LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w22 Diċembru pp. 2-7
  • Nistgħu Ngħixu għal Dejjem

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nistgħu Ngħixu għal Dejjem
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • ĠEĦOVA JGĦIX GĦAL DEJJEM
  • ĠEĦOVA ĦALAQNA BIEX NGĦIXU GĦAL DEJJEM
  • L-ISKOP TAʼ ĠEĦOVA MA NBIDILX
  • FUTUR SABIĦ DALWAQT
  • Kif tistaʼ tgħix għal dejjem?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Hija l-Ħajja taʼ Dejjem Tabilħaqq Possibbli?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Li Tgħix Għal Dejjem M’huwiex Biss Ħolma
    Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-Ġenna Fuq L-Art
  • Trid Tgħix għal Dejjem?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2022
w22 Diċembru pp. 2-7

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49

Nistgħu Ngħixu għal Dejjem

“L-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja taʼ dejjem.”—RUM. 6:23.

GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda

ĦARSA BIL-QUDDIEMa

1. Meta nimmeditaw dwar il-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem kif jaffettwana?

ĠEĦOVA jwiegħed “ħajja taʼ dejjem” lil dawk li jobduh. (Rum. 6:23) Meta nimmeditaw fuq dak li qed joffrilna Ġeħova, bla dubju se nħobbuh iktar. Aħseb dwar dan: Missierna tas-sema tant iħobbna li qed jagħtina dan ir-rigal biex qatt ma ninfirdu minn miegħu.

2. Il-wegħda taʼ ħajja taʼ dejjem kif tgħinna?

2 Il-wegħda li jagħmlilna Alla li ngħixu għal dejjem tgħinna nissaportu l-problemi. Anki meta l-għedewwa tagħna jgħidu li se joqtluna, aħna ma niqfux naqdu lil Ġeħova. Għala? Raġuni waħda hi għax nafu li jekk immutu leali lejn Ġeħova, hu se jirxoxtana u jkollna t-tama li ma mmutu qatt. (Ġw. 5:28, 29; 1 Kor. 15:55-58; Ebr. 2:15) Għala nistgħu nkunu ċerti li aħna nistgħu ngħixu għal dejjem? Ejja naraw xi raġunijiet.

ĠEĦOVA JGĦIX GĦAL DEJJEM

3. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jistaʼ jżommna ħajjin għal dejjem? (Salm 102:12, 24, 27)

3 Aħna nafu li Ġeħova jistaʼ jżommna ħajjin għal dejjem għax hu l-wieħed li jagħti l-ħajja u jgħix għal dejjem. (Salm 36:9) Dawn huma xi versi li juruna ċar li Ġeħova eżista minn dejjem u se jibqaʼ jeżisti għal dejjem. Salm 90:2 jgħid li Ġeħova hu “minn dejjem għal dejjem.” Salm 102 jgħid xi ħaġa simili. (Aqra Salm 102:12, 24, 27.) U l-profeta Ħabakkuk kiteb hekk dwar Missierna tas-sema: “Mhux minn żmien twil ilu int, O Ġeħova? O Alla tiegħi, il-Qaddis tiegħi, int ma tmutx.”—Ħab. 1:12.

4. Għandna ninkwetaw jekk ma nifhmux kif Ġeħova eżista minn dejjem? Spjega.

4 Issibha diffiċli biex tifhem li Ġeħova ilu jeżisti minn dejjem? (Is. 40:28) Hemm ħafna nies li jħossuhom hekk. Eliħu dwar Alla qal: ‘Ma nistgħux insiru nafu kemm-il sena ilu jeżisti.’ (Ġob 36:26) Imma għax ma nifhmux xi ħaġa ma jfissirx li mhix vera. Pereżempju, għalkemm forsi ma nifhmux sew kif jaħdem id-dawl, ifisser li d-dawl ma jeżistix? Żgur li le! Bl-istess mod, aħna bħala bnedmin forsi qatt mhu se nifhmu għalkollox kif Ġeħova ilu jeżisti minn dejjem u se jibqaʼ jeżisti għal dejjem. Imma dan ma jfissirx li Ġeħova m’eżistiex minn dejjem. Il-verità dwar il-Ħallieq ma tiddependix minn dak li aħna nistgħu nifhmu jew ma nifhmux. (Rum. 11:33-36) Hu eżista qabel kwalunkwe ħaġa li teżisti fl-univers, inkluż ix-xemx u l-istilel. Ġeħova jaċċertana li “għamel l-art bil-qawwa tiegħu.” Hu eżista qabel “firex is-smewwiet.” (Ġer. 51:15; Atti 17:24) X’inhi raġuni oħra għala nistgħu nkunu ċerti li nistgħu ngħixu għal dejjem?

ĠEĦOVA ĦALAQNA BIEX NGĦIXU GĦAL DEJJEM

5. Adam u Eva x’tama kellhom?

5 Kull ħaġa ħajja li ħalaq Ġeħova tmut. Imma lill-bnedmin tahom it-tama li ma jmutu qatt. Però Ġeħova qal lil Adam: “Mis-siġra tal-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin ma tistax tiekol, għax fil-jum li tiekol minnha int żgur li tmut.” (Ġen. 2:17) Kieku Adam u Eva obdew lil Ġeħova ma kinux imutu. Allura jagħmel sens li nemmnu li xi darba Ġeħova kien se jħallihom jieklu “mis-siġra tal-ħajja.” Dan kien ifisser li huma kien se jkollhom il-garanzija taʼ Ġeħova li se ‘jgħixu għal dejjem.’b—Ġen. 3:22.

Xi Tfisser “għal Dejjem” fil-Bibbja?

Il-kelma “għal dejjem” bl-Ebrajk spiss tiġi tradotta ʽoh·lamʹ. Fil-Bibbja din il-kelma tistaʼ tfisser li xi ħaġa ilha teżisti għal ħafna żmien jew se tibqaʼ teżisti għal ħafna żmien, m’għandhiex bidu u lanqas tmiem. (Ġoż. 24:2; Salm 24:7, 9) Tistaʼ tirreferi wkoll għal xi ħaġa li ma tispiċċa qatt. Dan japplika meta tintuża għal Ġeħova. (Salm 102:12, 24, 27) Fit-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida din il-kelma Ebrajka ġiet tradotta fi kliem bħal “għal dejjem,” “għal żmien twil,” “għal żmien indefinit” jew “żmien twil ilu.” Din l-espressjoni tiġi tradotta skont il-kuntest.

6-7. (a) X’juri iżjed li l-bnedmin ma kinux maħluqin biex imutu? (b) X’tixtieq tagħmel fis-sistema l-ġdida? (Ara l-istampi.)

6 Xi xjentisti sabu xi ħaġa interessanti dwar il-moħħ tagħna. Huma sabu li l-moħħ tagħna jistaʼ jerfaʼ ħafna iktar minn dak li nitgħallmu fil-ħajja tagħna. Fl-2010 rivista spjegat li l-moħħ jistaʼ jerfaʼ madwar 3 miljun siegħa taʼ vidjows. Dan kieku jieħu iktar minn 300 sena biex tarahom. U jistaʼ jkun li moħħna jerfaʼ iktar informazzjoni minn hekk. Dan juri li Ġeħova ħalaq il-moħħ biex jerfaʼ iktar informazzjoni minn dak li nitgħallmu f’70 jew 80 sena.—Salm 90:10.

7 Meta ħalaqna, Ġeħova tana x-xewqa kbira li nibqgħu ħajjin. Dwar il-bnedmin, il-Bibbja tgħid li Alla “poġġielhom f’qalbhom l-eternità.” (Ekk. 3:11) Din hija raġuni waħda għala nqisu l-mewt bħala l-għadu tagħna. (1 Kor. 15:26) Meta nimirdu serjament, aħna ma naqtgħux qalbna u nistennew li mmutu. Ħafna drabi, immorru għand it-tabib u nieħdu l-mediċina biex tgħinna. Fil-fatt nagħmlu dak kollu li nistgħu biex ma mmutux. U meta xi ħadd li nħobbu jmut, sew jekk ikun kbir u sew jekk ikun żgħir, indumu ħafna nħossuna mdejqin. (Ġw. 11:32, 33) Aħna nistgħu nibqgħu nitgħallmu għal dejjem u għandna xewqa kbira li ngħixu għal dejjem għax Ġeħova ħalaqna b’dan il-mod. Dan jurina li hu se jagħmilha possibbli għalina biex ngħixu għal dejjem. Imma hemm iktar raġunijiet biex nemmnu li nistgħu ngħixu għal dejjem. Ejja nikkunsidraw dak li Ġeħova għamel fil-passat u dak li qed jagħmel issa biex juri li l-iskop tiegħu ma nbidilx.

Grupp taʼ Stampi: Ħu kbir fl-età bilqiegħda maʼ mejda u hemm ħafna mediċina. Hu qed jaqra l-Bibbja u jimmaġina x’se jagħmel fid-dinja l-ġdida meta jkun b’saħħtu. 1. Qiegħed fuq dgħajsa. 2. Qed ipinġi. 3. Qed jimxi fejn xmara.

Bit-tama li għandna nistgħu nieħdu pjaċir nimmaġinaw l-affarijiet li se ngawdu fil-futur (Ara paragrafu 7)c

L-ISKOP TAʼ ĠEĦOVA MA NBIDILX

8. Isaija 55:11 x’jgħallimna dwar l-iskop li Ġeħova għandu għalina?

8 Minkejja li Adam u Eva għamlu d-dnub u t-tfal tagħhom qegħdin imutu, Ġeħova ma bidilx l-iskop tiegħu. (Aqra Isaija 55:11.) L-iskop tiegħu xorta għadu li n-nies leali jgħixu għal dejjem. Aħna nafu dan minħabba l-affarijiet li Ġeħova qal u għamel biex iwettaq l-iskop tiegħu.

9. Alla x’wegħedna? (Danjel 12:2, 13)

9 Ġeħova wegħedna li hu se jirxoxta lill-mejtin u jtihom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Atti 24:15; Titu 1:1, 2) Ir-raġel leali Ġob kien ċert li Ġeħova jrid jirxoxta lil dawk li mietu. (Ġob 14:14, 15) Il-profeta Danjel kien jaf li n-nies se jiġu rxoxtati u jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (Salm 37:29; aqra Danjel 12:2, 13.) Il-Lhud fi żmien Ġesù wkoll kienu jafu li Ġeħova se jagħti “l-ħajja taʼ dejjem” lill-qaddejja leali tiegħu. (Lq. 10:25; 18:18) Ġesù semma din il-wegħda ħafna drabi, u hu stess ġie rxoxtat minn Missieru.—Mt. 19:29; 22:31, 32; Lq. 18:30; Ġw. 11:25.

L-armla taʼ Sarefat ferħana għax il-profeta Elija rxoxta lit-tifel tagħha.

Il-fatt li Elija rxoxta lil tifel minn xiex jaċċertana? (Ara paragrafu 10)

10. L-irxoxt li ġara fil-passat x’garanzija jagħtina? (Ara l-istampa.)

10 Ġeħova huwa l-wieħed li jagħti l-ħajja u hu għandu l-qawwa biex jerġaʼ jirxoxta lill-bnedmin. Hu ta l-qawwa lil Elija biex jirxoxta t-tifel tal-armla f’Sarefat. (1 Slat. 17:21-23) Iktar tard, bl-għajnuna t’Alla, il-profeta Eliżew irxoxta lit-tifel taʼ mara Sunamija. (2 Slat. 4:18-20, 34-37) Il-fatt li dawn l-uħud u oħrajn ġew irxoxtati juri li Ġeħova għandu l-qawwa biex jagħti l-ħajja lura lin-nies. Meta Ġesù kien fuq l-art ta prova li Missieru kien tah din il-qawwa. (Ġw. 11:23-25, 43, 44) Issa Ġesù qiegħed fis-sema u ngħata “l-awtorità fuq kulma hemm fis-sema u fuq l-art.” Għalhekk, hu jistaʼ jwettaq il-wegħda li “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” jiġu rxoxtati u jkollhom it-tama li jgħixu għal dejjem.—Mt. 28:18; Ġw. 5:25-29.

11. Il-mewt taʼ Ġesù kif tagħmilha possibbli biex ngħixu għal dejjem?

11 Ġeħova għala ħalla lil Ibnu l-maħbub imut b’mewta taʼ wġigħ? Ġesù wieġeb din il-mistoqsija meta qal: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” (Ġw. 3:16) Meta Alla bagħat lil Ibnu biex imut għalina u jpatti għad-dnubiet tagħna, għamilha possibbli għalina biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem. (Mt. 20:28) L-appostlu Pawlu spjega din il-parti importanti tal-iskop t’Alla meta kiteb: “Ladarba l-mewt ġiet permezz taʼ bniedem, l-irxoxt tal-mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem. Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.”—1 Kor. 15:21, 22.

12. Ġeħova kif se jwettaq l-iskop tiegħu?

12 Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu ħalli tiġi s-Saltna t’Alla u biex fuq l-art ikun hawn dak li jixtieq Alla. (Mt. 6:9, 10) Parti mill-iskop t’Alla hu li l-bnedmin jgħixu għal dejjem fuq l-art. Biex jagħmel dan, Ġeħova għamel lil Ibnu Re tas-Saltna tiegħu. U Alla qed jiġbor 144,000 persuna minn madwar id-dinja biex jaħdmu maʼ Ġesù biex jagħmlu dak li jrid Alla.—Riv. 5:9, 10.

13. Ġeħova x’qed jagħmel bħalissa, u int x’għandek tagħmel?

13 Bħalissa Ġeħova qed jiġbor “folla kbira” taʼ nies. Hu qed jittrennjahom biex jgħixu taħt it-tmexxija tas-Saltna tiegħu. (Riv. 7:9, 10; Ġak. 2:8) Minkejja li llum ħafna nies huma mifrudin minħabba l-mibegħda u l-gwerer, dawk tal-‘folla l-kbira’ jaħdmu iebes biex ma jkunux bħalhom. B’dak li jagħmlu juru li qed ibiddlu “sjufhom f’sikek tal-moħriet.” (Mik. 4:3) Minflok ma jieħdu sehem fil-gwerer li fihom imutu ħafna nies, huma qed jgħinu lin-nies biex isibu “l-ħajja vera” billi jgħallmuhom dwar l-Alla l-veru u l-iskopijiet tiegħu. (1 Tim. 6:19) Minħabba li huma jissapportjaw is-Saltna t’Alla forsi ma jkollhomx ħafna flus u tal-familja jaf jiħduha kontrihom. Imma Ġeħova jagħmel ċert li huma jkollhom l-affarijiet bżonjużi. (Mt. 6:25, 30-33; Lq. 18:29, 30) Dawn l-affarijiet jaċċertawna li s-Saltna t’Alla hi vera u li se tkompli twettaq l-iskop t’Alla.

FUTUR SABIĦ DALWAQT

14-15. Il-wegħda taʼ Ġeħova li se jneħħi l-mewt għal dejjem kif se titwettaq?

14 Ġesù issa hu r-Re tas-Saltna t’Alla fis-sema u se jwettaq il-wegħdi kollha taʼ Ġeħova. (2 Kor. 1:20) Hu ilu ‘jmexxi fost l-għedewwa tiegħu’ mill-1914. (Salm 110:1, 2) Ġesù u dawk li jkunu qed imexxu miegħu dalwaqt se jeqirdu lin-nies ħżiena kollha.—Riv. 6:2.

15 Matul l-Elf Sena tat-tmexxija tiegħu, Ġesù se jirxoxta lill-mejtin u jgħin lil dawk kollha li jobdu lil Ġeħova jsiru perfetti. Wara l-aħħar test, dawk li Ġeħova jqishom bħala nies sewwa “se jirtu l-art, u jgħixu fiha għal dejjem.” (Salm 37:10, 11, 29) Kemm se tkun xi ħaġa sabiħa li “l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.”—1 Kor. 15:26.

16. X’għandha tkun l-iktar raġuni importanti għala naqdu lil Ġeħova?

16 F’dan l-artiklu rajna li t-tama li ngħixu għal dejjem hi bbażata fuq il-Kelma t’Alla. Din it-tama tistaʼ tgħinna nibqgħu leali matul dawn l-aħħar żminijiet diffiċli. Aħna ma nobdux lil Ġeħova għax irridu nibqgħu ngħixu biss. L-iktar raġuni importanti għala nobdu lilu u lil Ġesù hi għax inħobbuhom ħafna. (2 Kor. 5:14, 15) Għalhekk, inkunu rridu nimitawhom u naqsmu t-tama li għandna m’oħrajn. (Rum. 10:13-15) Meta nitgħallmu nkunu ġenerużi, Ġeħova se jkun irid isir il-ħabib tagħna għal dejjem.—Ebr. 13:16.

17. Kull wieħed u waħda minna x’għażla jrid jagħmel? (Mattew 7:13, 14)

17 Se nkunu fost dawk li se jgħixu għal dejjem? Ġeħova tana din l-opportunità. Issa f’idejna jekk nagħżlux li nibqgħu fit-triq li twassal għall-ħajja. (Aqra Mattew 7:13, 14.) Kif se tkun il-ħajja meta ngħixu għal dejjem? Se nwieġbu din il-mistoqsija fl-artiklu li jmiss.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Xi provi għandna li l-bniedem kien maħluq biex jgħix għal dejjem?

  • Kif nafu li Ġeħova ma bidilx l-iskop tiegħu li l-bnedmin jgħixu għal dejjem?

  • X’inhi l-iktar raġuni importanti għala rridu ngħixu għal dejjem?

GĦANJA 141 Il-miraklu tal-ħajja

a Tħares ’il quddiem biex tgħix għal dejjem? Ġeħova wegħedna li xi darba se ngħixu mingħajr ma ninkwetaw li nistgħu mmutu. F’dan l-artiklu se naraw biss ftit raġunijiet għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jwettaq din il-wegħda.

b Ara l-kaxxa “Xi Tfisser ‘għal Dejjem’ fil-Bibbja?”

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu kbir fl-età qed jimmaġina x’jistaʼ jgawdi fid-dinja l-ġdida.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja