried jiġi lura kienet minħabba li aħna ma kellniex kuntatt miegħu. Jien vera kuntent li Ġeħova għenna biex inkunu ubbidjenti.”

13. X’jistaʼ jgħinek tkampa mal-​uġigħ li jkollok?

13 Tkellem m’aħwa li jistgħu jifhmuk. Qattaʼ l-​ħin m’aħwa maturi li jistgħu jgħinuk ma taqtax qalbek. (Prov. 12:25; 17:17) Joanna, li diġà ssemmiet, tgħid: “Kont inħossni waħdi, imma mbagħad, meta kont nitkellem maʼ dawk l-​aħwa li nħossni komda magħhom, kont inħossni aħjar.” Imma xi ngħidu jekk xi aħwa fil-​kongregazzjoni jgħidu kliem li jġiegħlek tħossok agħar?

14. Għala għandna bżonn ‘inkomplu nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-​qalb’?

14 Kun paċenzjuż mal-​aħwa. Ir-​realtà hi li kultant kulħadd jgħid xi ħaġa li ma tkunx f’waqtha. (Ġak. 3:2) Aħna lkoll imperfetti, għalhekk tiħodhiex bi kbira jekk xi wħud ma jkunux jafu x’se jaqbdu jgħidulek jew mingħajr ma jridu jgħidulek xi ħaġa li tweġġgħek. Ftakar fil-​parir li tana l-​appostlu Pawlu: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.” (Kol. 3:13) Oħt li t-​tifel tagħha ġie maqtugħ mis-​sħubija tgħid: “Ġeħova għenni biex naħfer lil dawk l-​aħwa li pprovaw jinkuraġġuni, imma minflok, weġġgħuni.” L-​aħwa fil-​kongregazzjoni x’jistgħu jagħmlu biex jgħinu lill-​membri leali tal-​familja?

L-​AĦWA KIF JISTGĦU JGĦINU?

15. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu membri taʼ familja li għadu kif kellhom lil xi ħadd li ġie maqtugħ mis-​sħubija?

15 Kun qalbek tajba u dħuli mal-​membri leali tal-​familja. Oħt jisimha Miriam kienet tħossha ansjuża biex tmur il-​laqgħat wara li ħuha ġie maqtugħ mis-​sħubija. Hi tgħid, “Kont nibżaʼ dwar dak li kienu qegħdin jaħsbu l-​aħwa. Kien hemm ħafna aħwa li bħali kienu mdejqin minħabba dak li ġara. U qatt ma qalu xi ħaġa negattiva dwar ħija li kien ġie maqtugħ mis-​sħubija. Bl-​għajnuna tagħhom, jien qatt ma ħassejtni waħdi.” Oħt oħra tgħid: “Wara li t-​tifel ġie maqtugħ mis-​sħubija, aħwa li jħobbuna ġew biex jinkuraġġuna. Xi wħud minnhom qalulna li lanqas biss kienu jafu x’se jaqbdu jgħidulna. Oħrajn bkew miegħi u xi wħud bagħtuli ittri biex jinkuraġġuni. Dak li għamlu kien t’għajnuna kbira għalija!”

16. L-​aħwa fil-​kongregazzjoni kif jistgħu jibqgħu jinkuraġġixxu lill-​membri tal-​familja?

16 Ibqaʼ inkuraġġixxi lill-​membri leali tal-​familja. Issa, iktar minn qatt qabel, għandhom bżonn l-​inkuraġġiment u l-​imħabba tiegħek. (Ebr. 10:24, 25) Xi kultant, xi aħwa fil-​kongregazzjoni jispiċċaw ma jkellmux lill-​familja kollha, bħallikieku huma wkoll ġew maqtugħin mis-​sħubija. Qatt m’għandna nħallu dan jiġri! Aħna rridu nfaħħru u ninkuraġġixxu lil żgħażagħ li l-​ġenituri tagħhom waqfu jaqdu lil Ġeħova. Maria, li r-​raġel tagħha ġie maqtugħ mis-​sħubija u telaq lill-​familja, tgħid: “Xi aħwa ġew id-​dar tiegħi, sajrulna x’nieklu, u għenuni biex nagħmel l-​istudju mat-​tfal tiegħi. Huma ddispjaċiehom ħafna għalija u bkew miegħi. Huma dejjem qabżu għalija meta semgħu lil xi ħadd jgħid xi ħaġa kontrija. U dan vera inkuraġġieni!”—Rum. 12:13, 15.

Żewġt anzjani marru jżuru lill-omm u lit-tfal tagħha.

L-aħwa jistgħu juru l-imħabba billi jgħinu lill-familja li għandha lil xi ħadd maqtugħ mis-sħubija (See paragraph 17)e

17. L-​anzjani x’jistgħu jagħmlu biex jinkuraġġixxu lil dawk li huma ansjużi?

17 Anzjani, użaw kull opportunità li jkollkom biex tgħinu u ssaħħu lill-​membri leali tal-​familja. Intom għandkom responsabbiltà speċjali biex tinkuraġġixxu lill-​familji li għandhom lil xi ħadd maqtugħ mis-​sħubija. (1 Tess. 5:14) Biex tinkuraġġuhom, tkellmu magħhom qabel u wara l-​laqgħat. Żuruhom id-​dar tagħhom u itolbu għalihom. Oħorġu fuq il-​ministeru magħhom u xi kultant stidnuhom biex tagħmlu l-​qima bħala familja flimkien. L-​anzjani għandhom jieħdu ħsieb lil dawk li huma ansjużi, u juruhom l-​imħabba li għandhom bżonn.—1 Tess. 2:7, 8.

IBQGĦU TTAMAW LI JIĠU LURA U KOMPLU AFDAW F’ĠEĦOVA

18. Skont it-​2 Pietru 3:9, Ġeħova x’jixtieq li jagħmlu dawk li waqfu jaqduh?

18 Ġeħova “ma jixtieqx li xi ħadd jinqered imma jixtieq li kulħadd jasal għall-​indiema.” (Aqra t-​2 Pietru 3:9.) Minkejja li persuna jaf tkun għamlet dnub serju, għal Alla xorta tibqaʼ prezzjuża. Ftakar li Ġeħova ħallas prezz għoli—il-​ħajja taʼ Ibnu l-​għażiż għal kull wieħed u waħda minna. Ġeħova bi mħabba jipprova jgħin lil dawk li telquh biex jiġu lura għandu. Hu jittama li huma jieħdu din l-​azzjoni, kif nistgħu naraw mit-​tixbiha taʼ Ġesù tal-​iben il-​ħali. (Lq. 15:11-​32) Ħafna li telqu mill-​verità reġgħu ġew lura għand Ġeħova. U l-​aħwa tal-​kongregazzjoni kienu ferħanin. Elizabeth, li semmejna diġà, ħassitha ferħana ħafna meta t-​tifel ġie aċċettat lura. Hi tgħid: “Jiena vera kuntenta li ħafna inkuraġġewni biex nibqaʼ nittama.”

19. Għala nistgħu nibqgħu nafdaw f’Ġeħova?

19 Aħna għandna dejjem nafdaw f’Ġeħova. Il-​pariri tiegħu dejjem se jgħinuna. Hu Missier ġeneruż u għandu mħabba kbira għal dawk li jħobbuh u jaqduh. Kun ċert li Ġeħova mhux se jitilqek meta tkun għaddej minn dan iż-​żmien taʼ wġigħ. (Ebr. 13:5, 6) Mark, li semmejna qabel, jgħid: “Ġeħova qatt ma jabbandunana. Hu dejjem jgħinna meta nkunu għaddejjin minn żmien diffiċli.” Ġeħova se jkompli jagħtik “il-​qawwa iktar min-​normal.” (2 Kor. 4:7) Iva, inti tistaʼ tibqaʼ leali u tibqaʼ tittama li dik il-​persuna li tħobb tistaʼ terġaʼ tiġi lura għand Ġeħova.

X’TGĦALLIMT MILL-​ISKRITTURI LI ĠEJJIN?

  • Salm 78:40, 41

  • Salm 32:6-​8

  • Ebrej 12:11

GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket

a Aħna vera nħossuna mdejqin meta xi ħadd li nħobbu jitlaq lil Ġeħova! F’dan l-​artiklu se naraw kif iħossu Ġeħova meta jiġri hekk. Se niddiskutu xi affarijiet li l-​membri tal-​familja jistgħu jagħmlu biex ikunu jistgħu jkampaw mal-​uġigħ u jżommu l-​fidi tagħhom b’saħħitha. F’dan l-​artiklu se niddiskutu wkoll kif l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jistgħu jinkuraġġixxu u jgħinu lill-​familja.

b Xi ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Meta ħu jitlaq lill-familja tiegħu u lil Ġeħova, il-mara u t-tfal ibatu.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Żewġ anzjani jmorru jinkuraġġixxu lil familja.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja