ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 18
GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!
Ġuvintur—Imitaw lil Marku u Timotju
“Ġib miegħek lil Marku, għax hu se jgħinni ħafna biex nagħmel ix-xogħol qaddis.”—2 TIM. 4:11.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Kif l-eżempji taʼ Marku u Timotju jistgħu jgħinu lill-ġuvintur mgħammdin biex jagħmlu iktar għal Ġeħova u għall-aħwa fil-kongregazzjoni.
1-2. X’setaʼ żamm lil Marku u Timotju milli jagħmlu iktar għal Ġeħova u għall-aħwa?
ĠUVINTUR, tixtiequ tagħmlu iktar għal Ġeħova u tgħinu iktar lill-aħwa fil-kongregazzjoni? Żgur li iva. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li naraw ħafna ġuvintur lesti jagħmlu iktar għal oħrajn! (Slm. 110:3) Però, jaf tħoss li hemm xi affarijiet li qed jagħmluhielek diffiċli biex tagħmel iktar. Pereżempju, ġieli żżomm lura għax ma tkunx taf x’se jiġri f’ħajtek jew fejn se jibagħtek Ġeħova? Jew ġieli żammejt lura milli taċċetta inkarigu għax ħsibt li ma tkunx tistaʼ tagħmlu sew? Jekk iva, m’intix waħdek.
2 Marku u Timotju setgħu ħassew xi emozzjonijiet bħal dawn li semmejna. Imma xorta ma żammewx lura milli jaqdu lil oħrajn, avolja ma kinux jafu kif ħa tinbidel ħajjithom jew ħassew li ma kellhomx biżżejjed esperjenza. Meta l-appostlu Pawlu u Barnaba stiednu lil Marku biex imur magħhom fl-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom, probabbilment Marku kien qed jgħix f’dar komda maʼ ommu. (Atti 12:12, 13, 25) Imma Marku telaq mid-dar biex ikun jistaʼ jagħmel iktar għal Ġeħova. L-ewwel, hu mar jgħix Antjokja. Imbagħad, hu vjaġġa maʼ Barnaba u Pawlu biex jipprietka f’postijiet ’il bogħod. (Atti 13:1-5) Timotju wkoll wisq probabbli kien qed jgħix m’ommu u missieru meta Pawlu stiednu biex jgħinu fix-xogħol tal-ippritkar. Peress li kien għadu żgħir u ma tantx kellu esperjenza, setaʼ ħaseb li ma kienx tajjeb biżżejjed biex imur ma’ Pawlu. (Ara l-prinċipju fl-1 Korintin 16:10, 11 u fl-1 Timotju 4:12.) Imma hu m’għamilx hekk. Timotju aċċetta l-istedina taʼ Pawlu u minħabba f’hekk, kellu ħafna barkiet f’ħajtu.—Atti 16:3-5.
3. (a) Kif nafu li Pawlu kien japprezzahom ħafna lil Marku u Timotju? (2 Timotju 4:6, 9, 11) (Ara wkoll l-istampi.) (b) X’mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?
3 Marku u Timotju tgħallmu kif jieħdu ħsieb ħafna responsabbiltajiet fil-kongregazzjoni meta kienu għadhom żgħar. Pawlu tant apprezzahom lil dawn l-irġiel li meta nduna li dalwaqt kien se jmut, staqsiehom biex imorru ħdejh. (Aqra 2 Timotju 4:6, 9, 11.) Xi kwalitajiet kellhom Marku u Timotju biex Pawlu sar iħobbhom u jafdahom? Il-ġuvintur mgħammdin illum kif jistgħu jimitawhom? U l-pariri bi mħabba taʼ Pawlu kif jistgħu jgħinu lill-ġuvintur illum?
Pawlu kien iħobbhom u japprezzahom ħafna lil Marku u Timotju, għax minn meta kienu żgħar ħadu ħsieb ħafna responsabbiltajiet (Ara paragrafu 3)c
IMITA LIL MARKU BILLI TKUN LEST LI TAQDI IKTAR LIL ĠEĦOVA U LIL OĦRAJN
4-5. Marku kif wera li kien lest li jaqdi lil oħrajn?
4 Li xi ħadd jaqdi lil oħrajn jistaʼ jfisser li jaħdem iebes biex jgħin lil xi ħadd u jibqaʼ jgħinu anki meta ssir diffiċli. Dan hu eżatt dak li għamel Marku. Meta Pawlu m’aċċettax li Marku jmur magħhom fit-tieni vjaġġ missjunarju, wisq probabbli Marku kien imweġġaʼ u ddiżappuntat. (Atti 15:37, 38) Imma dan żammu lura milli jaqdi lill-aħwa? Le.
5 Marku aċċetta inkarigu ġdid. Hu mar mal-kuġin tiegħu Barnaba biex jippritkaw f’post ieħor. Imbagħad, xi 11-il sena wara, Marku kien wieħed minn dawk l-aħwa li marru jinkuraġġixxu lil Pawlu meta kien il-ħabs f’Ruma. (Flm. 23, 24) Fil-fatt, Pawlu tant apprezza l-għajnuna taʼ Marku li qal li kien wieħed li ‘għenu u saħħu.’—Kol. 4:10, 11.
6. Marku kif ibbenefika peress li qatta’ l-ħin m’aħwa maturi? (Ara n-nota taʼ taħt.)
6 Marku bbenefika ħafna peress li kien iqattaʼ l-ħin m’aħwa maturi. Wara li qattaʼ xi żmien maʼ Pawlu f’Ruma, hu aċċetta inkarigu maʼ Pietru f’Babilonja. Huma tant kienu ħbieb li Pietru qal: “Marku li nqisu bħala t-tifel tiegħi.” (1 Pt. 5:13) Hemm ċans kbir li huma u jaħdmu flimkien, Pietru qal lil Marku dettalji interessanti dwar il-ħajja taʼ Ġesù. B’hekk, Marku setaʼ jikteb wieħed mill-Evanġelji.a
7. Ħu żagħżugħ jismu Simon kif imita l-eżempju taʼ Marku? (Ara wkoll l-istampa.)
7 Marku ra li jkollu ħafna x’jagħmel għal Ġeħova u qattaʼ ħafna ħin ma’ aħwa maturi. Int kif tistaʼ timita lil Marku? Forsi tixtieq tagħmel iktar għal Ġeħova billi taqdi bħala qaddej ministerjali jew anzjan, imma s’issa għadek ma tikkwalifikax. Jekk din hi s-sitwazzjoni tiegħek, tħossokx skuraġġit. Minflok, kompli ara x’tistaʼ tagħmel għal Ġeħova u għall-kongregazzjoni. Aħseb dwar l-eżempju taʼ ħu jismu Simon,b li llum jaqdi bħala anzjan. Meta kien iżgħar, kien iqabbel lilu nnifsu maʼ dawk tamparu li diġà kellhom xi privileġġi fil-kongregazzjoni. Minħabba f’hekk, hu ħass li l-anzjani ma kinux qed jagħtu kasu. U peress li kien imweġġaʼ eventwalment qalilhom kif kien qed iħossu. Wieħed mill-anzjani ssuġġerielu jagħmel li jistaʼ biex jaqdi lil oħrajn avolja xi kultant dawn l-affarijiet ma jiġux innotati. Simon applika dan il-parir, u beda jwassal lill-aħwa kbar fl-età u dawk li kellhom bżonn għal-laqgħat. Meta jaħseb dwar l-esperjenza tiegħu, Simon jgħid: “Jien tgħallimt iktar xi jfisser li taqdi lil oħrajn, u issa naf kemm tħossok ferħan meta tgħinhom.”
Jekk żagħżugħ mgħammed iqattaʼ l-ħin m’aħwa maturi, kif ħa jibbenefika? (Ara paragrafu 7)
IMITA LIL TIMOTJU BILLI TURI LI VERA JINTERESSAK MINN OĦRAJN
8. Pawlu għala għażel lil Timotju biex jivvjaġġa miegħu? (Filippin 2:19-22)
8 Pawlu kellu bżonn aħwa kuraġġużi biex jivvjaġġaw miegħu meta reġaʼ mar fi bliet fejn kien ġie ppersegwitat. L-ewwel, hu għażel lil ħu jismu Sila li kien qeda lil Ġeħova għal ħafna snin. (Atti 15:22, 40) Imbagħad Pawlu għażel lil Timotju biex imur miegħu. Imma Pawlu għala ried lil Timotju? Raġuni waħda hi li l-aħwa fil-kongregazzjonijiet fejn kien joqgħod Timotju qalu affarijiet tajbin dwaru. (Atti 16:1, 2) Barra minn hekk, Timotju kien jinteressah ħafna min-nies.—Aqra Filippin 2:19-22.
9. Timotju kif wera li vera kien jinteressah mill-aħwa?
9 Minn meta beda jaħdem maʼ Pawlu, Timotju wera li kien jinteressah iktar minn oħrajn milli minnu nnifsu. Allura, meta Pawlu telaq mill-Berea kien ċert li Timotju kien se jieħu ħsieb lill-aħwa ġodda sew. (Atti 17:13, 14) Dak iż-żmien, probabbilment, Timotju tgħallem ħafna minn Sila, li wkoll baqaʼ l-Berea. Imma iktar tard, Pawlu bagħat lil Timotju waħdu f’Tessalonika biex jinkuraġġixxi lill-aħwa t’hemmhekk. (1 Tes. 3:2) Fil-15-il sena taʼ wara, Timotju tgħallem ‘jibki maʼ min jibki,’ u b’hekk wera li kien jifhem lil dawk li kienu jbatu. (Rum. 12:15; 2 Tim. 1:4) L-irġiel żgħażagħ mgħammdin, kif jistgħu jimitaw lil Timotju?
10. Ħu jismu Walter kif tgħallem juri iktar interess persunali f’oħrajn?
10 Ħu jismu Walter tgħallem kif juri iktar interess personali f’oħrajn. Meta kien għadu żagħżugħ, kien isibha diffiċli biex jibda konversazzjoni m’aħwa ikbar minnu. Allura, meta kien jarahom fis-sala kien jgħidilhom hello u jibqaʼ sejjer. B’hekk, anzjan issuġġerielu biex jipprova jibda konversazzjoni mal-aħwa billi jgħidilhom x’kien jammira fihom. Qallu wkoll biex jaħseb dwar xiex tieħu pjaċir titkellem il-persuna l-oħra. Walter applika dawn il-pariri. Issa, hu qed jaqdi bħala anzjan u jgħid: “Illum insibha iktar faċli biex nitkellem ma’ nies t’etajiet differenti. Jien kuntent li issa nista’ nifhem iktar iċ-ċirkustanzi t’oħrajn. Dan jgħinni biex inkun naf x’għandhom bżonn l-aħwa u kif nistaʼ ngħinhom.”
11. Il-ġuvintur mgħammdin kif jistgħu juru interess personali f’oħrajn fil-kongregazzjoni? (Ara wkoll l-istampa.)
11 Ġuvintur mgħammdin, intom ukoll tistgħu titgħallmu turu interess persunali f’oħrajn. Meta tkun il-laqgħat, tkellem m’aħwa t’etajiet u backgrounds differenti, staqsihom kif inhuma sejrin, u ismaʼ sew x’jgħidulek. Imbagħad se tifhem aħjar kif tistaʼ tgħinhom. Forsi ssir taf li xi wħud għandhom bżonn l-għajnuna għax ma jafux jużaw il-JW Library®. Jew issir taf li hemm xi ħadd li m’għandux maʼ min jaħdem fuq is-service. Tistaʼ tipprova tgħin lil dawn l-aħwa billi turihom kif jużaw il-mobile jew it-tablet, jew tiftiehem magħhom għas-service? Meta tgħin lill-aħwa b’dawn il-modi, se ssir eżempju tajjeb fil-kongregazzjoni.
L-aħwa rġiel żgħażagħ jistgħu jgħinu l-kongregazzjoni b’ħafna modi (Ara paragrafu 11)
IL-PARIRI TAʼ PAWLU JISTGĦU JGĦINUK
12. Il-ġuvintur kif jistgħu jibbenefikaw mill-pariri li Pawlu ta lil Timotju?
12 Pawlu ta lil Timotju pariri tajbin ħafna biex jgħinu jkollu ħajja ferħana u jaqdi iktar lil Ġeħova. (1 Tim. 1:18; 2 Tim. 4:5) Ġuvintur, intom ukoll tistgħu tibbenefikaw ħafna jekk tapplikaw il-pariri ta’ Pawlu. Kif? Aqra ż-żewġ ittri li Pawlu kiteb lil Timotju bħallikieku Pawlu kitibhom lilek. Imbagħad, ara x’tistaʼ tapplika. Aħseb dwar dawn l-eżempji li ġejjin.
13. X’se jgħinek tkun iktar leali lejn Ġeħova?
13 “Ittrennja lilek innifsek bil-mira li tkun leali lejn Alla.” (1 Tim. 4:7b) Li tkun leali lejn Alla jfisser li jkollok ix-xewqa li tagħmel dak li jrid Ġeħova. Din il-kwalità ma nitwildux biha, allura hemm bżonn li naħdmu għaliha. Xi rridu nagħmlu? Il-kelma bil-Grieg li Pawlu uża għal “ittrennja lilek innifsek” kienet tintuża għall-ħafna trejning li jagħmlu l-atleti biex ikunu preparati għal kompetizzjoni. Dawn l-atleti kellhom bżonn ikunu dixxiplinati magħhom infushom. Aħna wkoll għandna bżonn inkunu ddixxiplinati magħna nfusna biex ikollna drawwiet li jressquna eqreb taʼ Ġeħova.
14. X’għandha tkun il-mira tagħna meta naqraw il-Bibbja? Agħti eżempju.
14 Huwa importanti ħafna li naħdmu biex ikollna drawwa li naqraw il-Bibbja kuljum. Barra minn hekk, importanti li meta naqraw il-Bibbja, il-mira tkun li nsiru iktar ħbieb taʼ Ġeħova. Pereżempju, meta taqra r-rakkont taʼ Ġesù u l-mexxej żagħżugħ li kien sinjur, x’titgħallem dwar Ġeħova? (Mrk. 10:17-22) Iż-żagħżugħ kien jemmen li Ġesù kien il-Messija, imma ma kellux biżżejjed fidi biex imur warajh. Minkejja dan, Ġesù kien “jinteressah minnu.” Ġesù tkellem bi mħabba maż-żagħżugħ għax xtaqu jieħu deċiżjoni li tgħinu jkun ferħan hekk kif jaqdi lil Ġeħova. Il-mod kif Ġesù ħassu għal dan iż-żagħżugħ hu eżatt kif ħassu Ġeħova għalih. (Ġw. 14:9) Int u taħseb dwar din l-istorja u ċ-ċirkustanzi tiegħek, staqsi lilek innifsek, ‘Jien x’hemm bżonn nagħmel biex insir iktar ħabib taʼ Ġeħova u biex naqdi iktar lil oħrajn?’
15. Ħu żagħżugħ għala għandu jkun t’eżempju tajjeb? Agħti eżempju. (1 Timotju 4:12, 13)
15 “Kun t’eżempju għal dawk leali.” (Aqra 1 Timotju 4:12, 13.) Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex jitgħallem jaqra u jgħallem sew. Imma hu riedu wkoll li jaħdem biex ikollu kwalitajiet bħall-imħabba, il-fidi, u l-indafa morali. Għala? Għax il-mod kif wieħed jaġixxi hu iktar importanti minn dak li jgħid. Immaġina li trid tagħti taħdita dwar kif nistgħu nagħmlu iktar fuq is-service. Jekk inti tkun diġà qed tagħmel l-aħjar tiegħek fuq is-service se tħossok iktar komdu tagħmel din it-taħdita u m’intix se tistħi. Barra minn hekk, meta l-aħwa jaraw li inti qed tapplika dak li qed tgħid, se jiġu motivati biex jimxu fuq l-eżempju tiegħek.—1 Tim. 4:13.
16. (a) Il-ġuvintur f’liema ħames modi jistgħu jkunu iktar t’eżempju? (b) Ħu żagħżugħ kif jistaʼ jsir iktar t’eżempju “fil-mod taʼ kif titkellem”?
16 Fl-1 Timotju 4:12, Pawlu semma ħames modi kif ħu żagħżugħ jistaʼ jkun taʼ eżempju. Għax ma tagħmilx proġett għall-istudju dwar kull waħda minn dawn il-modi? Pereżempju, ejja ngħidu li tixtieq tkun iktar taʼ eżempju “fil-mod taʼ kif titkellem.” Aħseb dwar x’tistaʼ tgħid lil oħrajn biex tinkuraġġihom. Jekk għadek tgħix m’ommok u missierek, tistaʼ tirringrazzjahom iktar taʼ spiss taʼ dak kollu li jagħmlu għalik? Wara l-laqgħat, tistaʼ tgħid lil ħu jew oħt x’għoġbok mit-taħdita li tkun għamlet? Barra minn hekk, tistaʼ tipprova tagħmel kummenti fi kliemek waqt il-laqgħat? Meta taħdem iebes biex tkun t’eżempju fil-mod taʼ kif titkellem, l-aħwa se jaraw li qed issir qaddej aħjar taʼ Ġeħova.—1 Tim. 4:15.
17. X’se jgħin lil ħu żagħżugħ biex jilħaq miri spiritwali? (2 Timotju 2:22)
17 “Ikkontrolla x-xewqat li jistaʼ jkollok fiż-żgħożija u rsisti biex tagħmel dak li hu tajjeb.” (Aqra 2 Timotju 2:22.) Pawlu inkuraġġixxa lil Timotju biex jiġġieled xewqat ħżiena li jistgħu jtellfuh milli jilħaq il-miri spiritwali jew jagħmlu ħsara lill-ħbiberija tiegħu ma’ Ġeħova. Forsi tinduna li avolja m’hemm xejn ħażin f’li tagħmel affarijiet li tieħu pjaċir bihom, dawn xorta qed inaqqsulek il-ħin li tistaʼ tagħti lil Ġeħova. Pereżempju, aħseb dwar kemm tqattaʼ ħin tagħmel xi sport, fuq l-Internet, jew tilgħab il-video games. Taħseb li tistaʼ tuża xi ftit minn dak il-ħin għal Ġeħova jew biex tgħin lil oħrajn? Forsi tistaʼ tgħin fil-manutenzjoni tas-Sala tas-Saltna jew tmur fuq it-trolleys. Jekk tagħmel affarijiet bħal dawn hemm ċans kbir li tagħmel ħbieb ġodda li se jinkuraġġuk tagħmel iktar għal Ġeħova u jgħinuk biex tilħaq miri spiritwali.
JEKK TAQDI LIL OĦRAJN SE TKUN FERĦAN
18. Kif nafu li Marku u Timotju kellhom ħajja mimlija b’esperjenzi sbieħ?
18 Marku u Timotju għamlu ħafna bidliet f’ħajjithom biex jaqdu iktar lil oħrajn u minħabba f’hekk kellhom ħajja mimlija b’esperjenzi sbieħ. (Atti 20:35) Marku vjaġġa f’ħafna postijiet biex jgħin lill-aħwa, u barra minn hekk kiteb rakkont vera sabiħ tal-ħajja taʼ Ġesù. Timotju għen lil Pawlu biex jibda kongregazzjonijiet ġodda u inkuraġġixxa ħafna lill-aħwa. Ġeħova ra s-sagrifiċċji kollha li Marku u Timotju għamlu biex jaqduh iktar u dan żgur li għamlu ferħan ħafna.
19. Il-ġuvintur għala għandhom japplikaw il-pariri li Pawlu ta lil Timotju?
19 Aħna nistgħu naraw kemm Pawlu kien iħobb lil Timotju meta naqraw iż-żewġ ittri li bagħatlu. Però, kien Ġeħova li ta lil Pawlu l-ispirtu qaddis biex jikteb dawn l-ittri. Allura dak li naqraw fihom juri kif Ġeħova jħossu dwarkom, ġuvintur. Hu jħobbkom ħafna u jixtieq li jkollkom ħajja sabiħa hekk kif taqduh. Mela agħmel l-aħjar li tistaʼ biex tieħu l-pariri taʼ Pawlu u taqdi iktar lil oħrajn. Jekk tagħmel hekk, se jkollok ħajja sabiħa issa u se ‘taqbad qabda sod mal-ħajja vera’ li ġejja.—1 Tim. 6:18, 19.
GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”
a Pietru kien bniedem li juri ħafna l-emozzjonijiet tiegħu, allura kien faċli għalih li jispjega lil Marku x’qal u x’għamel Ġesù, u anki kif kien iħossu. Jistaʼ jkun li għalhekk Marku fil-ktieb li kiteb tkellem ħafna dwar kif kien iħossu Ġesù u x’għamel.—Mrk. 3:5; 7:34; 8:12.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
c X’TURINA L-ISTAMPA: Marku qed jieħu ħsieb il-bżonnijiet taʼ Pawlu u Barnaba meta kienu fl-ewwel vjaġġ missjunarju tagħhom. Timotju qed iżur kongregazzjoni biex jinkuraġġixxi u jsaħħaħ lill-aħwa.